Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' PRO fil-Ministeru tiegħu? Meta ġie appuntat? X'inhu s-salarju tiegħu? Din il-persuna ddaħħlet b'kuntratt u għal kemm żmien?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-istruttura tas-segretarjati tal-Ministeri ma teżistix kariga ta' 'Public Relations Officer'. Għalhekk qed nippreżumi li l-Onor Membru qed jirreferi għal post ta' 'Communications Co-ordinator' fis-Segretarjat tiegħi.
Is-Sur Silvio Zammit ġie magħżul biex jaqdi d-dmirijiet ta' din il-kariga. Ilu jippresta s-servizzi tiegħu sa mill-5 ta' Frar 1999 u dan għalkemm il-kuntratt tiegħu għadu ma ġiex iffirmat. Meta u jekk dan jiġi ffirmat, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni jkunu bħal dawk ta' 'Communications Co-ordinators' f'Ministeri oħra skond l-iskeda stabbilita.
S'issa s-Sur Zammit ma rċeva l-ebda ħlas għas-servizz li ta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx sottomessi xi pjanijiet lill-gvern minn Settembru, 1998 'il hawn biex il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq ma tibqax tuża kwantita' kbira ta' pitrolju u xorta tibqa' msaħħna? Jista' jagħti informazzjoni dwar dawn il-pjani, bħal ngħidu aħna, x'kienu, min għamel is-sottomissjonijiet u kemm jiġu ffrankati flus? Jekk saru sottomissjonijiet, il-gvern aċċetta xi waħda mill-proposti li saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm dieversi diskussjonijiet bil-għan li jinstab l-aħjar mod kif il-Bord Amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali jkun jista' jekonomizza fuq il-ħlasijiet tal-fuel mingħajr ma jiġi mnaqqas is-servizz li dejjem ġie provdut speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-temperatura kostanti ta' l-ilma. Possibilita' li ġiet mistħarrġa hija dik li tiġi nstallata sistema ta' solar heating. Madankollu, n-nefqa biex dan il-proġett jitwettaq hija kbira u għalissa ma jistax jiġi kkunsidrat. Sadanittant ġie ppreparat rapport intitolat The Effectiveness of an Energy Conservation for a Heated Outdoor Pool mis-Sur Paul Vassallo. Dan ir-rapport għadu qed jiġi analizzat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ta' l-għawm taħt l-iskema Skola Sport minn Jannar li għadda sa dan ix-xahar fil-Pixxina Nazzjonali u fir-Razzett tal-Ħbiberija? Kemm attendew tfal f'kull Sibt li sar it-taħriġ? Kemm kienu l-għalliema preżenti f'kull laqgħa? Jista' jgħid ukoll minn meta bdiet l-Iskola Sport ta' l-għawm, kemm saru ħlasijiet lill-Pixxina Nazzjonali u lir-Razzett tal-Ħbiberija f'kull każ? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuni li joqogħdu fl-indirizz, li qed nibgħat separatament li huwa post ikkundannat u mhux tajjeb biex jgħixu fih in-nies, se jingħataw residenza aktar xierqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni ndikata qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma' l-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers fl-Armata mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-postings fil-Forzi Armati jsiru skond il-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari. Fil-perjodu bejn il-5 ta’ Settembru 1998 u s-26 ta’ April 1999 kien hemm 22-il posting bejn Regiment u iehor u 71 posting bejn Kumpaniji fl-istess Regiment. Kien hemm ukoll trasferiment ta’ tliet haddiema pajzana mill-Forzi Armati ghad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili.
Jista' l-Ministru jara li l-blata li hemm fl-entratura tat-Tempji Neolitiċi f'Ħal Tarxien tinbidel minħabba li hi ta' periklu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-blata msemmija ġiet mirfuda b'tali mod li ma taqax. Minkejja dan, l-entratura fejn hemm il-blata m'hiex qed tintuża bħala aċċess għat-tempji. B'hekk ma hemm ebda periklu immedjat għall-pubbliku jew għall-ħaddiema.
Huwa maħsub illi fil-jiem li ġejjin, l-arranġament eżistenti jiġi eżaminat minn perit biex jikkonferma li l-blata hija mirfuda sewwa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasslu n-negozjati biex għalqa abbandunata quddiem l-iskola ta' Ħal Tarxien (qrib Joann Gardens) tinbidel f'parking area u area rikreattiva?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika ma' liema Dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru ta' l-Intern kienu qed isiru n-negozjati li rrefera għalihom fil-Mistoqsija.
03.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ regolarment l-għassa tal-Pulizija f'Ħal Tarxien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, sa fejn hu possibli, l-Għassa ta' Ħal Tarxien tinżamm miftuħa fuq bażi regolari.
Iżda, bħal ma għidt fit-tweġiba għal-Mistoqsija preċedenti dwar għassa oħra, dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.
03.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li l-ispralli fit-Triq Paola, Tarxien (ħdejn il-Paramount) jerġgħu jinfetħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill għas-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant. Għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat ta' immaniġġjar jinsab il-Masġar il-ġdid tax-Xagħra l-Ħamra tal-Manikata, (taħt il-ġibjun) dak li kien inbeda taħt l-ex-ministru L. Gatt u li fit-taħwil tiegħu kienu ħadu sehem l-għaqdiet mhux governattivi? Sar xi taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-Dipartiment tal-Biedja llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħol f'dan il-masġar waqaf ħesrem meta inqas minn sentejn ilu ttieħdet deċisjoni biex dan is-sit jintuża bħala mudell ta' ġnien tal-frott sperimentali.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-masġar ġdid li kien tħawwel mill-ministeru/dipartiment tal-biedja flimkien mal-moviment tal-Facolarini, fil-biċċa ta' isfel tal-kamp ta' Għajn Tuffieħa, qrib it-triq? F'liema stat ta' immaniġġjar jinsab dan il-masġar il-ġdid? Sar taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-dipartiment tal-biedja llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta twaqqaf dal-masġar ħames snin ilu kienet issir manutenzjoni regolari, inkluża dik ta' drip irrigation fl-ewwel sentejn. Wara dan, sar vandaliżmu fuq is-sit u peress li dan inkluda ħruq ukoll, kienet inqerdet il-parti kbira tas-siġar. Ġie nnutat li dan l-aħħar sar tindif u ħart fil-parti l-kbira qrib it-triq prinċipali, imma mhux magħruf minn min. Il-kumplament tas-sit għadu fi stat witi, biss għad baqa' tlett siġriet tal-prinjol ħajjin. Peress li dan is-sit li jaqa' taħt id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, għandu aċċess miftuħ u qiegħed jintuża bħala picnic area mill-pubbliku wkoll, għal-mument mhux qed jitkompla x-xogħol ta' tħawwil.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju biżżejjed tal-fatt li qiegħed jitwettaq żbir ta' siġar mill-ġonna kollha ta' pajjiżna? Jaf il-Ministru biż-żbir bla ħtieġa ta' xejn u fl-agħar żmien possibbli tas-sena tas-siġar tal-palm? Jaf li dan sar ukoll f'ġonna li jaqgħu taħt il-kontroll dirett tal-gvern ċentrali bħal fil-Mall, il-Furjana? Il-Ministru hu konxju li dan qiegħed iservi ta' dannu għall-bijoloġija ta' l-istess siġar, filwaqt li qiegħed ikerrah l-ambjent? Huwa konxju l-Ministru li dan iż-żbir esaġerat u bla bżonn mid-Dipartiment tal-Biedja qiegħed juri li d-dipartiment għandu nuqqas ta' nies kompetenti biex jikkontrollaw ix-xogħol, filwaqt li qiegħed iservi ukoll ta' skandlu u eżempju ħażin għal nies oħra li jaħdmu fil-ġonna f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jibdel il-policy tad-dipartiment f'dan il-qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li xejn minn dak li ntqal fil-mistoqsija m'hu korrett. Saret żabra tal-weraq nixfin u oħrajn miksura skond kif titlob is-sengħa u kif kien meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' koppja miżżewġa li jgħixu flimkien u li legalment huma separati u li xi waħda minnhom tieħu l-pensjoni mnaqqsa b'riżultat tas-separazzjoni xi jkun is-sehem lil persuna l-oħra mill-imsemmija pensjoni mnaqqsa? Jekk sistema bħal din ma teżistix, jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li jintroduċi xi ħaġa f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, filwaqt li fil-każ ta' pensjonijiet li jitħallsu b'rati fissi l-liġi tiprovdi rata għal raġel miżżewweġ li jmantni mara u rata oħra għal persuna waħedha, fil-każ ta' pensjoni li titħallas taħt l-iskema nazzjonali taż-żewġ terzi, r-rata ta' pensjoni għal raġel miżżewweġ u persuna waħedha hija l-istess.
Għalkemm iż-żewġ tipi ta' pensjoni jistgħu jitnaqqsu jew jinqasmu (skond il-każ) minħabba separazzjoni, dan it-tnaqqis jew qsim isir kemm il-darba jkun hemm sentenza tal-Qorti li tordna dan, jew jekk ikun hemm xi forma ta' ftehim legali bejn il-partijiet.
L-ammont li bih tinqasam il-pensjoni ikun regolat skond is-sentenza tal-Qorti jew il-ftehim legali imsemmi. Fin-nuqqas ta' sentenza tal-Qorti jew Ftehim legali bejn il-partijiet, il-pensjoni tinqasam biss kemm il-darba il-pensjonant nnifsu jaċċetta li jsir dan.
F'dan il-każ jekk il-pensjonant jinsisti li l-pensjoni ma tinqasamx, fil-każ tal-pensjoni taż-żewġ terzi ma jista' jsir xejn iżjed legali mid-Dipartiment, filwaqt li fil-każ ta' pensjoni li titħallas b'rata fissa, kemm il-darba ikun ipprovat li r-raġel mhux imantni lil martu, id-Dipartiment inaqqas dik il-parti dovuta għal mara mir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Din il-parti li titnaqqas ma titħallasx lil mara. Fl-istess waqt id-Dipartiment jitlob lil mara sabiex tibda proċeduri legali kontra żewġha għal manteniment.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-postijiet tal-Gvern fl-oqsma residenzjali ta' San Patrizju u Sant'Andrija, f'Pembroke jiġu mibjugħa lill-inkwilini li qed jokkupaw ir-residenzi msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar bdiet tagħmel il-"valuations" fuq ir-residenzi tal-lokalitajiet imsemmija fejn l-inkwilini tagħhom għamlu talba biex jixtru r-residenza governattiva tagħhom.
3.5.99
Jista' l-Ministru jintervjeni biex problema fis-sistema tad-dawl fi blokk 4, in-naħa ta' flat 9 u 10 fil-Qasam tad-Djar San Patrizju, f'Pembroke tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji speċifiċi sabiex l-ilment in kwistjoni jkun jista' jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji/korporazzjonijiet, eċċ li jħaddmu nisa b'anqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa? Kemm hemm minn dawn in-nisa, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li la d-Dipartiment tax-Xogħolijiet u lanqas il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ ma jżommu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Health and Safety Division tagħmilx stħarriġ dwar is-sistemi tal-produzzjoni użati fl-Industrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-frażi "sistemi tal-produzzjoni" hija kemmxejn vaga fil-kuntest ta' din il-Mistoqsija Parlamentari. Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal prattika ta' kif isir ix-xogħol (work practices, jew inkella għal apparat jew makkinarju użat fuq il-linji ta' produzzjoni (work equipment), inklużi, 'conveyor belts' jew 'production lines', allura, l-Ispetturi tat-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol jagħtu każ dawn it-tip ta' ħwejjeġ imsemmija, u fejn jindunaw b'xi perikli għas-saħħa, jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni.
3.5.99