Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5295 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiftħu vakanzi ta' suldati mal-Forzi Armati? Jekk iva, meta huwa l-pjan? Kemm huma kkalkolati li jidħlu? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex se tiġi kkonsidrata l-waiting list li hemm bħalissa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li qed isiru tħejjijiet sabiex jiġu ingaġġati madwar mitt rekluta mal-Forzi Armati ta' Malta fix-xhur li ġejjin. Id-dħul ta' suldati ġodda ser isir permezz ta' eżami kompettitiv li jkun segwit b'ezamijiet fiżiċi u mediċi u b'intervista. Kull min hu interessat kif ukoll dawk kollha li isimhom diġa jidher fuq il-waiting list u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa ikunu jistgħu japplikaw.
Leg 9 PQ #5307 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Computers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3587 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima? B'riferenza għar-risposta li ngħatat, jista' l-Ministru jgħid liema standing orders jobbligawni li nagħti d-dettalji kif mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mgħandix iżjed xi nżid mar-risposta li diġa tajt.
Leg 9 PQ #5357 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Tas-Sliema — Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi mmedjati biex jitwaqqaf id-drenaġġ li qiegħed jiżbroffa fil-baħar fix-Xatt ta' Tas-Sliema peress li dan qiegħed joħloq ħafna rwejjaħ u perikli għas-saħħa, speċjalment għan-nies li joqogħdu fil-viċinanzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qiegħed isir programm biex is-sewer main fix-Xatt ta' Tas-Sliema jitnaddaf bil-jetting suction bowser u b'hekk jitwaqqaf id-drenaġġ li ħiereġ mill-overflow.
Leg 9 PQ #5358 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Computers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3593 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima? B'riferenza għar-risposta li l-Ministru tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba biex nagħti raġuni tal-mistoqsija?

Response (REFALO, MICHAEL)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li diġa' tajt fis-Seduta 88 għall-Mistoqsija Numru 4966.
Leg 9 PQ #5430 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Computers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3596 peress li din hija ta' interess minħabba infiq ta' fondi pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Linji diretti tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3611?

Response (BORG, JOE)

L-Informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #5637 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Irċevuta fiskali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir min-naħa tal-gvern biex jiġi assigurat li l-professjonisti jagħtu r-riċevuta fiskali lil pazjenti/klijenti tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza għar-risposta li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 5300.

Professjonisti — Ħlas ta' servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jiġi assigurat li s-servizzi mogħtija minn professjonisti ikun bi prezz adattat u mhux għoli żżejjed?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull ksur ta' liġi li jista' jirriżulta minn servizzi mogħtija minn professjonisti jiġi nvestigat mid-Dipartimenti konċernati.
Leg 9 PQ #5639 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Knee replacement operations

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti għal knee replacement operations qed idumu aktar minn sentejn jistennew biex issirilhom l-operazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm pazjenti li ilhom jistennew għal aktar minn sentejn għall-operazzjoni ta' Knee Replacement, peress li dawn l-operazzjonijiet mhumiex urġenti u anki peress li huma fil-waiting list ta' konsulenti li għandhom ħafna pazjenti jistennew operazzjoni. Nistgħu noffru lill min ma jridx jistenna ħafna, li jbiddel il-konsulent.

Dar Osanna Pia — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-talba għal għajnuna mill-Bord tad-Dar Osanna Pia, biex jakkwistaw maħżen u dar biswit il-post li għandhom għadha ma ġietx imwieġba? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti din l-għajnuna meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Membru qed tirreferi għall-ittra li kien indirezza d-Direttur tal-'Osanna Pia Salesian Youth Hostel' lill-Prim Ministru, nikkonferma li fil-fatt ingħatat tweġiba. Il-Gvern diġa' jgħin lil din l-organiżżazzjoni mill-Vot allokat fl-Estimi għall-NGOs u bi ħsiebni nara kif din l-għajnuna tista' tkompli titjieb. 10.5.99
Leg 9 PQ #5641 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Programmi edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi qed isiru fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u privati minn aġenziji tal-gvern jew mhux tal-gvern bħal, per eżempju, Sedqa jew Caritas? Għal min huma mmirati u dwar liema qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn l-aġenziji qed jagħmlu programmi edukattivi fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Privati. SEDQA: Għandhom programmi dwar il-prevenzjoni mid-droga mill-Kindergarten, fl-iskejjel Primarji u Sekondarji. Din l-aġenzija tagħmel ukoll korsijiet għal għalliema tal-P.S.E. CARITAS: Għandhom ukoll programmi fl-iskejjel Primarji u Sekondarji dwar l-istess suġġett. OASI: Tagħmel programmi dwar Prevenzjoni mid-Droga ġewwa Għawdex kif ukoll korsijiet għal għalliema Għawdxin tal-P.S.E. MARIA BUĠEJA FOUNDATION: Taw kotba u materjal ieħor lil għalliema tal-P.S.E. biex jintużaw fl-iskejjel Sekondarji. Għamlu kors ta' laqgħat għal għalliema tal-P.S.E. PULIZIJA: Sar kors għal għalliema tal-P.S.E. u ngħataw noti kif l-għalliema tal-P.S.E. jistgħu jagħmlu lezzjonijiet dwar Vandaliżmu, Sigurta` Personali u t-Traffiku fl-iskejjel Sekondarji. Saru wkoll korsijiet għal għalliema tal-P.S.E. mill-S.W.D.P. dwar il-vjolenza fid-dar, mid-Dipartiment Għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Edukazzjoni tal-Konsumatur u mill-K.D.Z. dwar l-Edukazzjoni taż-Żgħażagħ Maltin.
Leg 9 PQ #5642 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Programmi ta' taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi programmi ta' taħriġ u/jew re-training il-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw u f'liema oqsma? Dawn il-programmi huma regolari? Meta nbdew? Kull membru tal-korp jattendi għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li prinċipalment il-programmi ta' taħriġ u ta' 're-training' għall-membri tal-Korp tal-Pulizija jsiru fl-Akkademja tal-Ġustizzja Kriminali u jsiru fuq erba' livelli, jiġifieri : - a) korsijiet basiċi ta' taħriġ għall-rekluti qabel ma' jsiru membri tal-Korp; b) korsijiet intiżi biex jgħinu membri tal-Korp biex jottjenu kwalifiki akkademiċi jew jissuperaw eżamijiet għar-rank ta' surġent u spettur; c) korsijiet ta' 're-training' magħrufa bħala 'in-service' jew 'refresher courses'; u d) korsijiet f'oqsma speċjalizzati. Dawn il-korsijiet bdew u komplew isiru fuq bażi regolari sa mill-ftuħ ta' l-Akkademja fis-sena 1998, u jattendu għalihom membri tal-Korp fir-rankijiet minn pulizija sa Assistent Kummissarju. Korsijiet speċjalizzati jsiru wkoll barra minn Malta. 10.05.99
Leg 9 PQ #5716 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Extra duty

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba b'dati l-pulizija għamlet voluntary extra duty mill-5 ta' Settembru, 1998 sat-28/2/99 fid-distretti tal-Mosta, Tas-Sliema, Ħal Luqa u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

It-tagħrif dettaljat hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi biex jinġabar li ma nħossx li hu ġustifikat. Dwar in-numru ta` drabi li l-Pulizija għamlet extra duty fid-distretti fil-perjodu speċifikat fil-Mistoqsija ninsab infurmat kif ġej:- Mosta 680 Sliema 2,471 Luqa 797 Għawdex 824 10.05.99 (a.m.) Seduta 92

Rabat, Malta — Għalqa ta' Kola - Toroq

Question

B'riferenza għall-programm tal-gvern sabiex 600 triq f'Malta jiġu asfaltati jew mogħtija t-tarmac, jista' l-Ministru jinformani bis-sitwazzjoni ta' l-Għalqa ta' Kola fir-Rabat u cioe' jekk m'hijiex inkluża f'dan il-programm ta' xogħol jara li fil-fatt tiddaħħal u jekk hemm xi problemi mas-sidien dawn jiġu rranġati wara? Peress li s-sitwazzjoni għar-residenti u għat-turisti fl-inħawi hija waħda inaċċettabbli, jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni sabiex ix-xogħlijiet ma jfallux għal darb'oħra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tkun ippubblikata malli x-xogħol għall-preparazzjoni tal-pjan ikun lest.
Leg 9 PQ #6246 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajd u l-Akwalkultura — Direttur

Question

Peress li issa hemm direttur ġdid għad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwalkultura, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema kriterji tneħħa l-aġent direttur preċedenti? Jista' l-Ministru, issa li għandu direttur ġdid, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy tad-dipartiment?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif ifisser l-istess titlu, Aġent Direttur huwa appuntat għal żmien temporanju sakemm tiġi appuntata l-persuna l-aktar addattata għal dak il-post. Tant hu hekk li kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal post ta' Direttur tas-Sajd u Akwakultura fit-30 ta' Marzu 1998 jiġifieri meta l-Onor. Noel Farruġia kien Ministru tal-Agrikoltura u Sajd. Skond il-proċeduri normali ntgħażlet dik il-persuna li dehret l-aktar kwalifikata għal dan il-post. Ma narax għaliex għandha tinbidel il-policy ta' Dipartiment sempliċiment għaliex ġie appuntat direttur ġdid.

Libja — Delegazzjonijiet Ministerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' delegazzjonijiet ministerjali Maltin li marru l-Libja matul dawn l-aħħar erba' snin sena b'sena? X'kienu r-raġunijiet għaliex telgħu dawn id-delegazzjonijiet u x'riżultati nkisbu f'kull delegazzjoni? X'kontinwazzjoni qed issir dwar dawn l-iżviluppi?

Response (BORG, JOE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub ,il-Onor Interpellant dwar żjarat miisterjali Maltin lejn il-Libja mill-1995 sa April 1999.
Leg 9 PQ #6248 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Żejtun — Wied Ġebel Abjad - Ilma

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex fl-inħawi ta' Ġebel l-Abjad, il-wied taż-Żejtun u nħawi oħra, il-bdiewa ilhom 18-il jum bla ilma? Jista' l-Ministru jara li jirrimedja immedjatament għal dan il-bżonn tal-bdiewa fl-inħawi msemmija? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-provista ta' l-ilma waqfet milli tasal għand il-bdiewa mill-inpjant ta' Sant Antnin minħabba numru ta' ċirkostanzi li waqfu l-produzzjoni fosthom: Qtugħ ta' l-ilma tad-drenaġġ mill-Marsa li kien jissuplixxi l-impjant ta' Sant Antnin għal purifikazzjoni, intlaqat main ta' l-ilma minn kuntrattur waqt li kienu qed isiru xi xogħolijiet, waqfien fl-impjant minħabba ħsarat. Dawn il-ħsarat issa issewwew u l-provista tad-drenaġġ mill-Marsa qed tiġi għan-normal. Il-produzzjoni ta' l-ilma għandha tiġi għan-normal fi żmien qasir sakemm ma jinqalgħux kumplikazzjonijiet oħra.
Leg 9 PQ #6259 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Cina/Korea ta'Isfel — Delegazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hija ffurmata d-delegazzjoni immexxija mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li qed iżżur iċ-Ċina u l-Korea ta' Isfel? X'inhi l-kariga ta' kull persuna? Kien hemm xi ħlasijiet li saru mill-gvern u/jew minn xi għaqdiet li għandhom membri fid-delegazzjoni? Kemm f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Parlamentari li żaret iċ-Ċina kienet iffurmata mis-Sur John Demanuele, Direttur taż-Żgħażagħ u Sport, is-Sur Anthony Ghio, Sports Officer II fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, Fr Hilary Tagliaferro, Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, u Dr Anthony Azzopardi, Direttur tal-Programme of Youth Studies ta' l-Universita` ta' Malta. Is-Sinjura Mugliett akkumpanjat id-delegazzjoni a spejjeż tagħha. Waqt il-Konferenza li attenda għaliha fil-Korea, s-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Sur Sean Mifsud, Commercial Counsellor fil-Malta Commercial Bureau f'Tokyo. L-ispejjeż tal-vjaġġ tal-membri tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport tħallsu mill-vot tad-Dipartiment filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport kien responsabbli għall-ispejjeż tal-vjaġġ taċ-Chairman ta' l-istess Kunsill. Fil-każ tad-Direttur tal-Programme of Youth Studies l-ispejjeż ser jinqasmu bejn l-Universita` u d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport.