Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-klinika ta' l-ajruport tal-Gudja fejn hemm ħames nurses, hemm erbgħa infermiera jaħdmu roster mod waqt li l-ħames wieħed jaħdem roster differenti? Għaliex ma jaħdmux fuq roster identika bħal dik ta' l-isptarijiet, jiġifieri DDNRO?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-klinika ta` l-ajruport tal-Gudja hemm erba` nfermiera jaħdmu fuq roster DNRO u ieħor jaħdem fuq roster DDNRO. Dan għaliex meta l-infermier ta` l-aħħar ġie trasferit mill-isptar Monte Carmeli għall-klinika ta` l-istess roster li kellu qabel jiġifieri DDNRO. Dan ġara għax meta d-Diviżjoni tas-Saħħa riedet li wieħed mill-infermiera jkun jaħdem bħala reliever biex ikopri l-vacation u sick leave ta` l-erba` l-oħra, l-Union konċernata oġġezzjonat. Għalhekk baqa` kulħadd kif kien.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Diviżjoni ma tikseb l-ebda benefiċċju aktar milli hemm bħalissa jekk isir kif qed jiġi ssuġerit.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet li kellu l-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid fejn negozjant privat kien f'negozjati mal-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid biex jinvesti hu fil-Pjazza prinċipali ta' Raħal Ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jagixxu skond il-prioritajiet, esigenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jinfetaħ il-Hypogeum f'Raħal Ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li biex jitlesta x-xogħol kollu meħtieġ hemm bżonn xi xahrejn oħra żmien. Dan ix-xogħol jinħtieġ konsiderazzjoni mill-ġdid tal-materjal u d-disinn li ġie użat għall-finijiet tal-passaġġ tal-viżitaturi f'dan it-tempju.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-Berġa tal-gvern li hemm f'Sta. Luċija tiġi ttrasferita għal ħdejn l-għassa ta' Sta. Luċija jew qrib l-uffiċini tal-kunsill lokali peress li hemm tkun iktar ċentrali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li jekk jinstab jew jiġi offrut post għall-Berġa ta' Santa Luċija li jkun aktar ċentrali, id-Dipartiment dejjem lest li jikkonsidra li jittrasferixxi il-Berġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħmel refurbishment tal-berġa tal-Marsa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li din is-sena fil-Berġa tal-Marsa diġa sar xogħol ta' manutenzjoni u nbidlu tieqa u bieb. Xogħol ieħor hu maħsub li jsir matul is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati tal-gvern li għandhom karozza tal-gvern? Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet u l-gradi ta' dawn il-persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-impjegati tal-Gvern fid-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u li għandhom karrozza tal-Gvern jew tal-kiri huma:
Is-Segretarju Permanenti, is-Segretarju tal-Kabinett u l-ex-Segretarju tal-Kabinett, Diretturi Ġenerali, Diretturi, ir-Registratur tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, il-Kap tas-Sezzjoni Difiża, u dawk il-persuni fis-Segretarjat Privat li huma ntitolati għall-karozza skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Fil-Forzi Armati, Uffiċjali l' fuq mir-rank ta' Logutenent Kurunell għandhom karozza b'sewwieq għal xogħol u attendenzi uffiċjali.
Rigward impjegati f'Ministeri oħra, nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri individwalment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jintroduċi l-Victim/Offender Rehabilitation Programme li huwa mħaddem f'pajjiżi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Fil-programm elettorali tal-gvern hemm l-impenn li tiġi amendata l-liġi sabiex il-vittmi tar-reati ma jibqgħux jitqiesu biss bħala xhieda fil-proċess kriminali imma jkollhom dritt, ħlief f'każi rari, li jkunu preżenti matul is-smigħ kollu. Il-Pulizija flimkien mad-Diviżjoni tal-Politika Soċjali ser ikollhom ir-responsabbilita' li jħarsu l-interessi u jieħdu ħsieb ta' ħtiġijiet tal-vittmi tar-reati li jgħaddu minn trawma wara t-twettieq tar-reati.
Ġie maħtur kumitat b'rappreżentanza tal-Ministeru ta' l-Intern, ta' l-Avukat Ġenerali, tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u tal-SWDP biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern dwar dan is-suġġett.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid hux beħsiebu l-Gvern jirriorganizza u jsaħħaħ it-Taqsima tal-Vice Squad u l-Victims Support Unit tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ l-membri tal-korp tal-pulizija li jintbagħtu jaħdmu f'din it-taqsima, jingħataw?
Response (BORG, TONIO)
It-tisħieħ ta' l-iskwadra fi ħdan il-Korp msemmija mill-Onor. Interpellanti, huwa proċess li jsir skond il-ħtiġijiet attwali tal-mument. Kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija, il-Korp ser ikompli jinvesti fir-riżorsi umani tiegħu, billi jkunu identifikati l-kwalitajiet tax-xogħol meħtieġ u jitqabblu mal-kwalitajiet li għandhom diġa` l-membri fil-Korp, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati u organizzati l-programmi ta' taħriġ li jkun hemm bżonn.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jsaħħaħ id-Domestic Violence Unit, permezz ta' aktar human resources?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-bżonn ta' aktar 'social workers' u ta' professjonisti oħra jinħass mhux biss fid-'Domestic Violence Unit' tal-Programme Ħidma Soċjali (SWDP), iżda wkoll f'oqsma oħra tal-operat tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Għalhekk, fil-preżent qed jiġi studjat kif dan il-bżonn jista' jintlaħaq fl-isfond tar-riżorsi finanzjarji li jista' jkun hemm għad-dispożizzjoni tal-Ministeru.
Irrid ngħid ukoll li l-Ministeru qed jesplora attivament kif f'pajjiżna jistgħu jiżdiedu il-faċilitajiet residenzjali għal dawk in-nisa vittmi tal-violenza domestika. Jien għandi parir li l-faċilitajiet limitati li kienu qed jiġu ppjanati mill-Amministrazzjoni preċedenti ma kienux ser ikunu adekwati.
10.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex jikkonsidra l-introduzzjoni ta' health food policies fl-iskejjel ta' l-Istat, fejn l-istudenti jkunu projbiti li jieħdu magħhom l-iskola ċertu ikel li jagħmlilhom ħsara għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-kurrikulu nazzjonali eżistenti kif ukoll fl-abbozz tal-kurrikulu nazzjonali ġdid li ħareġ xi żmien ilu, hemm referenza valida u siewja fuq il-qasam tas-Saħħa fil-kuntest wiesgħa tiegħu, inkluż, fost oħrajn, fuq l-importanza u d-direzzjoni ta' tagħlim li jrid isir dwar l-għarfien fuq in-nutriment u l-ħtieġa t'għażliet għaqlin fuq l-ikel li kull individwu hu ggwidat iħares.
Speċifikament fit-tagħlim tal-Home Economics, jiġi ffokat fid-dettal studju teoretiku u taħriġ prattiku fuq l-Ikel, id-Dieta u s-Saħħa. Il-firxa tat-tagħlim tiġbor mhux biss tagħrif nutrittiv iżda emfasi fuq it-trawwim t'għażliet ħielsa, ħiliet, valuri u attitudnijiet pożittivi li huma lkoll konformi man-"NATIONAL DIETARY GUIDELINES".
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi ukoll servizz ta' Ċentru ġewwa Pinto Wharf, il-Belt, fejn matul is-sena skolastika jattendu studenti kemm mill-iskejjel kollha ta' l-Istat kif ukoll dawk Privati/Reliġjużi għal seminars fuq is-Saħħa u n-Nutriment. Preżentament, beda l-proċess ta' studju, permezz ta' survey, sabiex jiġi evalwat l-impatt li qed iħalli tagħlim u opportunitajiet hekk meħtieġa u siewja fuq l-istudenti tagħha.
Fir-rigward tat-tuck shops, jeżistu linji gwida dwar l-għażla ta' ikel li hu permess li jiġi offrut għall-bejgħ. Hu r-responsabilta' ta' l-Amministrazzjoni ta' kull skola li tara li qed issir tmexxija konformi ma' dawn il-linji gwida.
Mill-introduzzjoni tad-diċentralizzazzjoni fl-iskejjel f'dawn l-aħħar snin, qed jiġu mfassla School development Plan għal kull skola. It-tema tas-Saħħa, inkluż l-Ikel, hu wieħed mit-'targets' mistħarrġa. Infatti, hemm skejjel li diġa' waslu u fasslu 'Health Food Policies'.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha wkoll ftehim, fejn f'isem l-iskejjel, qed nagħmlu parti mill-'European Network For Health Promoting Schools' - inizjattiva ko-ordinata tal-World Health Organisation, il-European Commission u l-Council of Europe. Il-proġett beda għall-ewwel fuq bażi pilota fost numru ta' skejjel; iżda issa wasal iż-żmien li ser jinfirex fuq l-iskejjel kollha. Kif jixhed l-isem, dan jinkludi xogħol relevanti u relatat mas-Saħħa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4689, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li saret dwar il-gillette shaving foam minħabba ż-żieda fil-prezz li diversi konsumaturi ltaqgħu magħha, saritx billi ġew analizzati d-dokumenti ta' l-importatur biss, u/jew billi ġew iċċekkjati l-prezzijiet fil-ħwienet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta analiza kemm d-dokumenti ta' l-importatur kif ukoll iċċekkja l-prezz tal-Gillette Shaving Foam u rriżulta li l-prezz ta' dan il-prodott li ġie rrappurtat wara d-dħul tal-V.A.T. kien roħs.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4690, jista' l-Ministru jagħti spjega sħiħa għaliex il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta "Always", ma ġewx affettwati l-istess? Għaliex tlieta minn 11 fil-lista għolew? Ġie nvestigat jekk l-"Always Normal", "Always Normal Plus", "Always Super Plus", li l-Ministru kkonferma żieda fil-prezz tagħhom, humiex il-market leaders? Jista' l-Ministru jwieġeb jekk dawn għolewx minħabba l-VAT jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta 'Always' ma ġewx affettwati l-istess peress li fuq tlett tipi, u ċioe` Always Normal, Always Normal Plus u Always Super Plus, hemm il-levy, filwaqt li fuq it-tipi l-oħra m'hemmx.
Dawn it-tlett tipi huma fost il-market leaders. Li kieku l-introduzzjoni
mill-ġdid tas-sistema tal-VAT kellha effett fuq iż-żieda fil-prezz ta' dawn it-tlett tipi il-prezz tat-8 tipi l-oħra kien jiżdied u mhix jonqos kif fil-fatt ġara.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3619 għar-raġuni li fiha tintalab informazzjoni relatata ma' infiq mill-fondi pubbliċi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ma jfissirx li għax mistoqsija tkun waħda li tirrigwarda nfiq minn fondi pubbliċi ma tistax tkun ukoll waħda intrinsikament frivola. F'dan il-każ jidhirli li biex jinġabar it-tagħrif mitlub jinħela ħafna żmien prezzjuż li jista' jiġi utilizzat għal xogħol aktar produttiv. Madankollu jekk l-Onor Membru għandu xi każ partikulari li dwaru jrid tagħrif lest biex niġborlu l-informazzjoni. Nerġa' ntenni l-istedina li għamiltlu biex l-Onor Membru jagħmel kontrol personali tal-fatti u ġbir ta' informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġx xi permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-estensjoni ta' barriera bid-dħul tagħha jkun mill-Fortizza tal-Għargħur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dħul għall-estensjoni tal-barriera tal-qawwi f'Birguma li għaliha inħareġ permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar huwa l-istess wieħed li jagħti għall-fortizza tal-Għargħur. Fl-għoti ta' dan il-permess ittieħdu dawk il-konsiderazzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex l-istrutturi li jagħmlu parti mill-fortizza ma jiġux effettwati ħażin bħala riżultat tal-operat ta' l-imsemmi sit.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3737, fejn l-informazzjoni mitluba skond il-Prim Ministru għadha qed tinġabar? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-irċevuti ta' l-infiq li diġa' ta risposta dovuta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tad-domanda.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onor Interpellant li sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed jagħmel din it-talba, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji ta' l-irċevuti.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, xahar b'xahar, kemm saru ċitazzjonijiet minħabba dagħa fil-Ground Nazzjonali f'Ta' Qali; f'Pace Grasso; fil-Gozo Stadium u fi grounds oħra tal-football? Matul l-istess żmien kemm saru ċitazzjonijiet minħabba ġlied jew raġunijiet oħra ta' ksur ta' liġi fil-grounds imsemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' April 1999, saru dawn iċ-ċitazzjonijiet fil-postijiet speċifikati fil-Mistoqsija : -
Ground Jannar Frar Marzu April
------ ------ ---- ----- -----
Ta' Qali xejn 1 (dagħa) 1 (dagħa) xejn
1 (serq)
Victor Tedesco xejn 1 (dagħa) xejn xejn
Sannat xejn 1 (insulti) xejn xejn
10.05.99 (p.m.)