Peress li l-poultry products tal-marka Dorex ġew imdaħħla/impurtati f'Malta għar-re export u jirriżulta li dawn il-prodotti jinsabu fis-suq lokali għall-prezz ta' 85c il-kilo meta suppost titħallas levy ta' 80c il-kilo, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista' jiġri dan? Kemm fil-fatt kien l-ammont ta'levy li tħallas fuq il-poultry products tal-marka Dorex impurtati f'Malta?
B'riferenza għall-artikli li dehru fil-ġurnali lokali dwar estensjoni ta' xi gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa, jista' l-Ministru jinforma lill-kamra x'investigazzjonijiet qed isiru dwar dan il-kas? Meta bdew dawn l-investigazzjonijiet? Liema awtoritajiet huma nvoluti? Meta se jitlestew dawn l-investigazzjonijiet u x'deċiżjonijiet se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjonijiet li saru mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, il-qlugħ tal-qasab, imsemmi fl-artikolu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, mhux bilfors jista` jiġi relatat ma tkabbir ta' xi gabbana għalkemm dan ma jistax jiġi eskluż. Dan għaliex ma rriżultax minn kien responsabbli għal dan l-att.
Ninsab infurmat ukoll li mpjegati tad-Dipartiment ta' l-Art u ta' l-Estates Management qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex fejn normalment jinħarġu permessi għall-gabbani. Dan qed isir biex qabel joħroġ il-permess għas-sena kurrenti, jiġi żgurat li l-gabbani ma jokkupawx sit akbar milli kien permess is-sena ta' qabel.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba saru talbiet għall-estensjonijiet ta' art u bini fuq ir-Ramla tal-Bajja ta' Għajn Tuffieħa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Meta saru u x'permessi ngħataw f'kull każ? Kemm kienu t-talbiet li saru mis-sidien tal-gabbani f'din il-bajja u ġew rifjutati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'permessi għandhom mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar is-sidien tal-gabbani ta' Għajn Tuffieħa sabiex jagħmlu l-iżviluppi, kif rapportati f'ġurnal lokali riċentement?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-uniku permessi eżistenti huma referuti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6315.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm permessi għall-gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa? X'qisien suppost li dawn jokkupaw fuq ir-ramla skond il-permess tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, fis-snin li għaddew, id-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ta tlett permessi għal gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa, liema permessi jridu jintalbu kull sena. Dawn il-gabbani għandhom ukoll liċenzja tan-negozju mill-Pulizija.
Fil-każ ta' żewġ gabbani l-permess kien ikopri 20 metru kwadru kull waħda, u waħda minnhom kellha permess għal żewġ gabbani fuq xulxin minħabba d-dislivell tat-triq. L-oħra ma kelliex speċifikat id-daqs ta' l-art li trid tokkupa.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta żgħażagħ taħt it-18-il sena ma jingħatawx il-liberta' proviżorja mill-Qorti jitħallewx jitħalltu ma' priġunieri oħra li jkunu diġa' ġew ikkundannati għaliex instabu ħatja ta' ksur ta' liġi?
Peress li x-xahar li għadda kien hemm tfal ta' 15-il sena li ma ngħatawx il-liberta' proviżorja wara akkużi ta' stupru, ma jaħsibx il-Ministru li għandu jkun hemm post riservat għall-każi bħal dawn, dejjem biex żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna flok il-possibilta' li jsiru kriminali agħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ż-żgħażagħ ta' taħt it-tmintax-il sena li jittieħdu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin minħabba li ma jingħatawx il-liberta' proviżorja mill-Qorti, jitpoġġew fid-diviżjoni taż-żgħażagħ magħrufa bħala l-'YOURS'. Għandu jingħad li din id-diviżjoni issa ġiet trasferita fil-blokk il-ġdid ġewwa l-Faċilita' Korrettiva stess.
Ninsab infurmat ukoll li t-tlett żgħażagħ li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kienu nżammu fid-diviżjoni taż-żgħażagħ matul il-ħdax-il ġurnata li dawn għamlu taħt arrest preventiv.
10.05.99 (p.m.)
Universita' — Malta Equivalence Information Office
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Malta Equivalence Information Office ta' l-Universita' ma jridx jirrikonoxxi fil-livell ta' Master's il-kwalifiki li ġabet il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ggradwa Master in Direzione Alberghiera mis-Centre of Education and Formation of the World Tourism Organisation fl-International School of Tourism Sciences ġo Ruma? Għaliex qed jiġri hekk meta fl-istess ħin l-Universita' tgħid li trid tagħti stima ugwali lill-kwalifiki vokazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' tagħti stima ugwali lill-kwalifiki professjonali/vokazzjonali meta tali kwalifiki jirrikjedu studju fl-istess livell u fuq l-istess medda ta' żmien meħtieġ biex ikun mogħti grad mill-Universita' ta' Malta. Mhux l-ewwel darba li l-Universita' rrikonoxxiet kwalifiki bħal dawn.
Fil-każ li qed iressaq l-Onor. Kollega, l-Universita` qed issostni li għalkemm il-persuna segwiet kors imsejjaħ 'XVII master in direzione alberghiera' fl-'Scuola internazionale di scienze turistiche' il-kors kien biss ta' sitt xhur u li kien jinkludi studju intersiv fil-lingwa taljana. L-Universita` issostni wkoll li ma kienet prodotta ebda evidenza li l-istudju kien f'livell ta' Masters.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu biex jipperswadi lill-Universita' tirrikonoxxi f'livell ta' Master's il-kwalifiki li ġabet il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ggradwa Master in Direzione Alberghiera miċ-ċentru tal-World Tourism Organisation ġo Ruma? M'huwiex fl-interess tal-Ministru li kwalifiki vokazzjonali u professjonali jiġu stmati b'mod xieraq mill-Universita'?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-persuna konċernata applikat lid-Dipartiment tat-Turiżmu sabiex titħallas 'allowance' skond il-kundizzjonijiet ta' l-impieg tagħha wara li attendiet kors ta' sitt xhur fl-'International School of Tourism Sciences' f'Ruma.
Kif dejjem jiġri, d-Dipartiment irrefera l-każ lil 'Malta Equivalence Information Centre' ta' l-Universita' ta' Malta. It-tweġiba taċ-Ċentru kienet m'hemmx paragun bejn l-'Masters Degree' in kwistjoni u l-'Masters Degree' tal-Universita' ta' Malta. (Qed ngħaddi kopja lill-Onor Membru separatament).
Filwaqt li l-Ministeru tat-Turiżmu jaqbel li kwalifiki vokazzjonali u professjonali jiġu stmati b'mod xieraq mill-Universita', id-deċiżjoni aħħarija tmiss lill-Universita' ta' Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2709 dwar servizz ta' dawl u ilma eċċ f'diversi toroq f'Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta diġa` għaddiet is-servizzi tad-dawl fit-toroq imsemmija. Min-naħa tal-Maltacom in-network tat-telefon hija mgħoddija, pero` l-kumpanija qed tistenna mid-Dipartiment tat-Toroq meta tkun tista` tgħaddi xi pajpijiet minn fuq il-bankina wara li dawn ikunu għamlu t-trinek.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tagħmel ix-xogħolijiet segwenti fit-toroq imsemmija b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali:
Fi Triq P.Schembri jrid isir tibdil ta' main u house services. Fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra irid isir it-tiġdid tal-house services. Dawn iż-żewġ toroq huma konnessi mal-proġett għall-irranġar ta' toroq mill-Kunsill Lokali.
Fi Triq Dar il-Kejka, Triq Joseph Burlo` u Triq Ċikku Saliba, saret installazzjoni ta' mains ġodda. F'dawn it-tlett toroq qed issir installazzjoni ta' house services.
Fi Triq Spiru Saliba għandu jsir xogħol ta' tiġdid ta' house services. Dan ix-xogħol huwa konness mal-proġett għall-irranġar ta' toroq mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5004 dwar il-post ta' assistant director fi ħdan is-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta' l-għażla għal Assistenti Diretturi inbeda.
Naturalment wieħed japprezza li din hi l-ewwel darba li qiegħed isir dan il-proċess u għalhekk irid ċerta attenzjoni u galbu. Hemm il fuq minn 1,100 applikazzjoni u jridu jinħatru 'l fuq minn 130 bord ta' l-għażla.
B'danakollu, kif weġibt fil-mistoqsija numru 5004 qiegħed isir kull sforz biex l-intervisti jibdew fil-futur qarib.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li dawk il-persuni li jilħqu jfaddlu Lm4,000 savings il-Bank u li mill-imgħax tagħhom titħallas il-witholding tax, tinqatgħalhomx is-social assistance? Jaħseb li din il-miżura ma tirriflettix adekwatament il-ħtiġijiet tal-livell ta' għajxien tal-poplu tagħna llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni li jgħixu waħedhom u li qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali normalment ma jħallsux il-'withholding tax' għaliex id-dħul globali tagħhom jeżentahom milli jħallsu t-taxxa fuq l-'income'.
Jekk l-uniku kapital li għandhom huwa flus il-bank, dan l-ammont f'każ ta' persuni waħedhom, ma jistax jaqbeż l-Lm4,000 biex jibqgħu jikkwalifikaw għall-Għajnuna Soċjali.
10.5.99
Jaħseb il-Ministru li f'Sala Nru 2 ta' l-irġiel ġewwa l-Isptar Monte Carmeli għandu jkun hemm ward clerk minħabba l-amalgamazzjoni ta' Sala Numru 2 u Sala Numru 10 u per konsegwenza hemm pressjoni enormi ta' xogħol li qed isir kollu minn nurses u b'hekk tintilef l-attenzjoni lejn il-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi studjat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inksew u sar xogħol fuq toroq differenti u bankini f'San Pawl il-Baħar mill-Kunsill Lokali bejn Jannar u Marzu, 1999? X'kien il-valur tax-xogħlijiet? Min għamel ix-xogħlijiet? Xi proċedura ta' tendering intużat biex jingħataw dawn ix-xogħlijiet? Min ordna li jsiru x-xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li ġew imqabda jagħmlu l-proċess ta' screening fil-qasam edukattiv għall-applikazzjoni tal-gvern għal sħubija fl-Unjoni Ewropea? Kemm ingħataw żmien dawn il-persuni biex ilestu x-xogħol? Fi x'ħin qed isir? Meta qed isir dan ix-xogħol ta' screening u x'sar mix-xogħol l-ieħor edukattiv li s-soltu jagħmlu dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-proċess ta' 'screening' li qed jirreferi għalih l-Onor. Kollega, ji,a involuti l-maġġoranza ta' l-Uffiċjali Edukattivi minħabba li huma kienu l-aħjar nies biex janalizzaw id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropeja dwar edukazzjoni. Dawn ingħataw sa' l-aħħar ta' Mejju. Għandi nassumi li dan ix-xogħol isir waqt il-ħin ta' l-uffiċċju. M'għandi ebda rapport li x-xogħol normali ta' l-Uffiċjali Edukattivi ma baqax għaddej bħas-soltu.
Skond ir-records tal-Ministeru tal-Biedja, jista' l-Minstru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full time u part-time fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full-time f'Settembru ta' kull sena kien hekk:
Sena Originali Riveduti
1990 3,172 ------
1991 3,231 ------
1992 3,199 ------
1993 3,106 ------
1994 3,110 2,540
1995 3,229 2,590
1996 3,243 2,568
1997 ----- 2,533
1998 ----- 2,582
Billi fl-1997 il-figuri tal-bdiewa, raħħala u sajjieda ġew riveduti mis-sena 1994 mill-ETC sabiex tneħħew numru ta'persuni li kienu jaħdmu fil-biedja u fis-sajd b'mod informali, il-figuri ta' qabel l-1994 ma jistgħux jitqabblu ma ta' wara. In-numru ta' bdiewa part-time skond iċ-ċensiment tal-biedja tal-1991 kien 13,807 u n-numru tas-sajjieda part-time f'Settembru 1998 skond ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sajd kien 1,490.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-health centre ta' Bormla se tkun miftuħa 12-il siegħa kuljum biss? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Waqt li d-Dipartiment qiegħed jagħmel l-isforzi kollha biex il-Health Centre jiftaħ 24 siegħa,nikkonferma li l-possibilta illi ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla jista jkun miftuħ 12 il-siegħa kuljum u mhux 24 siegħa sa issa mhix eskluża. Deċiżjoni finali għad trid tittieħed primarjament fuq in-numru ta'tobba li se jiffurmaw il-complement ġewwa
il-Health Centre fil-ġejjieni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Plot 13, Triq il-Kapuċċini, Żabbar hijiex se tinħareġ f'xi ħarġa ta' l-Awtorita' tad-Djar sabiex tinbena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-22 ta' Jannar 1999, l-Awtorita' tad-Djar għamlet talba lid-Direttur tal-"Joint Office" biex din il-plot flimkien ma' plots oħra, jiġu trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġu żviluppati għal skop ta' "Housing" Soċjali.
10.5.99