Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5504 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-proġetti mibdija f'Għawdex bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998, li m'humiwx qegħdin jitkomplew taħt din il-leġislatura? Tista' l-Ministru tgħid jekk deċiżjoni bħal din itteħditx f'management meeting tal-ministeru inkella kenitx waħda meħuda b'xi mod ieħor? F'kull każ, x'kienu r-raġunijiet li għalihom ittieħdet deċiżjoni bħal din?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ma ttieħdet ebda deċiżjoni li ma jitkomplewx proġetti minn dawk mibdija f'Għawdex bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998.
Leg 9 PQ #5505 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'każ li direttur imexxi proċeduri ta' dixxiplina kontra impjegat tal-gvern li magħhom ma jaqbilx is-Segretarju Permanenti x'għandu jsir:- (a) jekk is-Segretarju għandux id-dritt li arbitrarjament jagħti struzzjonijiet biex jimblokka dawn il-proċeduri; (b) inkella għandux is-Segretarju Permanenti li jkun jagħmel ir-rimarki tiegħu bil-miktub hu jitla' jixhed fil-każ; u (ċ) inkella x'suppost jagħmel is-Segretarju Permanenti biex ikun qiegħed jimxi bil-ħaqq u bil-ġustizzja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hija l-prerogattiva tal-Kap tad-Dipartiment li jieħu passi ta' dixxiplina kontra l-impjegati tiegħu, u għalhekk is-Segretarju Permanenti m'għandux dritt jimblokka l-proċeduri. Iżda jekk is-Segretarju Permanenti jkun irid jagħmel xi sottomissjonijiet lill-Bord tad-Dixxiplina kemm bil-miktub kif ukoll jixhed waqt is-smiegħ tal-każ, ir-regolamenti ma jipprekludux li jingħata din il-faċilita.
Leg 9 PQ #5506 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti/Direttorati — Proċeduri ta' dixxiplina

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti/Direttorati li jaqgħu taħt id-diversi Ministeri, li jsegwu l-proċeduri ta' dixxiplina huma stess? Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'kull każ, kemm inbdew proċeduri ta' dixxiplina fis-snin 1997, 1998 u 1999 sa l-aħħar ta' Frar? Liema huma dawk id-dipartimenti/direttorati li ma jsegwux id-dixxiplina huma stess u f'dawn il-każi min jieħu ħsieb il-proċeduri tad-dixxiplina?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għar-rigward ta' l-ewwel u t-tielet parti tal-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi d-Dipartimenti kollha tal-Gvern isegwu l-istess proċedura ta' dixxiplina li hija dik stipulata fir-Regolamenti ta' l-1977 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina). Dawn ir-Regolamenti jagħmlu distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' każijiet ta' dixxiplina li huma: każijiet dwar offiżi minuri li jiġu nvestigati mill-Kap tad-Dipartiment u; każijiet dwar offiżi meqjusa serji li jiġu nvestigati mill-Bord ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward it-tieni parti tal-mistoqsija qiegħed jingħata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji

Question

Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li l-gvern jikkonsidra l-għoti ta' għajnuna soċjali lil dawk il-persuni li jkunu qed jgħinu fit-trobbija u l-kura tal-familja minħabba l-mewt ta' l-omm? Teżisti informazzjoni jew statistika fid-dipartiment ta' l-għajnuna soċjali dwar dawn il-każi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Għajnuna Soċjali hi ntiża biex tgħin persuni jew familji li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u li jkunu jeħtieġu għajnuna finanzjarja. Kap ta' familja li jkun qiegħed jirċievi l-Għajnuna Soċjali, u qiegħed jieħu ħsieb it-trobbija u l-kura ta' tfal żgħar minħabba l-mewt ta' l-omm, jiġi eżentat milli jirreġistra għax-xogħol. Dan jagħmilha aktar faċli biex hu jkun jista' jiddedika l-ħin tiegħu għal uliedu. Id-Dipartiment ma jżommx statistika dwar dawn il-każijiet peress li kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu. 5.5.99

Portijiet Maltin — Vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vapuri fil-portijiet Maltin li: (a) huma maqbuda b'xi impediment tal-qorti; (b) ġew abbandunati mis-sidien tagħhom? F'kull każ liema huma dawn il-vapuri, ta' liema tunnellaġġ huma, taħt liema bandiera jsalpaw u kemm ilhom f'Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa f`Malta hawn vapur wieħed biss li hu impedut u li ġie abbandunat mis-sidien tiegħu. Dan hu l-vapur `M.V. Ideal` li għandu 6,129 tunnellaġġ gross u li jsalpa bil-bandiera tal-Panama. Dan il-vapur wasal f`Malta fit-23 ta` Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #5997 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Siringi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul Jannar u Frar separatament, kemm ingħataw siringi b'xejn mill-kliniċi f'Malta u f'Għawdex? Kemm ingħataw minn kull klinika tas-saħħa? Id-Dipartiment tas-Saħħa għamel xi studju dwar l-idea li tibda skema ta' tibdil ta' siringi? Ma' min saret din il-konsultazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onerevoli Interepellant li t-total ta` siringi li ngħataw b'xejn miċ-Ċentri tas-Saħħa f'Malta sew lid-drogati u sew lid-dijabetiċi f'Jannar u Frar 1999 hu kif ġej:- Jannar Frar Dijabetiċi Drogati Dijabetiċi Drogati Floriana 1300 900 1100 900 Qormi 4200 2035 4100 1579 Gżira 2675 2600 3275 1300 Paola 9000 4300 7200 3100 Cospicua - 1124 - 1230 Mosta 2250 2249 2250 1492 Rabat - 413 - 448 Postal 100 - 100 - Il-figuri t'Għawdex iridu jintalbu lill-Ministru konċernat. Xi żmien ilu kien hemm kuntatti ma` l-Awtoritajiet tas-Saħħa kompetenti kemm fl-Olanda kif ukoll fi Franza u sar studju lokalment li fih ipparteċipaw is-Sedqa, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, u d-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa dwar is-Sistemi li jistgħu jiġu adottati fit-tqassim ta` siringi b'xejn lil dawk l-individwi maħkuma mill-vizzju tad-droga. S'issa għadha ma ntlaħqet l-ebda konklużjoni finali dwar liema sistema jaqbel tiġi adottata.
Leg 9 PQ #5999 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema impjegati ma' l-Istat? Kif inhuma mqassma f'għalliema tal-primarja, sekondarja, eċċ.? Kemm kien hemm għalliema li matul din is-sena skolastika spiċċaw għaliex: (a) laħqu l-eta' tal-pensjoni; (b) irtiraw minħabba raġunijiet mediċi; (c) irriżenjaw; (d) mietu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Dokumenti A, B u C). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, informat li mhux possibbli li jingħataw il-figuri mitluba għaliex dawn inkunu nafuhom fl-aħħar tas-sena. Iżda qed nagħti l-figuri rilevanti għas-sena 1998.

Toroq — Tiswija

Question

Issa li l-gvern għandu pariri kif għandhom isiru sewwa t-toroq meta hemm bżonn li jiġu asfaltati, jista' l-Ministru jgħid jekk għaddewx dawn il-pariri lill-kunsilli lokali għal meta jkun hemm bżonn li jasfaltaw bit-tarmac toroq sekondarji li jiddefendu minnhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isiru kuntatti kontinwi bejn id-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali, u kwalunkwe titjieb li jkun qed jiġi propost qed ikun mgħoddi s`issa b`mod informali lil kull min juri interess fiħ.
Leg 9 PQ #6001 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Raids

Question

Wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li f'raids tal-pulizija f'postijiet ta' divertiment instabu tfal taħt is-16-il sena bi ksur tal-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra s-sidien tal-ħwienet? X'passi oħra ttieħdu biex jiġi żgurat li tfal taħt l-eta' ma jkomplux jiġu sfruttati? Meta jsiru dawn it-tip ta' raids jiġu nklużi pulizija nisa biex jieħdu ħsieb it-tfajliet taħt l-eta' li jinstabu f'dawn il-postijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b'riżultat ta' ispezzjonijiet mill-Pulizija f'postijiet ta' divertiment, qed jittieħdu proċeduri bil-Qorti kontra diversi sidien ta' stabbilimenti li, b'ksur tal-liġi, ħallew tfal taħt is-16 il-sena jidħlu fl-istabbilimenti tagħhom. Qed ikomplu jsiru spezzjonijiet mill-Pulizija sabiex dan l-abbuż jieqaf. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mhux dejjem ikun hemm pulizija nisa preżenti waqt dawn l-ispezzjonijiet, pero' jekk ikun meħtieġ dejjem tkun tista' tiġi msejjħa pulizija mara fuq il-post. 05.05.99
Leg 9 PQ #6002 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Raids

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ jingħata lill-pulizija li jkunu nvoluti f'raids f'postijiet ta' divertiment biex jiġi żgurat li m'hemmx tfal taħt l-eta'? Peress li hemm bżonn ċerta attenzjoni fejn jidħlu dawn it-tfal, jifhem li bżonn ta' ċertu taħriġ speċjalizzat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment ma jsirux biss mit-Taqsimiet speċjalizzati tal-Korp tal-Pulizija, imma minn dawk tad-Distretti wkoll u għalhekk jinvolvu il-membri kollha tal-Korp. Ma jirriżultalix illi hemm bżonn ta' xi taħriġ speċċjalizat sabiex ikunu spezzjonati dawn il-postijiet biex tkun inforzata l-liġi li tipprojbixxi d-dħul ta' żagħażagħ taħt is-sittax il-sena f'dawn il-postijiet. 05.05.99
Leg 9 PQ #6139 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Makkinarju agrikolu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5723 u ċioe' jista' jgħid kemm fil-fatt hu n-numru ta' makkinarju agrikolu liċenzjat f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-makkinarju reġistrat fil-gżejjer tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' Liċenzjar ta' Vetturi. 05.05.99
Leg 9 PQ #6140 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformani għaliex huwa favur is-sistema ta' 5 kilo bags u mhux jambo bags għar-rigward ta' l-esportazzjoni tal-patata? X'inhuma fil-fatt il-vantaġġi li l-patata tiġi esportata f'5 kilo bags u mhux fil-jumbo bags?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numbru 6116 u nigħdlu wkoll l'idealment il-'value added' kollu jsir f'Malta iżda wieħed irid jikkonsidra dak li jirrikjedi l-klijent.

Rabat — Triq G Borg Olivier

Question

B'riferenza għall-ilmenti tar-residenti ta' Triq G. Borg Olivier, Rabat, Malta, jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' laqgħat li saru sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'ġara mill-petizzjoni tar-residenti u x'inhija l-pożizzjoni llum? Jekk din tintlaqa' fl-affermattiv, x'mistenni jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

S`issa għadhom għaddejjin diversi laqgħat dwar din it-talba.
Leg 9 PQ #6236 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kriżantemi — "White rust"

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'effett kellha l-White Rust fuq l-industrija tal-kriżantemi lokali matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Kemm saru spezzjonijiet sabiex ikun stabilit aħjar il-mezzi ta' kontroll ta' din il-marda qerrieda tal-fjuri? Jirriżultalu l-Ministru li din il-marda tkompliet tinxtered f'dawn l-aħħar xhur minħabba nuqqas ta' kontroll li hawn fil-pajjiż f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul ix-xhur imsemmija ma kien hemm l-ebda rapporti mill-extension officers li jirriżulta li kien hemm każi ta' white rust. L-istess fil-laboratorju ewlieni fil-qasam ta' l-Għammieri ma saru l-ebda rapporti ta' din il-marda. Spezzjoni li saret il-ġimgħa li għaddiet, fil-mixtla li fiha għall-ewwel darba kienet instabet din il-marda, irriżulta li kien hemm kontroll assolut ta' din il-marda. Rapport li daħal dan l-aħħar qed jiġi investigat.
Leg 9 PQ #6237 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala — Prezz tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo laħam tat-tiġieġ għar-raħħala, f'Malta matul l-1996, 1997 u 1998 u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-prezz kull kilo laħam tat-tiġieġ għar-raħħala f'Malta matul 1996-1998 kien ta' bejn 48 ċenteżmi u 50 ċenteżmu kull kilo ħaj. Id-dipartiment involut m'għandux statistika tal-prezzijiet fill-pajjiżi ta' E.U.
Leg 9 PQ #6238 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala/Produtturi — Prezz tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo għar-raħħala produtturi tal-majjal f'Malta matul l-1996, 1997 u 1998 u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet iż-żieda fil-produzzjoni fiż-żewġ każijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija ser tingħata flimkien ma dik għall-PQ 6126.
Leg 9 PQ #6433 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Proġett

Question

Wara li fi ftit żmien ilu ġie mniedi l-proġett tal-millennju dwar l-entratura tal-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm għas-suq li jarma kull nħar ta' Ħadd, barra l-Belt Valletta, ħdejn it-terminus? Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk is-suq hux se jkun parti mill-proġett? Jekk fin-negattiv, fejn se jintrama s-suq ta' kull nhar ta' Ħadd? X'se tkun l-alternattiva għal dawn is-self-employed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bil-proġett ta' l-entratura tal-Belt ħadd m'hu ser jitlef l-impjieg tiegħu u għalhekk il-mistoqsija ta' x'se tkun l-alternattiva għal dawn is-self employed ma tqumx. Ma jirriżultalix illi bil-proġett kif inhu propost illum il-Monti ta' nhar ta' Ħadd se jkun f'pożizzjoni agħar milli kien se jkun bil-proposti għall-Bus Terminus li kienu saru taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #6434 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Aġenziji ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari numru 1252 dwar aġenziji ta' reklamar fil-Ministeru speċjalment rigward id-dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Aġenzija tar-reklamar li kienet użata bejn il-perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-JP Advertising. Kampanja fdata lilhom Kemm Intefaq --------------------- ------------ Clean Up the World Lm 812 Xummiemu Klabb Magazine Lm 800 ------ TOTAL Lm1612 ------ Ir-reklami li saru fuq il-mezzi tal-media li hawn Malta (PBS, NET TV, SUPER ONE) kienu ta' Xummiemu u dawn saru b'xejn. L-istamperija użata fil-perjodu ta' bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-POULTON'S PRINT. Attivita' Raġuni Ammont Kemm Intefaq ----------------------------------------- ---------------------- Klabb Xummiemu Magazines 30,000 Lm1780 Clean Up the World * Posters 2,000 Lm 330 Clean Up the World * Stickers 10,000 Tree Awareness Campaign Seminar Posters 6,000 Lm 295 Tree Awareness Campaign Seminar Brochures 5,000 Lm 100 -------- TOTAL Lm2505 -------- * F'dan il-każ id-Dipartiment ħallas l-ammont ta' Lm330. li kien jinkludi l-istampar tal-posters u stickers. F'kull każ l-iscanning kien inkluż fil-prezz. Il-Kumpanija użata għal printing ta' T-Shirts ta' Clean Up the World Campaign fil-perjodu ta' bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-PERFECT SCREENS. L-ammont ta' T-Shirts kien ta' 5000 u l-ispiża kienet ta' Lm4000. Il-Gvern preżenti ma waqqaf lill-ebda aġenzija ta' reklamar li kienet tintuża mill-Gvern preċedenti milli tagħti s-servizzi tagħha waqt din l-amministrazzjoni.
Leg 9 PQ #6435 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1267 dwar kuntratti li ngħataw fil-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1266 dwar kuntratti li ngħataw fil-Ministeru tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall- mistoqsijiet parlamentari Nru. 535, 2951 u 2958.