Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nisa mill-1994 sa l-1998 applikaw għal pregnacy leave kull sena, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandu l-ebda statistika ta' kemm nisa applikaw għall-"pregnancy leave" Dan peress li la min japplika (il-ħaddiema) u lanqas min iħaddem m'għandu xi obbligu li jinforma lid-Dipartiment tax-Xogħol.
4.5.99
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li kienu mal-gvern u li mbagħad marru ma' entitajiet pubbliċi u llum huma pensjonanti b'pensjoni maħduma fuq il-paga ta' meta kienu mal-gvern, issir ġustizzja magħhom u jiġu mogħtija lilhom dak li ħaqqhom skond il-paga li kellhom fl-entita' pubblika rispettiva li kienu fiha qabel spiċċaw mix-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4436 f`Seduta Numru 71.
Narġa nirreptilu li matul kważi sentejn il-Gvern preċedenti raqad fuq din il-kwistjoni.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Bordijiet/kumitati
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4651, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill ta' l-Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean?
Response (BORG, JOE)
Il-Kunsilliera Maltin membri tal-Kunsill ta' l-Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean huma s-Sur Alfred A. Zarb u Sur Manni Spiteri. Min-naħa tal-Libja il-Kunsilliera huma s-Sinjuri Ali Mohammed Nagem u Ali Mahammed Atija.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-livell tad-dejn pubbliku meta tinkludi s-self tal-korporazzjonijiet u entitajiet pubbliċi bħala ratio tal-GDP mill-1987 sa l-1998, sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitlub L-Onorevoli Interpellanta jiġi ppubblikat mill-Bank Ċentrali.
Onor. Alfred Sant — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4627, fejn il-Prim Ministru qal li: "Ġiet introdotta mill-ġdid il-VAT, taxxa li mhux biss se tiggarantixxi dħul ġust u neċessarju għal gvern imma neħħiet spejjeż żejda minn fuq in-negozju", jista' l-Prim Ministru jgħid hux konxju taż-żieda esaġerata fil-prezzijiet li l-anzjani, ż-żgħażagħ, dawk li jgħixu bl-għajnuna soċjali u l-familji kollha bi dħul baxx u medju, qed iħabbtu wiċċhom magħha malli ġiet introdotta l-VAT?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4298 u għar-rapport dwar l-impatt soċjali tal-VAT li kien poġġa fuq il-Mejda ta' din il-Kamra ftit ilu l-Onorevoli Ministru tal-Finanzi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4656, peress li t-tweġiba hija bażikament tagħrif dwar x'tgħid il-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment biex jaqbad l-abbużi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kelli diġa` l-okkażżjoni nuri fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4656, l-ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT kontinwament jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda fi stabbilimenti tan-negozju biex fost affarijiet oħra jivverifikaw jekk irċevuta fiskali tkunx ġiet reġistrata tajjeb fil-cash register jew le billi jqabbli l-lista ta` oġġetti mixtrija kif murija fuq l-irċevuta mal-mod kif dawn ikunu ġew reġistrati fil-cash register. Jekk ikun hemm bżonn, l-ispetturi tad-Dipartiment jiċċekkjaw fiżikament il-prodotti mixtrija ma` l-irċvuta li tkun ingħatat.
Barra minn dawn l-ispezzjonijiet, l-ispetturi tad-Dipartiment jagħmlu wkoll żjarat ta` sorveljanza f`ħinijiet u fi ġranet differenti fejn huma josservaw għal ħin twil l-attivita` li tkun għaddejja f`dak l-istabbiliment.
Id-Dipartiment jirċieva wkoll rapporti direttament mingħand il-pubbliku u mingħand id-dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u safejn l-informazzjoni li tasal mar-rapport tkun tippermetti, id-Dipartiment jistħarreġ kull każ.
Fejn jinstab li jkunu ġew reġistrati prodotti taxxabbli bħala eżenti, l-każ jiġi mgħoddi biex jittieħdu passi kriminali kontra l-persuna li tkun għamlet dan l-abbuż. Fejn jinstab li ma jkunx hemm bażi biżżejjed biex jittieħdu passi kriminali, l-każ jiġi mgħoddi biex isiru spezzjonijiet oħrajn aktar `il quddiem.
Matul Jannar u Frar ta` din is-sena, l-ispetturi tad-dipartiment għamlu b`kollox 744 spezzjoni u 159 żjara ta` sorveljanza fi stabbilimenti tan-negozju. B`riżultat ta` dan, 73 każ ġew mgħoddija biex jitressqu l-Qorti filwaqt li 153 oħra ġew mgħoddija għal aktar investigazzjoni.
Wieħed japprezza li l-ispetturi tad-Dipartiment ma jistgħux ikunu f`kull stabbiliment f`kull ħin, u għalhekk il-koperazzjoni tal-konsumaturi tibqa` element essenzjali f`kull sforz li jsir biex jiġu mrażżna l-abbużi. Bil-għan li jħeġġu aktar din il-koperazzjoni, f`dawn l-aħħar xhur, uffiċjali tad-Dipartiment ħadu sehem f`diversi programmi fuq ir-radju dwar affarijiet li jolqtu lill-konsumatur.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġietx impjegata mal-Ministeru għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kif sar dan l-impjieg u jekk dan l-impjieg huwiex wieħed ta' natura permanenti jew temporanja?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet impjegata, flimkien ma' oħrajn, bħala Ward Clerical Assistant wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-prioritajiet tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għal Business Plan fil-qasam edukattiv għas-snin 2000-2?
F'kull każ kemm għandu bżonn flus il-ministeru biex iwettaq il-priorita' magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet ta' Education Officers li huma vakanti?
Qed ikun hemm applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-vakanzi?
Il-ministeru qed jistudja x'jistgħu jkunu r-raġunijiet li għalihom persuni mhumiex japplikaw biex jimlew dawn il-vakanzi ta' EOs?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-postijiet ta' Education Officer fid-Dipartiment tal-Kurrikulu hemm dawn il-postijiet vakanti:
a) Education Officers għar-Reliġjon, Arti u Mużika. Għadha ma ħarġitx sejħa għall-applikazzjoni għal dawn il-postijiet.
b) Education Officers għall-Primarji b'enfasi fuq Malti/Ingliż/Matematika. Dawn il-postijiet ħarġet darbtejn sejħa għall-applikazzjoni għalihom u ma kien hemm ebda applikazzjoni valida.
c) Żewġ Education Officers għal Educational Assessment Unit. Fit-23 ta' Marzu 1999 reġgħet ħarġet sejħa għall-applikazzjoni għal dawn il-postijiet u ma applika ħadd.
d) Id-Dipartiment m'għandux anqas Education Officers biex jieħdu ħsieb it-Teknoloġija, il-Business Studies u l-Craft. Dawn ma ħarġitx sejħa għall-applikazzjoni għalihom.
Id-Diviżjoni qegħda tistudja r-raġunijet għan-nuqqas ta' applikazzjonijiet.
Ir-raġuni li tidher l-aktar ċara u tista' tkun l-ewlenija hija l-ħinijiet tax-xogħol u s-sistema ta' vakanzi.
Bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjonijiet għal numru ta' Education Officers fid-Dipartiment tal-'Operations' u 'Curriculum Management'. Fil-futur qrib, joħroġu sejħiet għal applikazzjonijit f'oqsma oħra.
Id-Diviżjoni qed tistudja x'tibdil jista' jsir fil-kwalifiki meħtieġa għal Education Officers għax, kif inhuma issa, huma restrittivi fis-sens li hemm tul ta' snin servizz rikjest u, wkoll, speċjalizzazzjoni f'ċerti oqsma qabel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li huma bla kap? Liema huma dawn l-iskejjel? Qiegħed ikun hemm applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-vakanzi? Il-Ministeru qiegħed jeżamina x'jistgħu jkunu r-raġunijiet li ma jkunx hawn persuni li japplikaw għall-Kap ta' Skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Iskejjel bla Kap huma:
SKEJJEL PRIMARJI U SEKONDARJI
Paola Primarja B
Kirkop
Qormi A (SG) (on pre retirement leave - 19-3-99)
Nadur
Victoria
Xagħra
Żebbuġ (Gozo)
Adelaide Cini Sekondarja tal-Bniet
Lorenzo Gafa`, Fortini
Ser toħroġ sejħa oħra għall-applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-vakanzi.
Fl-opinjoni tiegħi mhux qed ikollna applikazzjonijiet għax
* hemm numru ta' Assistant Heads li ma jistgħux japplikaw għaliex ma għandhomx ħames snin servizz skond l-agreement magħmul ma' l-MUT. Dawn ikollhom ħames snin f'Jannar ta' 2000.
* hemm numru ta' Assistant Heads li għandhom ħames snin servizz iżda ma għandhomx Diploma in Administration u dawn ukoll ma jsitgħux japplikaw.
* hemm numru ta' Assistant Heads li bl-agreement diġa' qegħdin fuq Salary Scale 6 (dik ta' Kap) u għalhekk naqas l-inċentiv li japplikaw.
Dawn il-punti kollha jistgħu jiġu ndirizzati f'agreement ġdid.
SKEJJEL SPEĊJALI
Santa Maria Day School - Msida
L-applikazzjoni għadha ma ħarġitx għax jista' jkun hemm pjanijiet differenti għal din l-iskola.
Il-Kap ta' l-Istitut Tekniku Mikielanġ Sapiano irtira u l-post tiegħu għadu vagant.
Ix-xahar li għadda saret sejħa għall-applikazzjoni għal dan il-post. Ħadd ma applika
Rigward it-tielet u r-raba' parti tal-Mistoqsija informat li bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Malli l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku tagħti l-approvazzjoni tagħha, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkun tista' tipproċedi billi toħroġ iċ-ċirkolari rilevanti fl-iskejjel.
S'issa dejjem kien hemm applikanti għal kull sejħa ta' l-applikazzjoni. Mhux dejjem ikun hemm l-istess numru ta' applikazzjonijiet minħabba li hemm ċerti klawsoli restrittivi għall-eliġibilita` tal-applikanti, per eżempju, ħames snin servizz bħala Assistent Kap u Diploma in Educational Administration and Managment. In-numru ta' parteċipanti fil-kors ta' Diploma in Educational Administration and Management hu kbir ħafna u, allura, fil-futur mhux previst li jkun hemm skarsezza ta' applikanti għall-post ta' Kap ta' skola.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa dwar ir-rakkmandazzjonijiet tal-Kummissjoni Zarb Adami dwar Sec u Matsec?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-Matsec iltaqa` erba' darbiet (i.e. fit-8 u t-18 ta' Frar, u fl-1 u l-15 ta' Marzu 1999) u kkonsidra fid-dettall il-25 rakkomandazzjoni (pp.37-41 tar-Rapport). Minn dawn il-laqgħat ħarġu l-ewwelnett ir-reazzjonijiet tal-Bord għal kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet u ħarġu wkoll, sa issa, tliet proposti għal bidliet fis-sistema preżenti marbutin ma':
a. Rakkomanazzjoni 2 dwar id-data tas-sessjoni prinċipali
ta' l-eżamijiet kif ukoll tar-riparatorju;
b. Rakkomandazzjoni 4 dwar il-kriterji ta' eliġibilta`
għall-paper markers; u
ċ. Rakkomandazzjoni 10 dwar ir-reviżjoni tal-karti.
Dawn il-proposti se jitressqu quddiem is-Senat.
Dwar rakkomanazzjonijiet oħra li m'għandhomx bżonn bidliet sostanzjali fir-regolamenti, sar hekk:
a. Rakkomandazzjoni 1: saru arranġamenti dwar titjib
fis-sistema biex jiġu evitati l-iżbalji tas-sena li
għaddiet
b. Rakkomandazzjoni 8: ħarġu applikazzjonijiet għal
żewġ vakanzi fil-Matsec Support Unit
ċ. Rakkomandazzjoni 14: saru żewġ seminars għal paper
setters
d. Rakkomandazzjoni 22: reġa' sar kuntatt ma' l-EDEXCEL
Xi rakkomandazzjonijiet oħra (speċjalment 15 u 16) iridu studju iktar fit-tul minħabba l-implikazzjonijiet u għalhekk se jiġu diskussi b'mod aktar xieraq fl-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Matsec li se ssir fit-12 ta' April 1999.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum kemm rapporti ġew ikkummissjonati mill-Ministru dwar xi aspett jew ieħor tal-qasam edukattiv? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew mitmuma u f'liema data ġew mitmuma?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li l-bdiewa, raħħala u sajjieda tal-pajjiżi membri ma jieħdux sussidju fuq il-bolla tas-S.S., jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi tkun il-pożizzjoni tal-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin u Għawdxin bi sħubija sħiħa ta' pajjiżna fl-U.E. għar-rigward ta' din l-assistenza?
Response (BORG, JOE)
L-Onorevoli Interpellant beda bi premessa żballjata. Nixtieq illi bħala eżempju ta` kemm hi żballjata il-premessa tal-Onorevoli Interpellant nirreferih ghad-Digriet numru 146 tal-1997 ta` l-Italja fejn il-bdiewa, raħħala, u sajjieda ingħataw konċessjonijiet sostanzjali dwar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali.
Peress li numru ta' familji qed jilmentaw li billi daħlu flus ta' xi overtime li għamlu fuq ix-xogħol, spiċċaw iħallsu kera għolja u f'ċerti każi aktar milli daħlu f'overtime, bħal fil-kas tal-familja li b'Lm222 overtime il-kera żdiedet minn Lm180 fis-sena għal Lm496 fis-sena, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrivedi l-policy? Kemm-il darba dawn il-każijiet ma jistgħux jiġu rimedjati, jista' l-Viċi Prim Ministru jintroduċi skema sabiex dawn il-familji ma jkomplux jintlaqtu aktar ħażin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi ma jirriżultax lid-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali illi xi ħadd żdititlu l-kera minn Lm180 għal Lm496. Jekk l-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji, il-każ ikun jista jiġi investigat. Id-Dipartiment riċentement irriveda il-brackets ta' sussidju fuq il-kera bl-iskop li ma jinħolqux każi bħal dan.
4.5.99
Jista' l-Ministru jinformani x'kontinwazzjoni saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn fuq l-Agri Eco Survey? Kemm fil-fatt mill-100 bidwi li nkitbu sarulhom analisi tal-ħamrija u ta' l-ilma u meta hu maħsub li jitlestew l-analisi fuq l-uċuħ ta' dawn il-bdiewa? X'qed isir mid-Dipartiment sabiex jinxtraw il-faċilitajiet meħtieġa sabiex dan l-eżerċizzju jkun jista' jitkompla f'zoni oħra tal-gżejjer?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru 'l hawn ix-xogħol fuq l-istħarriġ agro-ekoloġiku tkompla bl-istess ritmu, u fil-fatt matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru nġabru iktar kampjuni tal-ħamrija, u saru intervisti lill-bdiewa fl-inħawi tal-Imġarr-Żebbiegħ-Binġemma. Mill-analiżi li saru s'issa nġabret informazzjoni biżżejjed biex inkunu nistgħu ninkorporaw dan kollu f'sistema ġeografika, kif diġa ġie spejegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1801. Bħalissa qegħda tiġi ntegrata fil-proġett ta' land registration permezz tal-GIS. Dan hu l-uniku mezz kif il-karatteristiċi ta' l-art agrikola jiġu preżentati wara li jkunu proċessati permezz ta' l-istatistika. Fl-istess ħin għaddejja wkoll ħidma mal-MITTS biex tiġi żviluppata 'database' li fiha tinġabar l-informazzjoni dwar is-sistemi tal-produzzjoni, u t-tkabbir tal-uċuħ. Għalkemm dawn huma kollha proċessi li jieħdu ż-żmien, il-ħidma għaddejja b'rata regolari, u huwa maħsub li meta l-informazzjoni kollha tkun imdaħħla fi programmi tal-kompjuter, isir rapport dettaljat dwar l-istħarriġ.
Jista' l-Ministru jinformani bil-programm li ħejja l-gvern sabiex isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni u estensjonijiet oħra fil-bini ta' l-iskejjel tat-12-il distrett fit-tlett snin li ġejjin? Kemm fil-fatt hija n-nefqa tal-gvern għal dawn ix-xogħlijiet maħsuba sabiex jipprovdu ambjent aħjar fl-iskejjel lill-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat għall-konsiderazzjoni tiegħi biex nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar health impact assessments rigward saħħet il-ħaddiema li jiggasjaw l-uċuħ tar-raba? Jekk iva, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jikkonsidra li jsiru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant lit-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq il- post tax-xogħol taqa' taħt ir-responsabbilita tad-Dipartiment tax-xogħol. L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward l-effett li tħalli l-kimika f'bexx, eċċ fuq saħħet il-bdiewa li japplikaw sabiex ikabbru l-uċuħ tagħhom? Meta saru u x'kienu r-riżultati? Jekk ma sarux, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 6121.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi approvazzjoni mill-FMS jew xi ħaddieħor mis-segretarjat jew mid-Dipartiment tas-Saħħa biex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li huwa nkarigat mit-tmexxija tal-garage jagħmel xogħol ieħor barra l-ħin normali tax-xogħol tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma saret l-ebda talba ta' din ix-xorta, la lill-F.M.S. u lanqas lid-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid verament x'kienet ir-raġuni li wasslu biex jiġi tterminat il-kuntratt tad-disinjaturi Norman and Dawbarn ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq biex minflok ingħata kuntratt b'direct order lill-ħaddiema li qed jibnu l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa dan id-direct order li ngħata lid-disinjaturi l-ġodda wara li ġie tterminat il-kuntratt lid-disinjaturi Norman and Dawbarn li kienu ntgħażlu wara sejħa pubblika?