Jista' il-Ministru jgħidilna x'timeframes għandu l-gvern għat-tħejjija u l-ippubblikar tal-pjan nazzjonali ta' żvilupp? X'rwol ser ikollu l-MCESD f'dan kollu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li t-tfassil ta' Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp irid isir b'għaqal u galbu biex jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja li Malta tkun eliġibbli għaliha bħala parti integrali mill-ftehim li jirregola d-dħul eventwali tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea tintuża bl-aktar mod effettiv.
Il-Pjan Nazzjonali jkun jista' jiġi finalizzat wara li jkun ġie diskuss fl-MCESD. Huwa mistenni li l-Pjan ikun lest fi ftit xhur oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-MEPA biex tipproteġi s-sies tas-sruġ li jibqa' jdur sa l-inħawi ta' Santa Verna fix-Xagħra, Għawdex li tant huwa karatteristiku ta' Għawdex u li jinsab fil-periklu li jinqered?
Response (BORG, TONIO)
Il-MEPA ħejjiet studji dwar l-importanza ta` l-inħawi tas-Sruġ, limiti tax-Xagħra, Għawdex, liema studji jindikaw li hemm bażi għal protezzjoni tas-sies. L-Awtorita` qegħda tikkonsidra li tiskeda is-sies u l-inħawi tas-Sruġ bħala Arja ta` Importanza Ekoloġika, Sit ta` Importanza Xjentifika u Sit ta` Importanza Arkeoloġika.
Minħabba numru t`applikazzjonijiet għal żvilupp, matul l-aħħar xhur il-MEPA b`kollaborazzjoni mas-Superintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Bord Konsultattiv dwar il-Wirt, ordnat isiru skavi xjentifiċi sabiex jiġi determinat il-firxa tad-depożiti arkeoloġiċi li hemm fiż-żona ta` żvilupp ta` l-inħawi.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li jgħid li jiltaqa' ma' l-għaqdiet tal-bdiewa regolarment imbagħad fil-Parlament iddikjara li ma kienx jaf li fil-Pitkalija mit-Tnejn, 15 ta' Lulju 2002 bdew jinżammu ħinijiet ġodda għad-dħul tal-biegħa?
X'ilmenti tqajmu mill-bdiewa dwar din il-bidla tal-ħin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien qatt ma għidt li ma naf xejn dwar il-proposti magħmula mill-kumitat imwaqqaf minni u li jirrigwardaw tibdil fil-ħinijiet bi prova fil-Pitkalija. Fir-rigward ta' ilmenti li tqajmu mill-bdiewa jien infurmat li l-Ministeru mill-ewwel ħa passi biex f'każ ta' ilment ġustifikat dan jiġi indirizzat minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li ltaqa' magħhom l-Ministru u ddiskuta dawn l-arranġamenti tal-ħinijiet ġodda għall-biegħa li daħlu fil-Pitkalija?
Liema kienu dawk l-għaqdiet li qablu ma' dawn il-ħinijiet il-ġodda u liema għaqdiet tal-bdiewa ma qablux?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd waqqaf kumitat biex jeżamina u jagħti pariri dwar it-tibdil meħtieġ fil-Pitkalija. Dan il-Kumitat huwa magħmul kif ġej:
Chairperson: Segretarju Permanenti Agrikultura u Sajd
Deputati Chairperson: Direttur Ġenerali (Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali)
Membri: Management Efficiency Unit
MITTS
Director of Review (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Information Management Officer (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Rappreżentant tal-Pitkala
Rappreżentant tal-Kooperattiva tal-Bdiewa (FCCS)
Rappreżentant ta' l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa
Rappreżentant tal-GRTU
Rappreżentant ta' l-Għaqdiet tal-Konsumaturi
Membru Indipendenti
Wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-kumitat hu li jkun hemm qbil ġenerali dwar it-tibdiliet proposti. Fil-każ ta' tibdil fil-ħinijiet, nista' nikkonferma li ma kienx hemm qbil unanimu iżda kulħadd fehem u qed jifhem il-bżonn ta' bidla fl-operat tal-Pitkalija inkluż fil-ħinijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-inħawi fejn se jiġu mħawla s-siġar fil-kampanja u partikolarment il-pjanti li jinkludu l-parti ta' l-Mtaħleb l/o Rabat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kien jeżisti pjan biex jitħawlu siġar fl-Imtaħleb limiti tar-Rabat iżda minħabba nuqqas ta' xita kellu jkun pospost. B'dan il-programm ta' taħwil kien infurmat il-Kunsill tar-Rabat peress li d-Dipartiment ta' l-Agrikultura m'għandux kuntratt ma' dan il-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rappurtati lill-Enemalta u WSC għall-abbużi fuq is-sistema tal-provvista tad-dawl u l-ilma matul din is-sena u fl-aħħar 5 snin, sena b'sena? Kemm minnhom tressqu l-qorti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma żżomx statistika ta' kemm isiru rapporti dwar allegat serq ta' kurrent elettriku. Dan għaliex tali rapporti jidħlu f'diversi uffiċini tal-Korporazzjoni. In-numru ta' każijiet li l-Korporazzjoni irreferiet lill-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kienu dawn:
1997 168
1998 184
1999 167
2000 176
2001 152
2002 122 (sa Ġunju)
Matul l-aħħar ħames snin, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irċeviet mija u għaxar rapport dwar allegat abbuż fuq is-sistema ta' l-ilma. Dawn kienu mqassmin hekk:
1997 14
1998 20
1999 33
2000 24
2001 9
2002 10 (sa Ġunju)
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34706, jista' jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkollu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li rigward is-salinita' ta' l-ilma prodott minn Sant'Antnin, dan ġej mill-fatt li d-drenaġġ li jasal Sant'Antnin ikollu livell għoli ta' salinita' minħabba infiltrazzjoni ta' ilma baħar fil-Pumping Stations u mains li hemm madwar il-kosta, u minn sorsi oħra. Għalkemm id-drenaġġ li jasal il-Marsa Pumping Station (minn fejn imbagħad jiġi ppumpjat Sant'Antnin) jinqasam f'żewġ sentini, waħda għad-drenaġġ b'salinita' baxxa (li jinġabar min-nofs ta' Malta) u l-oħra għal dak b'salinita' għolja (li jinġabar min-naħiet tal-kosta), dak ta' l-ewwel mhux biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' l-impjant. Għaldaqstant dan ikollu jiġi miżjud bid-drenaġġ mis-sentina ta' l-aħħar u li jgħolli l-livell ta' salinita' fid-drenaġġ li jmur Sant'Antnin.
Huwa mportanti li wieħed jifhem l-ammont ta' drenaġġ li jidħol fl-impjant ikun dejjem kostanti għax varjazzjoni fil-kwalita' tikkawża problemi kbar fil-proċessi ta' l-impjant. Għaldaqstant mhux possibli jittieħed drenaġġ minn sentina waħda biss fil-Marsa, speċjalment bil-lejl meta l-volum ta' drenaġġ dieħel fil-Marsa Pumping Station jonqos drastikament, iktar u iktar fis-sentina li tiġbor drenaġġ min-nofs ta' Malta.
Rigward il-fatt li jintrema l-ilma, dan isir biss meta d-domanda fil-ġibjuni tonqos jew il-ġibjuni kollha jkunu mimlija u l-ilma ma jintremiex minħabba s-salinita' għolja.
Għar-raġuni msemmija hawn fuq, jiġifieri li l-volum dieħel fl-impjant irid ikun kostanti, l-ilma żejjed, meta l-ġibjuni jkunu mimlija, jkollu jintrema.
Każi oħra rari meta l-ilma jintrema, huma meta jkun hemm xi problema fl-impjant, ġeneralment kawżati minn varjazzjoni fil-volum fid-dħul meta l-Pumping Station tal-Marsa ma taħdimx sew jew problemi oħra li jistgħu jinqalgħu minħabba xi sustanzi li jintefgħu fid-drenaġġ illegalment (eż. ħmieġ konċentrat ta' l-annimali minn irziezet, eċċ) u allura l-ilma ma jkunx ta' kwalita' tajba għat-tisqija. Dawn iżda huma każi rari.
Rigward il-problemi tas-salinita', dawn ma jistgħux jiġu riżolti ġewwa l-impjant u sa fejn hu magħruf ma jeżistu l-ebda metodi ta' trattament biex nirriżolvu din il-problema, ħlief Reserve Osmosis li iżda tfisser li l-ilma jiġi jiswa ħafna flus biex ikun trattat u ma jkunx vijabbli għall-bejgħ b'rati aċċettabbli.
Il-problema fl-Impjant ta' Sant'Antnin ġiet aċċentweta bit-tkabbir ta' l-impjant fl-1996/97.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il serqa fid-djar privati, stabilimenti kummerċjali u ta' karozzi ġiet rapurtata lill-pulizija li saret fir-Rabat Malta bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Jista' jwieġeb l-istess mistoqsija għall-istess perjodu għas-snin 1998, 1999, 2000 u 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif ġej:-
Kategorija ta` serq
1998
1999
2000
2001
2002
Serq minn djar residenzjali
9
5
9
8
13
Serq minn stabbilimenti kummerċjali
1
4
6
5
13
Serq ta` vetturi
27
7
21
17
18
Serq minn vetturi
60
41
76
73
88
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti Għawdxin 1) bniet 2) subien li temmew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom is-sena skolastika li għaddiet:
a)
junior lyceum
b) area secondary
c) tal-knisja
d) privat u
e) tas-snajja?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jiswew il-proġetti tar-restawr :
i) tal-Bombi fil-Furjana
ii) tal-Barrakka t'Isfel fil-Belt
iii) tal-ġonna ta' Hastings fil-Belt?
Meta huma maħsuba li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett ta' restawr tal-Bombi fil-Furjana huwa maħsub li jiswa madwar Lm40,000 u mistenni jitlesta sa Marzu 2003. Il-Ġnien tal-Barrakka t'Isfel huwa stmat li jiswa Lm90,000 u x-xogħol huwa maħsub li jitlesta sa Marzu 2003. Rigward il-ġnien ta' Hastings, ix-xogħol mistenni jitlesta sa Diċembru 2002 u huwa stmat li jiswa madwar Lm25,000.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-korporazzjoni Enemalta tivverifika biss jekk ċilindri tal-gass ikunu qed jillikjaw meta rapport isir minn min ikun qed juża dak/dawk iċ-ċilindru/i?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull ċilindru vojt tal-gass li jiġi ritornat mid-distributur, jiġi iċċekkjat viżwalment u dawk li jinstabu f'kundizzjoni mhux aċċettabbli jitwarrbu miċ-ċirkulazzjoni u jiġu skrappjati.
Iċ-ċilindri li jkunu f'kundizzjoni tajba, wara li jimtlew, jgħaddu kollha minn ġo testing tank biex jiġi żgurat li ma hemm ebda leakage. Kull distributur jiffirma dikjarazzjoni li ċ-ċilindri li qed jirċievi huma f'kundizzjoni tajba.
Id-Diviżjoni tal-Gass għandha servizz ta' Customer Service fuq medda ta' erbgħa u għoxrin siegħa biex tivverifika ilmenti li tirċievi mingħand il-konsumatur.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol ta' manutenzjoni fl-iskola primarja f'Ta' Sliema? Jista' il-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm ilu għaddej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li kien ipprogrammat għal dan is-Sajf 2002 tlesta kollu. Issa se jsir audit tal-bżonnijiet biex l-FTS tikkonkludi brief għax-xogħol li jkun meħtieġ.
B'riferenza għall-mistoqsija 35109, jista' il-Ministru jgħid kemm il-kumpannija where's everybody qed tirċievi u irċiviet sa' issa ħlas għax-xogħol kollu li għamlet u li qed tagħmel?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li l-ħlas li sar lill-kumpanija msemmija fil-mistoqsija kien skond it-termini tal-offerta li għaliha għamilt riferenza fit-tweġiba tiegħi preċedenti. Għas-servizzi kollha mogħtija bejn Lulju 2000 u Settembru ta’ din is- sena l-kumpanija tħallset Lm6613.
B'riferenza għall-mistoqsija 35157, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li ġew jiswew l-ikliet complimentary kollha li l-ministru irrefera għalihom?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li matul is-sena akkademika 2001/2002 kien hemm 1211 ikliet, snacks etc. u dawn kienu mqassmin kif ġej:
· 200 ikla lill-istaff ħaddiema tal-ITS, bħala rikonoxximent tax-xogħol li jwettqu:-
Lm694.00
· 254 ikla lill-istaff waqt sessjonijiet ta’ taħriġ għall-istudenti:- Lm878.84
· 71 ikla (sponsorship) għas-Social Club tal-MTA:- Lm246.37
· 579 ikla lill-membri ta’ delegazzjonijiet barranin li jżuru l-ITS
fuq xogħol u rappreżentanti ta’ l-Industrija tat-Turiżmu fuq l-
iskema ta’
Industrial Placements
ta’ l-istudenti:- Lm2003.34
Ma dawn trid tinkludi ukoll dan li ġej:-
Konsulenti 13 Lm 45.11
Direttur (Turiżmu) 22 Lm 76.34
Direttur Ġenerali 45 Lm155.70
Segretarju Permanenti 2 Lm 7.49
Membri tal-Board of Governors 22 Lm 81.24
Total Globali:- Lm4188.43
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalita' ta' Tas-Sliema?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa ma hemmx talbiet pendenti biex isir xogħol ta' tarmak f'din il-lokalita', iżda d-Direttorat għat-Toroq qed jieħu ħsieb biex iħejji programm ta' ristrutturazjoni ta' toroq fil-lokalita'.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalita' ta' San Ġiljan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-direttorat għat-Toroq qiegħed jippjana biex joħroġ sejħa għall-offerti għat-toroq imsemmija:
Construction of the Junction Layout ħdejn l-isptar Zammit Clapp - Kappara
Triq Dragunara
Triq il-Bajja ta' San Ġorġ
Triq San Ġorġ
Triq Wilġa
Triq Zammit
Bajja Balluta
Pjazza Spinola
Triq il-Foresta
Triq il-Mensija
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalita' ta' Pembroke?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa ma hemmx talbiet pendenti biex isir xogħol ta' tarmak f'din il-lokalita, iżda d-Direttorat għat-Toroq qed jieħu ħsieb biex iħejji programm ta' ristrutturazjoni ta' toroq fil-lokalita.
Jista' il-Ministru jara li karozza żgħira ta' kulur iswed li hemm abbandunata fi Triq Angelo Melilli Żebbuġ, tiġi mneħħija peress li qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant, tneħħiet.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-interim retail planning guidelines li ġie pubblikat mill-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji ta` l-Interim Retail Planning Guidelines (Public Consultation Draft) ippubblikat mill-MEPA. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar żvilupp sostenibbli?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tan-National Report for Sustainable Development.
Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage tal-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent (www.mhae.gov.net).