Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tkun ikkonsidrata għal xi post żgħir li hemm vakant f'Hubbard Flats, f'Bormla jew ieħor x'imkien ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna indikata m'għandiex applikazzjoni mad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Hi kellha waħda iżda ġiet allokata post li xtaqet, fil-Blokka indikata fit-2 ta' Settembru 1998, iżda rriturnat iċ-ċwievet f'Diċembru. 10.5.99
Leg 9 PQ #6735 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati mpjegati ġodda mal-Korporazzjoni Enemalta mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Minn liema lokalita' ġejjin? Kif ġew ingaġġati? Jekk ġew magħżula fuq Part 1 tar-Reġistru ta' l-ETC kemm kienet ilha tirreġistra kull persuna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6736 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Prodotti — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn prodotti li għadha titħallas levy fuqhom meta jiġu mportati? Liema huma dawk il-prodotti li huma fuq quddiem nett li titneħħilhom il-levy?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #6737 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun jista' jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Kottonera? Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta hu pprogrammat li jorbtu l-ewwel yachts?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol ikun jista' jibda wara li l-Parlament japprova l-proġett in kwistjoni u wara illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar toħroġ il-permessi meħtieġa. Skond l-abbozz tal-kuntratt li hemm quddiem il-Parlament, il-Konsorzju intrabat li ilesti x-xogħol fuq il-Marina fi żmien sentejn mill-kuntratt finali.
Leg 9 PQ #6742 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u l-istħarriġ li saru dwar il-bini ta' tlett faċilitajiet sportivi li l-Partit Nazzjonalista wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li lanqas jien għad ma kelli ħin naqra u nevalwa r-rapport, nikkonsidra t-talba ta' l-Onor. Membru fi stadju ulterjuri.
Leg 9 PQ #6743 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tagħmir sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'tagħmir sportiv fl-iskejjel minn mindu din saret parti mill-amministrazzjoni normali ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn mindu n-nefqa ta' flus f'tagħmir sportiv saret parti mill-amministrazzjoni normali ta' l-iskola, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'hiex qed iżżomm elenku dettaljat tal-kategoriji ta' apparat li jkun inxtara (apparat hux sportiv jew natura oħra.) Għalhekk, mhux possibli li din l-informazzjoni tingħata.
Leg 9 PQ #6744 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport for All — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ġew magħżula l-membri tal-bord Sport for All? X'esperjenza għandhom f'dan is-suġġett is-sinjuri maħtura f'dan il-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-membri tal-bord Sport for All ġew magħżula minħabba l-esperjenza jew il-kwalifiki li għandhom f'dan il-qasam. Il-membri huma dawn: Dr H. Messina Ferrante (Chairman) - Kien fuq Kumitat Sport for All qabel l-1996 Ex membru ta' l-Eżekuttiv MFA fejn beda football għan-nisa Is-Sur Tony Debono (Viċi Chairman) - Kien fuq Kumitat Sport for All qabel l-1996 Jorganizza attivitajiet sportivi in konnessjoni mal-President's Cup Membru - Malta Football Team Supporters Club Is-Sur Daniel Buhagiar - Ġurnalista Sportiv u għalliem tal-PE Is-Sur Joseph Urpani - Ex footballer - Valletta Football Club Is-Sur Mark Farrugia - Għalliem tal-PE u diriġent f'diversi għaqdiet ta' l-Atletika Is-Sur Envic Glea - President tal-Malta Judo Federation Viċi President tal-European Judo Union u Chairman tal-Medical Commission u Youth Commission ta' l-istess Union President tal-Malta Association for the Promotion of Popular Sports Ms Mariella Piscopo - Tieħu ħsieb nursery tal-basketball Ms G van Vuuren Cassar - Esperta akkademika fl-isport (Ph D minn Victoria University, Manchester) Fil-passat kienet membru fuq diversi bordijiet ta' l-isport Ms Tanya Zahra - Għandha diploma fil-Public Administration - it-teżi finali tagħha hija dwar promozzjoni ta' kultura sportiva fl-iskejjel. Impjegata fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport Is-Sur John Farruga (Segretarju) - Membru fil-Kumitat tar-Rabat de Piro Sports Club.
Leg 9 PQ #6745 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport for All — Bord

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji ta' gwida li l-Bord ta' Sport for All se jimxi fuqhom, kif ukoll l-abbozz li ħejja l-istess bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għadu ma tħejja ebda abbozz mill-Bord Sport for All imma żewġ membri tiegħu għamlu rapporti preliminari sabiex iservu ta' bażi għall-abbozz finali. Hekk kif dan l-abbozz jitlesta għandu jingħata l-pubbliċita` xierqa sabiex issir diskussjoni wiesgħa fuqu. Il-linji ta' gwida li se jimxi fuqhom il-Bord ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #6749 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Sqaq tar-Rumi - Ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6249?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 9 PQ #6780 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Banek — Mid-Med - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'valutazzjoni saret tal-patrimonju ta' xogħlijiet ta' l-arti li għandu l-Mid-Med Bank?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma saritx valutazzjoni tal-patrimonju kollu ta' xogħolijiet ta' l-arti li għandu l-Mid-Med Bank.

Power Station Marsa

Question

Rigward il-mistoqsija parlamentari numru 6383, jista' l-Ministru jinformani fuq dak li jirrigwarda l-overhaul ta' boiler Nru.7 (Marsa Power Station), kemm hemm ħaddiema electrical u electronics jaħdmu overtime?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma hemm ebda ħaddiem, la 'electrical ' u lanqas 'electronic', li qed jaħdem bis-sahra b'mod regolari fuq il-boiler numru 7. Mhux eskluż li jsir xogħol ta' sahra sporadiku fuq xogħolijiet speċifiċi.
Leg 9 PQ #6785 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Servizz ta' helicopter

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6596?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li peress li l-Malta Aircharter hija kumpanija privata mhux xieraq li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Maltacom — Xogħlijiet ta' secondary cable

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li rebħu (ġew awarded) it-tender għal xogħlijiet tat-tqegħid ta' secondary cable tal-Maltacom f'diversi lokalitajiet f'Malta? Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet taħt din it-tender? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jingħata xogħol taħt din it-tender?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Telemalta — Telefonati overseas

Question

Jista' l-Ministru jara li ż-żieda fit-tariffa b'25% għat-telefonati overseas permezz ta' telecard ma tkunx applikabbli għall-pensjonanti li ħafna minnhom jużawhom biex jagħmlu kuntatt mal-qraba tagħhom barra minn Malta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Filwaqt li wieħed jappreza s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant, jiena nfurmat li dan huwa mpossibbli li das-suġġeriment jiġi attwat għaliex il-management system tal-cardphones ma tikkonoxxix jekk min juża l-cardphone hux pensjonant jew le. Madankollu niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-pensjonanti llum xorta jistgħu jibqgħu jagħmlu sejħiet għal barra minn Malta bit-tariffi normali billi jċemplu mir-residenzi. Anke jekk minflok telefon normali dawn għandhom telephone residenzjali li jieħu t-telecard, it-tariffi għal sejħiet għal barra minn dan it-tip ta' cardphone m'għolewx. Dan ħareġ ċar ħafna mill-istqarrija uffiċjali li l-Maltacom ħarġet nhar il-Ġimgħa, 30 ta' April fejn intqal: 'It-tariffi għal sejħiet għal barra minn Malta minn telephones u cardphones residenzjali mhux qed jogħlew.' Jiena nfurmat ukoll li l-maltacom ma żiditx it-tariffi għal sejħiet għal barra b'kapriċċ. Kif intqal fl-istqarrija li kkwotajt minnha qabel, 'dan id-dħul se jgħin lill-Mlatacom tagħti lill-klijenti tagħha servizz aħjar permezz ta' investiment ġdid fis-sistemi diġitali tagħha u billi tgħolli l-kwalita` tal-cardphones tagħha'. Barra minn hekk, il-cardphones tal-Maltacom huma l-uniċi f'Malta li għandhom iċ-ċertifikat ISO 9000, li jingħata biss lil dawk l-azjendi li jissodisfaw kriterji għolja ta' servizz. Infakkar li minkejja din iż-żieda, is-sejħiet għal barra mill-cardphones xorta waħda jibqgħu orħos minn dawk li jsiru minn coinboxes.
Leg 9 PQ #6810 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permess B/172/90 - TL/F65/90

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid il-permess tal-pulizija B/172/90 - TL/F 65/90 ta' lokalita' f'Ħaż-Żebbuġ fejn dan il-permess jagħti l-fakulta' li jinżamm żfin bejn is-6.00 p.m. u 12.00 p.m. minħabba l-fatt li mindu ħareġ dan il-permess l-area ta' din il-lokalita' żdiedet fil-popolazzjoni b'konsegwenza li l-ħin qiegħed jeċċedi nofs il-lejl b'detriment għar-residenti? Għaliex postijiet oħra simili għandhom ħin stabbilit sal-11.00 p.m. u dan il-permess jasal sa 12.00 p.m.?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-Avviz Legali 18 ta` l-1991 kull persuna interessata tista` tikkontesta kull liċenzja ta` negozju billi tirreferi l-ilmenti jew oġġezzjonijiet tagħha lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija. Dan il-bord imbagħad jisma kemm l-ilmenti ta` min ikun qed jikkontesta il-liċenzja kif ukoll tas-sidien u jagħti l-pariri tiegħu lill-Kummissarju tal-Pulizija kif jidhirlu xieraq. 10.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6811 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjiegi f'dipartimenti tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif għandu jkun kompost board li jagħmel interviews għad-dħul fi gradi dipartimentali f'dipartiment tal-gvern? Jista' jkun hemm board li ma jkun fih ebda rappreżentant mid-dipartiment jew ministeru konċernat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li: kull bord ta' l-għażla jkun kompost minn Chairman u numru ta' membri li jinkludi rappreżentant tal-Management and Personnel Office. Fejn il-vakanza tkun waħda teknika, wieħed mill-membri għandu jkun kwalifikat fis-suġġett; in-nominazzjonijiet isiru mill-Kap tad-Dipartiment u jiġu approvati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #6815 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qala Triq Wied is-Simar

Question

Taf il-Ministru bil-problema ta' l-ilma tax-xita li hemm fi Triq Wied is-Simar, fil-Qala, Għawdex? Taf li din il-problema hi kkaġunata minħabba l-pendil tat-triq kif inhu u minħabba ċ-ċokon tal-katusa li mhix tvinċi l-ilma tax-xita? Taf ukoll li din il-problema kompliet tiggrava bl-asfaltar tat-triq u bil-bini li tela' wara li saret din il-katusa? Taf li dan qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti ta' din it-triq u kull min jgħaddi minnha? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex dan l-inkonvenjent jitneħħa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi solvuta.
Leg 9 PQ #6817 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Kors ta' taħriġ fin-navigazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux il-konsiderazzjonijiet li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3896? Jekk fl-affermattiv, x'riżultati kien hemm minn dawn il-konsiderazzjonijiet? Jekk fin-negattiv, x'hemm jimpedixxi li dawn ma sarux?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li saru kuntatti mal-iskola tan-Navigazzjoni biex isir kors ta' taħriġ fin-navigazzjoni f'Għawdex. Jidher li sa issa hemm possibilta' li jsir kors ta' tmuniera.
Leg 9 PQ #6818 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nadur - Servizz ta' drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispezzjonijiet bil-closed circuit television fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Blas, li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3868, sarux? Jekk saru, x'kien ir-riżultat? Jekk ma sarux, x'inhi r-raġuni għaliex dawn ma ġewx esegwiti? Jista' jiġi kkonfermat li l-problema hija dovuta għal fatt li d-daqs tal-katusi huwa żgħir komparat ma' l-ammont ta' likwidu li jgħaddi minn ġo l-imsemmija katusi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li inħarġet offerta għas-servizz ta' closed circuit television biex isiru spezzjonijiet ta' katusi tad-drenaġġ. Kif tingħata din l-offerta issir l-ispezzjoni meħtieġa fi Triq San Blas in-Nadur.