B'riferenza għall-artiklu "Preokkupazzjoni Libjana" li deher f'"In-Nazzjon" tad-29 ta' April 1999 taħt il-firma tas-Sur Michael Caruana, jista' l-Ministru jispjega kif materjal u dettalji ta' diskussjoni li saret bejn il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-aħħar Gvern Laburista, u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Libjan fi Tripli f'Marzu 1998, u li suppost huma aċċessibbli biss fil-files tal-Ministeru spiċċaw f'idejn partitarji Nazzjonalista u wżati f'artiklu tiegħu? Kif jispjega l-Ministru l-fatt li l-artiklu imsemmi jallega li huwa għandu fil-pussess tiegħu dan id-dokument (jew kopja tiegħu) li minnu qiegħed jikkwota? Jaħseb il-Ministru li fatti bħal dawn ma jagħtux impressjoni tajba ta' kif huma mħarsa l-files f'ministeru hekk importanti, fejn il-ħarsien ta' l-informazzjoni għandu jkun l-ewwel prijorita'?
Response (BORG, JOE)
`Leaks` ta` karti u nformazzjoni uffiċjali ta` natura kunfidenzjali sfortunatament ġraw fil-passat. Din hija problema sew f`Malta u kif ukoll f`pajjiżi oħra. B`danakollu bl-ebda mod ma rrid b`xi mod niskuża dawn il-`leaks`. Fil-fatt jien assolutament ma naqbilx ma affarijiet bħal dawn u mhux ser nittollerahom. Għalhekk, għalkemm diffiċli ssib kif jiġru dawn il-`leaks`, jiena tajt direttiva lis-Segretarju Permanenti biex jinvestiga l-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant u naċċertah ukoll li jittieħdu passi dixxiplinarji serji kontra min jinqabad skond ma jkun hemm bżonn. F`dak il-każ lest ukoll li ngħaddi ir-riżultat tal-investigazzjoni u l-informazzjoni kollha relattiva lill-Onorevoli Membru.
Ministeru tal-Politika Soċjali — Customer care section
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kuma n-nies li jaħdmu fil-customer care section tal-Ministeru u xi gradi għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-informazzjoni li kont tajt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Nru. 3451 u 5840.
Bl-eċċezzjoni ta' xi mpjegati li xogħolhom huwa biss ta' natura klerikali jew amministrattiva jew ta' sewqan, il-membri l-oħra tas-Segretarjat Privat tiegħi jkollhom kuntatt mal-pubbliku kif meħtieġ u għalhekk tista' tgħid li, fil-maġġoranza tagħhom, jipprovdu servizz ta' 'customer care'.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa full-time u part-time reġistrati li joqogħdu fit-Tielet Distrett Elettorali? Jista' jagħti din l-informazzjoni post post?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bdiewa full-time u part-time reġistrati mal-Korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ u li joqgħodu fit-Tielet Distrett Elettorali huwa kif ġej:
Lokalita' Full-Time Part-Time
Żabbar 72 749
Żejtun 85 895
Marsascala 15 100
L-informazzjoni tal-full-time farmers ġiet miġbura mill-E.T.C., filwaqt l-informazzjoni tal-part-time farmers ġiet mogħtija skond iċ-ċensiment tal-Agrikoltura - 1990 - 1991.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċevew rapporti jew ilmenti l-pulizija jew l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar Triq id-Dulliegħ fiż-Żejtun? X'tip ta' ilmenti kienu u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uniku lment li kellha l-Pulizija dwar it-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kien jirrigwarda żewġ vetturi mitluqin f'din l-istess triq. Il-Pulizija ħadet il-passi meħtieġa u dawn il-vetturi tneħħew.
Għar-rigward ta' ilmenti li saru lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ninsab infurmat li l-Awtorita` irċeviet żewġ rapporti.
Fl-1994, l-Awtorita` ħadet azzjoni dwar biċċa art li kienet inbidlet f'sit biex jinżamm żiemel. Wara din l-azzjoni, iż-żiemel tneħħa. Hemm Enforcement Notice li għadu pendenti fir-rigward taċ-ċint u r-ramel li tqiegħed fuq is-sit.
Riċentament wasal rapport mill-Kunsill Lokali tal-lokal dwar l-istess sit, liema rapport kien jinplika u fil-fatt irriżulta` li s-sit in kwistjoni qiegħed jintuża biex jinżammu xi magni wżati fuqha. Is-sid ġie ordnat li jnaddaf is-sit billi nħareġ Enforcement Notice. L-Awtorita` qed issegwi dan l-avviż u tittieħed azzjoni skond il-liġi jekk is-sid jonqos li jesegwixxi l-ordni maħruġa mill-Awtorita`.
05.05.99 (p.m.)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw postijiet tal-housing minn Settembru s'issa? Taħt liema kategorija u minn liema lokalita' huma l-applikanti li ngħataw post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
5.5.99
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Hearing aids
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jbiegħux batteries għall-hearing aids? Jekk iva, il-prezz huwa sussidjat mill-gvern? Is-sussidju fuqhom għadu kif kien jew naqas? Hemm-il ħsieb li l-gvern ma jibqax jissussidjahom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
a) Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ma tbiegħx batteriji tal-'hearing aids' imma l-Kummissjoni għandha aranġament mal-Gozo Association for the Deaf biex dawn ibiegħu batteriji tal-hearing aids bi prezz irħis.
b) Il-prezz mhux issussidjat mill-Gvern, biss dawn il-batteriji huma eżentati mid-dazju.
c) Peress li m'hemmx sussidju t-tielet u r-raba' mistoqsijiet m'humiex applikabbli.
d) Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet bejn din l-Għaqda u l-Kummissjoni kif dan is-servizz jista' jitkompla bl-aħjar mod possibbli.
5.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru Ministru jgħid jekk il-post, li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament, huwiex battal? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex tal-Housing Department?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat mill-Onor. Interpellant mhux f'idejn id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk fuq catering ta' tiġijiet hemmx VAT? Jekk le, għaliex f'kull stabbiliment ta' catering jgħidulek li trid tħallas il-VAT? Għaliex meta ċċempel il-VAT Office jgħidulek li lanqas huma ma jafu? Jista' l-Ministru jagħti bil-miktub x'inhi l-pożizzjoni tal-VAT fuq catering ta' tiġijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie mħabbar fid-diskors tal-Budget 1999 f`paġina 74, fil-jiem li ġejjin ser jitniedu skemi ta` refużjonijiet tal-VAT fuq spejjeż konnessi ma` tiġijiet u funerali bħal dik li diġa` teżisti fuqil-bini ta` l-ewwel dar. Skond dawn l-iskemi, persuni kkonċernati ser ikunu jistgħu jitolbu lura l-VAT li jkunu ħallsu fuq spejjeż li jkunu għamlu fuq tiġijiet u funerali.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3574 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-risposta li tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba tal-validita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji tal-ħlasijiet li qed isiru taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali, 1987 u li jidhru bħala "Benefiċċji Oħrajn" fir-rendikont finanzjarju li jiġi ppubblikat kull sena ma' l-estimi ġenerali u jagħti informazzjoni għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tal-ħlasijiet li saru taħt it-titolu 'Benefiċċji Oħrajn' li jidhru fir-rendikonti finanzjarji tas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali 1987.
Rigward is-sena 1998, il-figuri huma proviżorji.
5.5.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3580 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-risposta li tani l-Ministru, jista' jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba tal-validita'?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li diġa' tajt fis-Seduta 88 għall-Mistoqsija Numru 4966.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, mill-5 ta' Settembru 1998 sas-26 ta' Frar 1999, kemm inħadmu sigħat ta' overtime mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Anzjani? Jista' jgħid min huma li ngħataw dan l-overtime? Jista' jgħid kemm sigħat u kemm ħlas ingħataw f'overtime xahar b'xahar? F'liema sezzjonijiet tad-dipartiment jaħdmu l-ħaddiema msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jipprovdu rispettivament:
(i) in-numru ta' siegħat ta' "overtime" li nħadmu, xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Frar 1999, fit-Taqsima ta' l-Amministrazzjoni u fid-Djar għall-Anzjani tad-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani kif ukoll l-ispiża ta' din is-sahra (Tabella A);
(ii) in-numru ta' siegħat ta' "overtime" li nħadmu, xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Frar 1999, fit-Taqsimiet differenti tar-Residenza San Vinċenz de Paule (Tabella B). L-ammonti attwalment imħallsa lill-impjegati ta' din ir-Residenza f'dan il-perjodu diġa' ngħataw fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 6010.
Ma naħsibx li jkun prudenti li nipprovdi nformazzjoni dwar l-ismijiet ta' dawk l-impjegati li rċevew dawn il-ħlasijiet.
5.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm karozzi fid-Dipartiment ta' l-Anzjani? Meta nxtraw? Kemm swew? Kemm intnefqu flus f'manutenzjoni minn meta nxtraw karozza b'karozza? Minn min qed jintużaw? Liema karozzi qed jintużaw wara l-ħin normali tax-xogħol u minn min u għal liema raġuni? Kemm intnefqu flus f'petrol/diesel xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Frar, 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna roża lokal b'lokal u meta nħarġitilhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-karta r-roża għall-mediċini b'xejn tingħata wara li ssir dikjarazzjoni finanzjarja. Jekk persuna tissodisfa t-test tal-mezzi tingħata l-karta roża li tkun valida għal sitt xhur, u f'każ ta' pensjonanti u familji fuq l-Għajnuna Soċjali tkun valida għal sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi kemm hu n-numru ta'dikjarazzjonijiet validi f'xi żmien partikolari. B'danakollu tinżamm statistika dwar in-numru ta' talbiet li jkunu saru ġodda mill-Uffiċċju Distrettwali, kif jidher hawn taħt:
ĦRUĠ TAL-KARTA R-ROŻA MATUL IS-SENA 1998
Balzan 140
Birkirkara 317
Cospicua 223
Ħamrun 198
Luqa 53
Marsa 173
Mosta 189
Msida 155
Naxxar 182
Paola 254
Qormi 220
Rabat 307
Sliema 120
San Ġwann 98
San Pawl il-Baħar 150
Valletta 252
Żabbar 220
Żebbuġ 331
Żejtun 267
Żurrieq 88
Victoria 628
Nadur 257
-------
TOTAL 4,822
=======
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pilloli "special" jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern flimkien mad-Drugs and Therapeutics Committee bħalissa għaddej proċess fejn qiegħed jiġi 're-formulated' u 'updated' il-Formularju. Numru ta' pilloli li bħalissa huma 'special' sejrin isiru 'Formularju' u għalhekk jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pilloli "special items" li jingħataw mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-lista ta pilloli 'special items' li jingħataw mill-Ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jkunu l-kondizzjonijiet u l-benefiċċji li se jgawdu dawk li se jikkwalifikaw għal ħatra ta' Assistent Direttur fis-Servizz Ċivili b'Performance Agreement għal ħames snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi dawk l-Uffiċjali Pubbliċi li jintagħżlu biex jimlew pożizzjonijiet ta' Assistent Direttur u li jkunu fi grad ta' skala ta' salarju anqas minn Skala 5 jiġu, fl-istess waqt, appuntati bħala Uffiċjal fi Skala 5.
Barra minn hekk, Assistenti Diretturi jingħataw Performance Agreement ta' ħames snin u jkunu ntitolati għal Performance Bonus fuq l-istess kriterji u arranġamenti, b'xi modifikazzjonijiet, li jeżistu għal Diretturi iżda ma jkunux intitolati għal perkwiżiti oħra applikabbli għal pożizzjonijiet ta' Direttur.
Meta jagħlaq iż-żmien tal-kuntratt, Assistenti Diretturi, jekk ikunu qdew dmirhom tajjeb, jistgħu jingħataw estensjoni tal-kuntratt. Fil-każ li ma jerġgħux jingħataw kuntratt ieħor, dawn l-uffiċjali pubbliċi jmorru għall-grad sostantiv tagħhom bħala Uffiċjali fi Grad 5 u jingħataw xogħol konformi ma dak il-grad.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-applikazzjoni relattiva.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi fi skala 5, 4 u 3 li ma ħadu ebda bonus skond l-aħħar award li ngħatalhom mis-Segretarju Permanenti rispettiv tagħhom?
Kemm kien hemm li ħadu 15%, 10% u 5% skond kull kategorija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fuq tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.