Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6427 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi assenjat ix-xogħol fuq barra lill-VAT Inspectors? Kemm jitħallsu ta' dan ix-xogħol fuq barra? Jieħdu xi forma ta' re-imbursement meta jużaw il-karozza privata tagħhom? Jekk fl-affermattiv, x'rati ta' l-użu tal-vettura personali għandhom? Huwa permissibbli mid-Dipartiment tal-VAT li uffiċjali jużaw karozza waħda privata meta jkunu żewġ jew tlett uffiċjali fl-istess area/lokalita' ta' xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta` spezzjonijiet fuq barra jiġi assenjat lill-Inspectors tal-VAT fuq bażi ta` roster mit-Tnejn sal-Ħadd. Meta dan ix-xogħol isir barra l-ħin normali ta` l-uffiċċju, l-Inspectors jitħallsu bir-rata ta` sahra stabbilita skond il-grad sostantive ta` l-Inspector konċernat. L-Inspectors huma meħtieġa li jużaw il-mezz tat-trasport tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom li għalih jingħataw lura l-ispejjeż li jagħmlu bir-rata ta` 5c6 kull kilometru kif stabbilit fl-Estacode. Ix-xogħol ta` l-Inspectors iġorr miegħu ukoll allowance ta` sittin lira (Lm60) fix-xagħar.
Leg 9 PQ #6428 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Staff complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement preżenti ta' VAT Inspectors f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vakanza ta' VAT Inspector hemm wara li ħarġet iċ-ċirkolari MPO Nru.51/99?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istaff complement preżenti tal-VAT Inspectors hu wieħed u erbgħin (41) li minnhom hemm għaxra (10) nisa. Il-mira tad-Dipartiment hija ta` sittin (60) VAT Ispectors. L-applikazzjonijiet li saru skond iċ-ċirkolari MPO Nru. 51\99 għadhom qed jiġu proċessati u għalhekk għadu mhux magħruf kemm ser ikun in-numru ta` vakanzi skond il-mira tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #6429 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — AWTS

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il ħaddiem fil-grad ta' AWTS (Awżiljarji) hemm preżentement fis-servizz pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn qed jaħdmu preżentement? Kemm hemm minnhom nisa u kemm irġiel? Ma jidhirlux il-Prim Ministru li issa wasal iż-żmien, lejliet il-millennju l-ġdid, li dawn il-ħaddiema jiġu offruti impjieg mal-gvern, l-iktar fid-dawl li jirriżulta li dawn il-ħaddiema diġa' qed jitħallsu mill-fond tal-gvern u jidher lin-numru tagħhom huwa relattivament żgħir?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li preżentement in-numru ta' ħaddiema li daħlu mal-Gvern wara l-31 ta' Awissu 1991, u li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalihom bħala AWTS, huwa ta' 89, li minnhom 67 huma irġiel u 22 nisa. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, lista li turi f'liema Dipartiment qed jaħdmu dawn il-ħaddiema. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2699.
Leg 9 PQ #6430 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mdaħħla l-qrati

Question

Jista' l-Ministru jara li meta l-pulizija tressaq u takkumpanja lil xi persuna/i fil-qorti ma ddaħħalhomx mill-bieb prinċipali tal-Qorti qisha qed tagħmel xi show bihom? Dawn jistgħu jidħlu mill-bieb ta' wara li hemm fit-Triq id-Dejqa.

Response (BORG, TONIO)

Il-Pulizija għandha d-dritt li ttella` individwi akkużati l-Qorti minn kull bieb li hu aċċessibli għall-pubbliku in ġenerali. Meta r-raġunijiet ta' sigurta` jew xi raġuni oħra (eż. ordni tal-Qorti) jindikaw mod ieħor, il-Pulizija tuża dawk l-aċċessi indikati miċ-ċirkostanzi. Ma hiex il-'policy' tal-Korp tal-Pulizija li jittellgħu nies biex tagħmel 'show' bihom kif allegat mill-Onorevoli Interpellant. 04.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6431 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Triq Spiru Spiteri - Bozza

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2704 dwar it-twaħħil ta' bozoz fi Triq Spiru Spiteri Tarxien, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta lestitx ix-xogħol tagħha fuq l-istima tat-talba msemmija? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex fl-aħħar tkun imdawwla t-triq imsemmija wara ħafna talbiet mir-residenti u mill-Kunsill Lokali Tarxien? Jekk għada ma ttieħdet l-ebda inizjattiva biex issir l-istima msemmija, ma jidhirlux il-Ministru li għaddew kważi erba' xhur milli wieġeb il-mistoqsija parlamentari, liema dewmien huwa wieħed eċċessiv biex tinħadem l-istima?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba biex titwaħħal bozza fit-triq imsemmija qed tiġi pproċessata skond il-proċeduri normali biex b'hekk tkun tista' tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Toroq — Infiq ta' flus

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4064, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-Toroq fassalx il-pjan neċessarju għax-xogħol meħtieġ f'diversi lokalitajiet? Jekk fl-affermattiv, liema huma l-lokalitajiet u t-toroq li se jsir ix-xogħol fuqhom? Jekk fin-negattiv, meta jaħseb li t-tfassil tal-pjan se jkun lest issa li dħalna fir-raba' xahar tas-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-pjan għadu qiegħed jitfassal u qiegħed jinvolvi il-Kunsill Lokali, il-`Utilities` kollha inklużi l-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku, il-Ministeru tat-Turiżmu u entitajiet simili.
Leg 9 PQ #6499 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trasferimenti

Question

Fir-rigward ta' talbiet għal transfers mill-pulizija fuq subject forms, jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija in kwestjoni jiġux mgħarfa dwar x'passi tkun qed tieħu l-amministrazzjoni tal-pulizija biex it-talba tagħhom tiġi milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li t-talbiet minn membri tal-Korp tal-Pulizija għall-trasferiment ikunu ġew ipproċessati, il-membru involut ikun infurmat bl-eżitu. 04.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6500 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-korp tal-pulizija mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Minn fejn u għal fejn saru? Kemm saru wara talba mill-uffiċjal involut u kemm saru mingħajr talba? Kemm ġew milqugħa talbiet?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għall-perijodu Settembru 1998 sat-8 ta' Frar 1999, nirreferieh għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4535. Ninsab infurmat li bejn id-9 ta' Frar 1999 u s-26 ta' April 1999 kien hemm 51 membru tal-Korp li tbiddlilhom xogħolhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp. Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u s-26 ta' April 1999, fi 42 każ it-tibdil sar fuq talba tal-membru nvolut. 04.05.99 (p.m.)

Raħal Ġdid — Żabbar Rd - Stage

Question

Jista' l-Ministru jara li l-istage li hemm quddiem is-sorijiet ta' Żabbar Rd, Raħal Ġdid jitneħħa u jsir quddiem l-għassa tal-pulizija ta' Raħal Ġdid peress li din it-talba ilha ssir mir-residenti għal tant żmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, li hi responsabbli mill-`bus stages`, m`għandha l-ebda talba minn xi residenti biex jitneħħa l-istage msemmi. Jien infurmat ukoll li sa l-aħħar ta` l-1996 dan l-istage kien aktar qrib lejn l-għassa u tressaq tliet darbiet sal-post eżistenti fuq struzzjonijiet ta` l-Onor. Interpellant meta kien Sindku tal-lokal. Biex `stage` jitneħħa minn postu jrid ikun hemm raġuni valida. F`dan il-każ ma jidhirx li hemm xi raġuni valida, aktar u aktar meta dan l-istage jintuża ħafna. Tajjeb li jingħad ukoll li diġa` hemm `stage` ħdejn l-għassa tal-pulizija.

Raħal Ġdid — Tiswija ta' bankini

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir il-bankina fi Triq Paola Hill u Valletta Road, Raħal Ġdid minħabba l-ħsara u l-istat perikoluż li tinsab fihom wara x-xogħlijiet li saru fl-estenzjonijiet tal-ħabs?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-W.S.C. lestiet ir-`reinstatement` tal-bankini f` Valletta Road wara li tlesta fihom xogħol ta` tibdil ta` `house connections`. Dwar ix-xogħol f`Paola Hill, peress li xogħol ta` tibdil ta` bankini isir mill-Kunsill Lokali s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ġie referut lil Kunsill Lokali.

Dipartimen ta' l-Anzjani — Diretturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu id-Diretturi jew Aġenti Diretturi tad-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1996, 1997 u 1998? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kull wieħed minn dawn kemm dam fil-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fis-snin 1996 u 1997 id-Direttur tad-Dipartiment għall-Anzjani kien is-Sur John Buhagiar. Huwa kien ilu Direttur madwar 8 snin. Fl-aħħar tal-1997 u matul l-1998 kien hemm bħala Aġent Direttur is-Sur Lino Attard. Fl-aħħar xhur ta' l-1998 ġie appuntat Aġent Direttur is-Sur Edward D'Agostino. 4.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol minn Settembru 1998 sa Jannar 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mil-liema sections, section b'section ġejjin il-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema in kwestjoni ngħatawx ċans jagħtu spjegazzjoni qabel sar it-tnaqqis mis-salarju tagħhom kif ipprovdut fl-Estacode?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. In-numru ta' ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol kien hekk:- Settembru 1998 - 3 persuni Ottubru 1998 - 3 persuni Novembru 1998 - 6 persuni Diċembru 1998 - 3 persuni Jannar 1999 - xejn s'issa 2. Il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema jammontaw għas-somma ta' Lm56.70. 3. Is-Sezzjonijiet tal-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol fix-xhur ta' bejn Settembru u Diċembru 1998 huma dawn:- Intake Section Home Help Section Registry Section Handyman Section Accounts Section Inventory Section Administration 4. Il-ħaddiema li tnaqqsitilhom il-paga kellhom l-opportunita' li jagħtu spjegazzjoni għaliex irraportaw tard għax-xogħol lill-Personnel Section, u fejn kien hemm raġuni valida, ma ttieħdu l-ebda passi. 4.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Kontijiet tat-telephone

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-kontijiet tat-telephone linja b'linja u section b'section fid-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nħossx li għandi naħli l-ħin ta' l-uffiċjali tad-Dipartiment sabiex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba u għal tant snin b'lura. Din tirrekjedi ħafna xogħol. Pero' se nagħti l-ammont globali li ntefaq f'kontijiet tat-telephone ta' l-istess snin: 1994 Lm 28,135 1995 Lm 19,558 1996 Lm 22,196 1997 Lm 39,780 1998 Lm 31,411 4.5.99

Anzjani — Servizz ta' homehelp

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz tal-homehelp? Jista' jgħid minn liema lokalita' ġejjin, lokalita' b'lokalita'? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin dawk li bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ammontaw is-sigħat ta' servizz b'mod globali fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 4.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-attendance sheets tal-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Anzjani tiġi miġbura mill-Aġent Direttur u mhux mill-Human Resources Manager?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-prattika ġiet introdotta f'Novembru 1997 mill-Aġent Direttur ta' dak iż-żmien u għada l-istess sal-lum. Dan kien sar sabiex ikun hemm aktar kontroll rigward min jidħol tard għax-xogħol. 4.5.99
Leg 9 PQ #4852 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozzi BMW

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li dan l-aħħar il-Gvern xtara numru ta' karozzi tal-marka BMW? Jekk inxtraw, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża? Għal-liema skop inxtraw? Minn min se jintużaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ma nxtrawx karozzi tal-marka BMW fid-dikasteru tiegħi. Rigward xiri minn Ministeri oħra nitlob lill-Onor Interpellant jistaqsi lill-Ministri direttament.
Leg 9 PQ #4868 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gudja — San Gorg - Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li arblu tad-dawl li jinsab fi Triq San Ġorġ, il-Gudja jinbidel peress li jinsab fi stat perikoluż ħafna?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-arblu msemmi nbidel fl-1 ta' Marzu 1999.
Leg 9 PQ #4869 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gudja — Pelican Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu pelican lights fi Triq Palazz Dorell/Gudja Bypass u Ħal Għaxaq/Bypass Gudja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li meta jkun hemm talba biex jitwaħħlu Pelican Lights, il-Koporazzjoni Enemalta tipprovdi servizz ta' l-elettriku ladarba ssir l-applikazzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #4870 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa — Triq Kapuċċini - Ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ilma tal-vit fi Triq il-Kappuċċini, Marsa, ikun ta' kwalita' tajba?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn testijiet li jsiru fuq bażi regolari mill-laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, fejn jittieħdu kampjuni minn lokalitajiet differenti, dejjem irriżulta li l-ilma tal-vit, inkluż dak tal-Marsa, huwa tajjeb għax-xorb. Barra minn hekk fil-25 ta' Frar 1999, ittieħdu kampjuni mit-triq imsemmija fejn irriżulta li huma batterjoloġikament u kimikament tajbin għax-xorb.

Tarxien — Triq il-Koppla - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq il-Koppla f'Ħal Tarxien li saret tagħmel mal-konfini ta' Ħal Tarxien tiġi asfaltata? Jekk iva, meta huwa pjanat li jsir ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti msemmija mill-Onor. Interpellant hija waħda minn dawk li ser jiġu asfaltati mid-Dipartiment iżda għalissa ma tistax tingħata data meta ser issir peress li l-ewwel iridu jitlestew xogħolijiet oħra li hemm fl-idejn.