Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6260 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing u clamping ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati u kklampjati vetturi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar? Jista' jgħid liema kienu l-ibliet u l-irħula fejn sar dan ix-xogħol? Kemm daħħal flus il-gvern minn kull waħda minn dawn il-kontravvenzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bid-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant li tirreferi għall-ewwel tlett xhur ta' din is-sena. Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar April għadha qed tinġabar. 10.05.99

MIA — Duty free shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħalqu ħwienet fl-ispazju riservat għall-bejgħ ta' prodotti duty free fl-ajruport internazzjonali minn Settembru, 1998? X'raġuni kien hemm? Fejn kien spiċċa l-kuntratt ta' dawk li kienu jokkupaw ħanut, ingħataw iċ-ċans li jġeddu? Kemm kienu jaħdmu nies mad-ditti li ma għadhomx joperaw? X'kienu jbiegħu f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn Settembru 1998 'l hawn, ingħalqu erba` 'short term outlets' li kienu joperaw fit-Tax Free Area fl-arjruport press li kien skadielhom il-Kuntratt. Il-Malta International Airport qed tistudja x'policy għandha tadotta dwar l-ispazju li kien okkupat minn dawn l-outlets.

Qrati Maltin — Separazzjonijiet ta' żwieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' każijiet ġodda ta' separazzjoni ta' żwieġ li ġew ippreżentati quddiem il-qrati din is-sena? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Jannar, Frar u Marzu? X'inhu n-numru total ta' każijiet ta' separazzjoni li hemm quddiem il-qrati Maltin? Kemm mill-każi ġodda li ġew ippreżentati din is-sena jinvolvu persuna barranija? Kemm minn numru totali jinvolvu persuna barranija?

Response (GATT, AUSTIN)

Mill-1 ta` Jannar 1999 sat-28 ta` April 1999 ġew preżentati 34 każi ġodda ta` separazzjoni ta` żwieġ fil-Prim` Awla tal-Qorti Ċivili u 327 rikors fis-Sekond`Awla tal-Qorti Ċivili. In-numru ta` kawżi ġodda fil-Prim` Awla f`Jannar kien ta` 10, fi Frar daħlu 10 u f`Marzu daħlu 9. Fis-Sekond`Awla ir-rikorsi huma mqassmin kif ġej: Jannar Frar Marzu Separaz zjonijiet 28 42 39 Separazzjoni alimenti 15 18 8 Separazzjoni bonarji 37 34 43 It-talbiet għas-separazzjoni f`din l-Awla jistgħu jkunu doppji. In-numru total ta` każijiet ta` separazzjoni pendenti quddiem il-Qrati Maltin fit-28 ta` April 1999 hu ta` 386 fuq il-listi tal-Prim` Awla. Hemm 63 oħra li għadhom mhux appuntati. Hemm ukoll 15 il-kawża oħra pendenti quddiem il-Qorti ta` l-Appell. Minn dawn jistgħu jkun hemm kawżi doppji, peress li tkun saret kawża kemm mir-raġel kif ukoll mill-mara. L-informazzjoni mitluba dwar każi li jikkonċernaw persuni barranin trid iż-żmien biex tinġabar billi jkun meħtieġ li jiġu ċċekkjati l-kawżi kollha waħda, waħda.
Leg 9 PQ #6263 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Passi kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il darba l-qrati f'Malta u f'Għawdex ikkritikaw l-operat tal-Pulizija f'xi każ u speċifikament talbu li jittieħdu passi kriminali kontra tagħhom? Liema kienu dawn il-każi u kemm kien hemm pulziija nvoluti f'kull każ? Fil-fatt ittieħdu passi kriminali kontra l-membri tal-Korp? Waqt li jkunu għaddejjin passi kriminali kontra membri tal-Korp dawn jiġu sospiżi mid-doveri tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta Jannar u s-26 ta April, 1999, kien hemm każ wieħed, `Il-Pulizija vs Vincent Bugeja, Thomas Zammit, Charles Bugeja` li dwaru l-Qorti ordnat lill-Avukat Generali jipproċedi kontra l-membri tal-Korp involuti f`dan il-każ b`akkużi ta` spergur, abbuż ta` poteri tal-Pulizija u ta` uffiċjali pubbliċi, swat u ħsara volontarja ta` proprjeta`. Il-membri tal-Korp involuti kienu erbgħa tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar. Dwar jekk ittieħdux passi kriminali, infurmat illi min-naħa tal-Pulizija dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat. 10.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6264 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ksur ta' regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm-il membru tal-Korp tal-Pulziija dehru quddiem il-kummissarju minħabba ksur ta' regolamenti tal-Korp? X'kienu l-akkużi prinċipali? Jista' jagħti figuri għal kull xahar separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena nżammu żewġ seduti tad-dixxiplina dwar ksur tar-regolamenti minn membri tal-Korp tal-Pulizija, waħda f'Jannar u oħra fi Frar. In-numru ta' membri involuti kienu 24 u 27 rispettivament u l-akkużi prinċipali kienu diżubbidjenza ta' ordnijiet, traskuraġni ta' xogħol, telf ta' reputazzjoni, ħsara u nuqqas ta' ndafa. 10.05.99

Mtarfa — Binja Bugana - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Peress li r-residenti fl-indirizz indikat separatament qed isofru fawran tad-drenaġġ fil-garaxx tagħhom mis-saqaf tal-garaxx f'Binja Bugana, Triq it-Torri, Mtarfa, jista' l-Ministru jara li jinvestiga l-kas imsemmi ħalli l-familja in kwestjoni ma tbatix il-konsegwenzi għall-ispejjeż li tinvolvi l-manutenzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-bejgħ tal-"cluster houses" f'Binja Buqana, Mtarfa jinkludi l-bejgħ tal-partijiet komuni kollha tal-binja li għaldaqstant jitqiesu bħala propjeta tar-residenti stess. Kif stipulat fil-kuntratt ta' bejgħ, il-manutenzjoni tal-binja kollha fosthom is-sistema tad-drenaġġ, taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Assoċjazzjoni tar-residenti stess. Madankollu, l-Awtorita' tad-Djar dejjem tat u lesta li tagħti l-għajnuna tagħha biex flimkien mar-residenti, issolvi problemi ta' manutenzjoni li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien. 10.5.99

Mtarfa — Binja Bugana - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li kien hemm fawran tad-drenaġġ mat-travi tal-garaxxijiet tar-residenti fl-Imtarfa fl-inħawi ta' taħt Blk B, Binja Bugana, Triq it-Torri, Mtarfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-fawran tad-drenaġġ irriżulta minn "blockage" f'katusi li jwasslu d-drenaġġ mix-xaft ħdejn "cluster house" numru 8 sal-"inspection chamber" ħdejn il-"lift". Minħabba l-"blockage", id-drenaġġ beda jfur ġox-xaft b'konsegwenza li skula minn ġot-torba taħt il-madum u ppenetra fil-"basement". 10.5.99
Leg 9 PQ #6445 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 814 dwar impjegati fil-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 284. Inżid ngħid li t-trasferimenti jsiru jew għax hekk ikunu jitolbu l-esiġenzi tas-servizz inkella fuq talba ta' l-impjegat inniffsu.
Leg 9 PQ #6446 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 822 dwar impjegati fil-Ministeru tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li biex jinġabar it-tagħrif jinħtieġ ċertu ammont ta' xogħol, għadni m'hinix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif meħtieġ dwar xi impjegat jew impjegati partikolari.
Leg 9 PQ #6447 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 827?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #6448 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarjati tal-Ministri/Segretarji Parlamentari — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1817?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-persuni li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-Segretarjat Privat tiegħi u li magħhom it-termini ta' l-ingaġġ ġew konklużi huma għaxra. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. L-Allowances li qegħdin jirċievu dawn l-impjegati huma dawk li jidhru fid-Dokument approvat mill-Kabinett u li tiegħu tpoġġiet kopja fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta preċedenti. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi dettalji dwar staff f'Segretarjati Privati oħra, nistiednu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #6449 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1892?

Response (BORG, JOE)

Peress li ma jirriżultax li kien hemm xi żjara fl-14 ta` Novembru 1998, qed nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għaż-żjara ta` l-14 ta` Settembru 1998. F`dan il-każ ir-risposta hija kif ser jingħad: 14ta` Settembru 1998 Nefqa totali ta` LM540.13 inkluż l-ispejjeż tal-biljetti ta` l-arju (LM351.63) 29 ta` Ottubru 1998 Nefqa totali ta LM1316.60 inkluż l-ispejjeż tal-biljetti ta` l-ajru (LM878.25) 5 ta` Novembru 1998 Nefqa totali ta` LM2721.21 inkluż l-ispejjeż tal-biljetti ta` l-ajru (LM 1186.32) 11 ta` Novembru 1998 Nefqa totali għada ma ġietx stabbilita. L-ispejjeż tal-biljetti ta` l-ajru kienu LM1665
Leg 9 PQ #6450 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Settur Pubbliku — Fina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3964 dwar finanzi vis-a-vis impjegati fis-settur pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għar-rigward tad-dekasteru tiegħi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-General Service Grades (Casual Typist, Clerical Assistant, Clerk, Data Entry Operator, Executive Officer, Graduate Trainee, Administrative Officer\Principal) jiġu ngaġġati mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mqassma fid-dipartimenti.
Leg 9 PQ #6617 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Relazzjonijiet pubbliċi — Aġenzija

Question

Il-Ministeru għandu xi aġenzija tar-relazzjonijiet pubbliċi tagħmillu xogħol ta' P.R.? Jekk iva, liema hi u kemm qed titħallas?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Ministeru qabbad l-Associated News Group Ltd. fuq biċċa xogħol waħda ta` P.R. li għaliha din l-aġenzija tħallset Lm1,338.50. Il-Ministeru ħatar ukoll lic-Centre for Communications Technology ta` l-Universita` ta` Malta bħala konsulent bir-rata ta` Lm5,000 fis-sena għal servizzi fl-iżvilupp ta` edukattiva biex toħloq `awareness` pubblika dwar il-finanzi tal-Gvern.
Leg 9 PQ #6618 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

METCO — Chairman

Question

Billi ċ-Chairman tal-Metco irriżenja aktar minn xahrejn ilu, jista' l-Ministru jgħid jekk inħatarx ħaddieħor minfloku? Jekk iva, min hu u meta nħatar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Iċ-Chairman tal-METCO huwa s-Sur Anthony Diacono li nħatar f'din il-kariga b'seħħ mill-4 ta' Mejju 1999.

ETC — Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm inspectors ta' l-ETC f'Malta u Għawdex? X'inhi l-basic wage tagħhom fix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC għandha 9 inspectors; 7 minn dawn għandhom il-paga bażika ta' Lm331.12 kull erba' ġimgħat, filwaqt li 2 oħra għandhom il-paga bażika ta' Lm305.84 kull erba' ġimgħat. 10.5.99
Leg 9 PQ #6620 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Tniġġiż tal-bajja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6392?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li t-tniġġiż fil-bajja tax-Xgħajra, Malta, huwa dovut għall-ħsarat li bħalissa hemm fis-'submarine pipeline' li hemm fl-inħawi ta' Wied Għammieq u li minnu jinfirex id-drenaġġ fil-baħar. Dan il-pipe huwa twil madwar 700m u fl-aħħar 200m għandu 'diffusers' li suppost iservu biex id-drenaġġ jinfirex b'mod uniformi fil-baħar. Tender biex jissewwa dan il-pipe diġa' nħareġ u ngħata iżda waqt li kien qed isir ix-xogħol instab li l-ħsarat kienu aktar minn dawk maħsuba. B'konsegwenza ta' dan, ix-xogħol fuq it-tiswija ta' dan il-pipe huwa bħalissa wieqaf u parti mill-pipe (madwar 5m) li ttellgħet biex tinbidel, issa hija nieqsa. Dan qed iwassal biex bħalissa d-drenaġġ ħiereġ kollu f'post wieħed, (madwar 500m) mix-xatt, u meta l-kurrenti fil-baħar ikunu sfavorevoli, dan jispiċċa kollu max-xatt. Bħalissa qed isiru taħdidiet biex tiġi solvuta din il-problema mill-aktar fis. Barra minn hekk, fi żmien tnejn jew tliet snin oħra, f'Wied Għammieq għandu jkun lest impjant tat-tisfija tad-drenaġġ biex b'hekk id-drenaġġ kollu li sa llum qed jintrema l-baħar jiġi msoffi.
Leg 9 PQ #6653 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

Birkirkara — Triq Psaila

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6384 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u ċioe' jista' jara li fil-proġett ta' Psaila Street, Birkirkara z-zona quddiem il-flats tal-gvern (1920's) tiġi landscaped? Tista' t-talba mir-residenti biex din l-area tiġi mogħtija bħala front garden tal-flats tiġi kkonsidrata?

Response (BORG, TONIO)

Il-Landscaping tat-toroq mhix responsabbilita` tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Estates Management lest li jikkunsidra kull talba li ssirlu għal-front gardens fiż-żona speċifikata fil-Mistoqsija, wara li l-applikant ikun ġab il-permess meħtieġ mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. 10.05.99 (a.m.)

Djar — Msida - Triq il-Balliju Guttenberg

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex blokk fil-housing estate tal-gvern Blokk B, Triq il-Balliju Guttenberg, Entratura I, Swatar, Msida ir-residenti għadhom bla liftijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li dawn ir-residenti għadhom bla 'lift' għax il-kuntrattur għadu ma lestiex ix-xogħol. Billi l-proċeduri biex twaqqa' kuntratt u toħroġ l-offerta mill-ġdid huma pjuttost twal u billi x-xogħol issa jinsab relattivament avvanzat, ġie deċiż li għalissa ma jitwaqqax il-kuntratt iżda l-kuntrattur jeħel il-penali tad-dewmien. Hu ttamat li permezz t'hekk, ix-xogħol jitlesta fil-futur qarib. 10.5.99

Mtarfa — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara illi tiġi modifikata r-rotta tal-karozzi tal-linja b'mod illi tgħaddi karozza tal-linja kull nofs siegħa mill-Imtarfa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku diġa qegħda tinvestiga l-possibilita ta` bidla f`din ir-rotta.