Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern biex jagħti sens ta' sigurta' lill-anzjani li llum ħafna minnhom jinsabu mwerwrin f'darhom?
Response (BORG, TONIO)
L-agħar ħaġa li wieħed jista` jagħmel f'materji bħal dawn hu li wieħed iwerwer lin-nies jew li joħloq sensazzjonaliżmu.
Dan il-Gvern żied l-ispiża kapitali tal-Pulizija b'40%, meta l-amministrazzjoni preċedenti naqqsitha; żied l-'allowances' lill-Pulizija biex jiggarantixxi kondizzjonijiet, effiċjenza u presenza aħjar tal-Pulizija, meta l-Gvern preċedenti naqqashom.
Waqt li r-rata tal-kriminalita' kienet qed tiżdied fl-1997 u fl-1998, u l-anzjani imutu f'darhom (kien hemm żewġ anzjani maqtula f'serqiet bejn Jannar u Settembru 1998), il-Gvern kien qed inaqqas l-ispiża kapitali tal-Korp.
Barra minn hekk kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija għas-snin 1999 - 2001, il-prijorita` ewlenija tal-Korp tal-Pulizija hija l-ġlieda kontra l-kriminalita`. Huwa ppjanat li dan ser jintlaħaq b'żieda fin-numru ta' pulizija li jwettqu r-ronda fl-irħula; billi jinbidel it-tqassim tar-riżorsi tal-Pulizija fl-ibliet u l-irħula skond in-neċessitajiet taż-żmien u t-tibdil li jkun qed isir fil-kamp kriminali; billi l-pulizija tad-distrett tattendi fuq rapporti f'inqas żmien minn dak preżenti; billi jiġu ppjanati aħjar ir-rondi u b'titjib fil-briefing u debriefing tal-pulizija qabel ma jibdew u wara li jtemmu xogħolhom.
05.05.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jipprovdi servizz ta' spiżerija fil-Mellieħa minn fejn l-anzjani ikunu jistgħu jġibu l-mediċini li jkunu ntitolati għalihom b'xejn mingħajr ma jkollhom għalfejn jiskarriġġjaw żejjed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellanta li filwaqt li l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jiftah spiżerija fil-Mellieħa, l-anzjani tal-Mellieħa jistgħu jagħmlu użu mill-'Postal Service' li jeżisti fil-berġa lokali.
Issa li waslu biex jiġu numru konsiderevoli ta' studenti barranin biex matul l-Għid jistudjaw l-Ingliż f'Malta, jista' jassigura li dawk li jorganizzaw divertiment għal dawn l-istudenti, jkunu jafu li tfal taħt is-16-il sena ma jistgħux jidħlu f'postijiet ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol? Jistgħu jsiru twissijiet lil dawn l-organizzaturi li meta jorganizzaw xi attivita' ma jiġix servut alkoħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-permess li toħroġ il-Pulizija għall-divertiment okkażżjonali ikun hemm il-kundizzjonijiet li taħthom ikun qed jingħata l-permess. Infurmat illi fost dawn il-kundizzjonijiet ikun hemm il-persuni taħt is-sittax il-sena ma jitħallewx jidħlu għall-ebda raġuni.
05.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jiġu protetti l-ġirien ta' l-iskola primarja peress li min juża s-sala tard bil-lejl sa kmieni filgħodu qed jagħmel ħafna storbju u bla konsiderazzjoni għal ġirien?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma semmiex għal liema skola qed jirreferi, mhinix f'pożizzjoni li nwieġeb. Barra minn hekk nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
05.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu passi biex konsistentement tinġibed l-attenzjoni ta' min juża s-sala ta' l-iskola primarja ta' Birżebbuġa peress li qed idejqu lill-ġirien għax spiss qed jiġri li min juża s-sala qed jibqa sas-sigħat ta' filgħodu jżarma u jagħmel storbju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li diġa' inġibdet l-attenzjoni ta' min juża l-hall biex joqgħodu attenti biex ma jsirx storbju wara ċertu ħin.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1522, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-applikanti li applikaw formalment b'risposta għas-sejħa għall-impjieg fis-Support Unit għall-Koperattivi f'Marzu 1996, meta preċiżament saret is-sejħa u meta għalaq iż-żmien biex jiġu milqugħa l-applikazzjonijiet għall-impjieg u d-dati li fihom daħlu l-applikazzjonijiet kollha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni li ngħatat lili, jirriżulta li:-
1. Vakanza fil-"Co-operative Support Unit" (ETC Permit 36/96) dehret fil-gazzetti tat-tielet ġimgħa ta' Frar, 1996.
2. Id-"deadline" mogħti għat-tlaqqiegħ ta' applikazzjonijiet kien tad-29 ta' Marzu, 1996.
3. Sa din id-data kienu ntlaqgħu seba' (7) applikazzjonijiet.
4. Intlaqgħet ukoll applikazzjoni oħra datata 19 ta' Ġunju, 1996 li ġiet rikonoxxuta bħala "late application".
5.5.99
B'riferenza għal dak li qal il-Viċi Prim Ministru dwar l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf mill-ġdid is-Support Unit għall-Koperattivi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bejn l-1992 u l-1996 dan is-Support Unit kienx twaqqaf b'deċiżjoni tal-Bord tal-Koperattivi u jekk le bid-direttiva ta' min? Jista' f'kull każ il-Viċi Prim Ministru jipproduċi d-deċiżjoni kif dokumentata fil-muniti? Jista' jgħid ukoll ma' min kienu mpjegati l-membri tas-Support Unit, fis-sens jekk kenux impjegati tal-Bord tal-Koperattivi jew tal-Ministeru li taħtu kienu jaqgħu l-koperattivi u jekk dan kienx mill-bidu tat-twaqqif tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lil l-Onor. Interpellant li l-Co-operative Support Unit (jew l-Appoġġ għall-Koperattivi twaqqaf bi l-għan li jimplimenta l-politika ta'appoġġ għall-koperattivi mfissra fil-"Policy Document" maħruġ mill-Bord tal-Koperattivi fl-1993.
Il-"Co-operative Support Unit" twaqqaf għalhekk, b'deċiżjoni tas-Segretarju Parlamentari Riżorsi Umani (dak iż-żmien responsabbli mill-Koperattivi) u wara konsultazzjonijiet mal-Bord tal-Koperattivi u diversi persuni, uffiċjali u rappreżentanti tal-Gvern, inkluż mill-Prim Ministru.
L-għan wara t-twaqqif tiegħu huwa li jipprovdi għajnuna teknika u ta' konsulenza lill-Moviment Koperattiv.
Id-deċiżjonijiet ewlenin li jirrigwardaw it-twaqqif tal-"Co-operative Support Unit" huma mfissra u dokumentati f'dawn il-Minuti tal-Bord tal-Koperattivi:
Laqgħa tal-Bord tal-Koperattivi Data
------------------------------- ----
Laqgħa 01/94 08 ta' Marzu, 1994
Laqgħa 03/94 15 ta' April, 1994
Laqgħa 05/94 23 ta' Mejju, 1994
Laqgħa 12/94 03 ta' Novembru, 1994
Laqgħa 01/95 05 ta' Jannar, 1995
Intlaħaq qbil ukoll li l-"Malta University Services Limited" kellu jkun huwa li jservi bħala l-"employer tal-ħaddiema ngaġġati fis-"Support Unit" ladarba l-Bord ma kienx għadu preparat biex jimpjega n-nies miegħu.
Il-perjodu ta' ngaġġ għal tlett (3) "Project Leaders" inbeda f'Ottubru 1994 waqt li l-"Project Leaders" ġew ingaġġati mal-Bord tal-Koperattivi b'effett minn Ġunju 1996.
Matul il-perjodu ta' ngaġġ tagħhom ma' l-MUS, l-operat tas-"Support Unit" kien jitmexxa minn "Management Board" li kien jinkludi rappreżentanti kemm tal-MUS u tal-Bord tal-Koperattivi.
5.5.99
Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz kull kilo għall-bidwi għall-prodott tal-patata, f'Malta matul l-1995, 1996, 1997 u 1998, u fil-pajjiżi ta' l-EU matul l-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant għandu japprezza li fl-istess ġurnata ta' l-istess xogħol, il-bidwi jġib prezzijiet differenti skond għand liema pitkal ikun ħa l-prodott tiegħu.
Għalhekk id-domanda tal-Onor. Interpellant hija pjuttost komplessa u tirrikjedi ħafna ħin sabiex tkun tista' tinġabar.
Madanakollu fit-tabella t'hawn taħt qed nurik għas-snin 1996, 1997 u 1998 (minn meta l-pitkalija marret fuq il-computer) l-ammont ta' patata li daħlet fil-pitkalija ta' Malta, il-prezz medju li ġabet kull kilo.
Kwantita' (Kgs) Lm Average
1996 4,226,279 608,503 14.40
1997 4,831,011 396,788 8.21
1998 4,018,868 486,941 12.12
Il-prezzijiet tal-patata fl-UE ivarjaw minn suq għall-ieħor, minn lokalita' għall-oħra, minn ħin għall-ieħor, minn varjeta għall-oħra u minn daqs għall-ieħor.
Jista' l-Ministru jinformani x'kien il-prezz minimu għall-bidwi għal kull kilo tadam għall-ipproċessar f'Malta, matul l-1996, 1997 u 1998? Jista' l-Ministru jinformani wkoll bil-prezzijiet, matul l-istess perjodu, għall-istess prodott tal-pajjiżi membri ta' l-EU?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz minimu għall-bidwi għat-tadam għall-ipproċessar f'Malta fis-snin indikati kien stabbilit hekk:
Prezz minimu kull kilo:
għat-tadam għall-produzzjoni tal-
Kunserva Pelat u Polpa
1996 7 cents 9 cents
1997 7 cents 9 cents
1998 7 cents 9 cents
Id-Dipartiment tal-Ministeru m'għandux statistika tal-prezzijiet fil-pajjiżi ta' l-E.U. Madanakollu, l-Onor. Interpelant għandu jkun jaf li l-prezz minimu fl-Unijoni Europea jiġi stabbilit skond ir-regolament tal-Kunsill No. 2201/96 a bażi ta'
a) il-prezz minimu stabbilit is-sena ta' qabel
b) il-prezzijiet ġenerali tal-ħxejjex u frott
c) is-suq għall-prodott
Għaldaqstant il-prezz ivarja minn żona ta' produzzjoni għall-oħra skond kif jiġi miftihem. Skond l-istess regolament miżuri speċjali għal xi lokal jew reġjun partikolari. Mhux il-kas li wieħed iqabbel prezzijiet minimi mingħajr ma wieħed jikkonsidra il-fatturi kollha.
Jista' l-Ministru jinformani x'ġara mill-applikazzjonijiet/sejħiet għal direttur ta' l-Urban and Rural Landscaping u direttur ġenerali fid-Dipartiment u l-Ministeru tal-Biedja u Sajd? Għaliex dawn id-diretturi ma ġewx appuntati bħalma ġew appuntati diretturi oħra f'dipartimenti governattivi oħra, inkluż fid-Dipartiment tas-Sajd?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ser nirreferi d-domanda tal-Onor. Interpellant lill-Ministru konċernat. Kif ikolli l-informazzjoni mitluba, nagħti risposta.
B'riferenza għas-600 triq ta' asfaltar u tarmac li se jsiru mill-gvern fix-xhur li ġejjien, jista' l-Ministru jinformani meta l-by-pass ta' l-Imtarfa se tingħata tarmac skond dan il-programm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-programm ta` xogħol għas-snin, mhux ix-xhur, li ġejjin għadu qed jitfassal.
B'riferenza għas-600 triq li se jiġu asfaltati u/jew jingħataw t-tarmac, jista' l-Ministru jinformani meta t-toroq ta' Għar-Barka, Rabat, se jingħataw t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tkun ippubblikata malli x-xogħol għall-preparazzjoni tal-pjan ikun lest.
B'riferenza għas-600 triq li skond il-pjan tal-gvern se jiġu asfaltati jew mogħtija t-tarmac, jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk it-toroq fil-Baħrija li se jingħataw it-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`għandi xejn x`inżid fuq l-informazzjoni diġa mogħtija għar-risposta parlamentari Nru. 6243.
Wara s-sejħa pubblika li saret fil-gazzetti fil-bidu ta' dan ix-xahar għal għaqdiet/ditti/individwi biex japplikaw għal xogħol ta' konsultazzjoni dwar screening ta' leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, it-tfassil ta' leġislazzjoni u xogħol ieħor konness, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt applikaw? Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kull applikazzjoni bħal liema huma l-applikanti, x'esperjenza għandhom f'leġislazzjoni Ewropea u fil-każ ta' kumpanniji/aġenziji min huma d-diretturi?
Response (BORG, JOE)
In-numru ta` applikazzjonijiet għal xogħol ta` konsulenza dwar screening ta` leġiżlazzjoni ta` l-Unjoni Ewropeja huwa ta` 83.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-lista ta` individwi u ditti li applikaw.
Fil-każ ta` ditti li applikaw, il-lista ta` diretturi hija informazzjoni pubblika li tista tinġabar mir-`Registrar of Partnerships`.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3469 dwar bordijiet governattivi vis-avis nisa u żgħażagħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Rigward il-parti tal-mistoqsija dwar il-politika li f'bordijiet governattivi jiġu nominati kemm jista' jkun żgħażagħ, l-amministrazzjoni preżenti, filwaqt li fil-prinċipju taqbel ma' dan, ma tqisx li l-eta' għandha tkun il-kwalita' ewlwnija li biha persuna tikkwalifika biex isservi bħala membru fuq bord. Pjuttost il-gvern preżenti jqis li l-kompetenza tal-persuna, irrispettivament mill-eta', bħala l-kriterju ewlieni li jikkwalifika persuna biex isservi fuq bord.
Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Bordijiet governattivi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3471 dwar bordijiet governattivi vis-a-vis nisa u żgħażagħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ta'l-Agrikoltura u Sajd hemm erbgħa persuni li huma taħt it-30 sena. Dawn huma kollha nisa. Ħadd minnhom ma jieħu onorarju. Nominazzjonijiet fuq il-bordijiet isiru fuq il-kriterju ta' kemm il-membru nominat jista' jagħti kontribut siewi u skond nomini li jsiru mid-diversi għaqdiet li huma rappreżentati fuq il-bordijiet, u mhux biss skond l-eta' jew is-sess tal-persuna nominata. Fil-bordijiet kollha tal-Ministeru hemm erbatax il-mara.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3472 dwar bordijiet governattivi vis-a-vis nisa u żgħażagħ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li hemm 8 irġiel u 5 nisa taħt it-30 sena li huma membri ta' bordijiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex. Ħadd minnhom ma jieħu xi forma ta' onorarja. Il-politika tal-Gvern preżenti hija li kemm jista' jkun jiġu nnominati żgħażagħ u nisa f'bordijiet governattivi. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li fil-preżent hemm 17-il mara fuq il-bordijiet u l-kumitati li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 807 dwar impjegati fil-Ministeru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Kien hemm disa` impjegati li ngħataw il-permess biex jiġu trasferiti minn dan il-Ministeru mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali sa l-4 ta` Novembru 1998 kif qed jingħad hawn taħt:-
Żewġ impjegati Għawdxin kienu `on loan` mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u eventwalment bdew jaħdmu Għawdex ma` dak id-Dipartiment (Gozo Branch). Impjegat ieħor ingħaqad mal-Works Division fil-Ministeru ta` l-Ambjent wara li ġie appuntat `Security Guard`. Żewġ impjegati oħra marru d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, u l-oħrajn mad-Dipartiment ta` l-Agrikoltura, il-VAT Office, id-Dipartiment ta` l-Environment Protection u l-Works Division tal-Ministeru ta` l-Ambjent.