B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5919, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema ġdida sabiex fir-rigward ta' inċidenti fatali jkun hemm kumpens aktar xieraq lill-familjari tal-vittmi tal-pulizija u cioe' l-gvernijiet permezz tal-voti tal-Ministeru ta' l-Intern jkun responsabbli għall-pagamenti dovuti skond iż-żmenijiet tal-lum u għall-futur?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant diġa` qed jiġi kkunsidrat attivament.
11.05.99 (p.m.)
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5494, jista' l-Ministru jispjega għalfejn l-imsemmija vakanzi ma mtlewx mill-persuni li isimhom qed jintbagħtu separatament? Kull vakanza li nħolqot wara l-20 ta' Novembru 1998, kellha timtela mil-lista ta' l-ordni ta' mertu l-ġdida?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-8 t'April 1999, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ressqet sebat ismijiet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex dawn jinħatru bħala Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Sekondarji.
Iż-żewġ persuni msemmija huma l-ewwel tnejn f'din il-lista li hu skond l-ordni tal-mertu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw is-settur tal-Biedja u Sajd rispettivament?
Minn huma l-persuni fil-Ministeru u d-Dipartiment li qegħdin jikkordinaw l-evalwazzjoni ta' dan l-acquis mal-liġijiet Maltin?
X'laqgħat saru ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex dawn ikunu informati b'dawn il-volumi ta' regoli ġodda li japplikaw għalihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-acquis tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fit-trattati, ir-Regolamenti tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Direttivi tal-Kummissjoni, deċiżjonijiet, sentenzi tal-Qorti Ewropea u ftehim internazzjonali jew bilaterali u konvenzjonijiet li l-Unjoni Ewropea tirratifika. Dawn kollha għandhom xi mpatt dirett jew indirett fuq l-agrikoltura u sajd. Għaldaqstant mhux il-każ li dawn jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Il-kompatibilita' tal-acquis mal-liġijiet Maltin qed tiġi studjata waqt il-proċess ta' screening. F'dan il-proċess huwa maħsub li jieħdu parti fiħ l-uffiċjali għolja kollha tal-Ministeru u tad-Dipartiment. Il-ko-ordinament qed isir mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru flimkien mad-Diretturi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi bil-koperazzjoni tal-EU Directorate tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Qed tiġi ppjanata serje ta' konsultazzjonijiet mal-għaqdiet kostitwiti, ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda dwar il-proċess kollu. Dawn il-konsultazzjonijiet ser isiru fi żmien qasir u sejrin ikopru s-setturi kollha konnessi mal-biedja u sajd.
B'riferenza għar-rakkmandazzjoni li għamel l-aġent direttur ta' l-agrikoltura sabiex il-produtturi Maltin u Għawdxin tat-tiġieġ ikabbru razza magħrufa bla l-"Maltese Black" għal meta jiġu fis-seħħ ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea li jipprojbixxu is-sistema tat-tkabbir tat-tiġieġ kif tinsab fil-mument fil-gżejjer tagħna f'dak li jirrigwardja l-qisien tal-gaġġeġ/batterija, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-regolamenti u proposti li qed isiru sabiex jikkontrollaw it-tkabbir tat-tiġieġ fil-gaġġeġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'Marzu tal-1998 il-Kummisarju għall-Agrikoltura tal-Komunitajiet Ewropej issottometta lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea proposta ta' Direttiva ġdida dwar l-ispazju għat-tiġieġ fil-gaġġeġ. Din id-direttiva ma ġietx adottata sal-lum, iżda il-presidenza Ġermaniża irrikmandat li tiġi adottata mis-sena 2012 waqt li l-parlament Ewropej irrikmanda is-sena 2009. Għaldaqstant mhux il-kas li din titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5924 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' b'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-fatt tas-sitwazzjoni fejn bdiewa tal-pajjiżi membri qed jirċievu prezzijiet baxxi għall-prodotti tagħhom u l-konsumaturi jħallsu prezzijiet għolja minkejja f'dan it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' Franza fejn matul l-aħħar snin il-prezz taċ-ċanga niżel għal 17% għar-raħħala, iżda għall-konsumaturi Franċiżi għola b'8%, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif din is-sitwazzjoni se tolqot lill-bdiewa u l-konsumaturi tal-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezzijiet ivarjaw minn suq għall-ieħor u minn ħin għall-ieħor. Fl-Italja l-prezz medju għaċ-ċanga għall-produttur tela' minn 3,805 Lit/kg. fl-1997 għall 5,675 Lit/kg. f'Jannar 1999 u fil-Ġermanja tela' minn 4.98 DM/kg. fl-1997 għal 16.20 DM/kg. f'Jannar tal-1999.
Il-mod kif ir-raħħala ser jiġu affetwati jiddependi fost affarijiet oħra, fuq kemm il-partijiet kollha konċernati jiġbdu ħabel wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies l-isptar San Luqa b'overdose mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum? Jista' jagħti l-eta' tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1 ta` Jannar 1999 u l-15 ta` Marzu 1999 kien hemm 57 każ ta` overdose li attendew San Luqa, 30 kienu rġiel u 27 kienu nisa. L-etajiet kienu kif gej:-
Eta` Rġiel Nisa
-------------------------------------------------- ------
taħt 20 sena 3 3
20-29 11 4
30-39 sena 4 2
40-49 sena 7 5
fuq 50 sena 1 8
mhux magħruf 4 5
-------------------------------------------------- -------
Total 30 27
-------------------------------------------------- -------
Minn dan in-numru ġew amessi '29' skond kif ġej:
KATEGORIJA
-------------------------------------------------- --------
ETA` A B C TOTAL
-------------------------------------------------- --------
0-4 5 0 0 5
15-19 0 0 3 3
20-24 0 0 7 7
25-29 0 0 3 3
30-34 0 0 0 0
35-39 0 0 3 3
40-44 0 0 4 4
45-49 0 0 1 1
50-54 0 0 3 3
-------------------------------------------------- --------
TOTAL 5 0 24 29
-------------------------------------------------- --------
Nagħtu spjegazzjoni tal-kategoriji:
Kategorija A: Avvelenament aċċidentali minn kimika u sustanzi noċivi (Accidental poisoning by exposure to chemicals and noxious substances: ICD-10 codes X40 - X49).
Kategorija B: Avvelenament intenzjonat bi drogi, medikamenti, sustanzi bijoloġiċi, kimika u sustanzi noċivi (Intentional self-poisoning by drugs, medicaments, biological substances, chemicals and noxious substances: ICD-10 codes X60 - X69).
Kategorija Ċ: Avvelenament minn kimika u sustanzi noċivi, fejn l-intenzjoni ma kenitx stabbilita (Poisoning by and exposure to chemicals and noxious substances, undetermined intent - ICD-10 codes Y10 - Y19).
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ingħata għal rave parties mill-1 ta' Jannar, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u s-6 ta' Mejju, 1999, il-Pulizija kienet approvat permess wieħed għall-rave party. Pero` din l-attivita` kienet ġiet imħassra mill-organizzatur.
11.05.99 (a.m.)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani ta' l-eta' bejn il-61 u s-70 sena, is-70 u t-80 sena, bejn il-81 u d-90 sena, bejn il-91 u 104 sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti taħt is-60 sena? Jista' l-Ministru jagħti n-numru, eta' b'eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru t'anzjani skond l-etajiet mitluba huwa hekk:
Anzjani bejn 60 sa 70 - 34,856
Anzjani bejn 71 sa 80 - 23,257
Anzjani bejn 81 sa 90 - 8,052
Anzjani bejn 91 sa 104 - 1,209
Mhux ċar x'irid l-Onor. Interpellant fit-tieni parti tal-Mistoqsija. Pazjenti ta' fejn?
11.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għalliema nieqsa fl-iskejjel statali? Jekk iva, f'liema skejjel qegħdin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi fil-Junior Lyceums, Skejjel Sekondarji, Skejjel Primarji u Skejjel tas-Snajja' bħalissa hemm dawn l-għalliema nieqsa:
Mrieħel Girls' Junior Lyceum - Għalliema - Computer
S'hurst Girls' Junior Lyceum - Għalliema - Computer
Naxxar Boys' School - Għalliema - Art'Craft
Mtarfa Boys' Secondary - 6 Lezzjonijiet tal-Computer
Umberto Calosso - 12-il lezzjoni tal-Physics
Qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex dawn il-vakanzi jimtlew mill-aktar fis possibbli.
Fl-iskejjel ta' l-Edukazzjoni Speċjali hemm dawn l-għalliema neqsin:
Floriana - Special Education Centre - 4
Ħamrun - 'Guardian Angel' School - NIL
Msida - 'Mater Dei' School - 1
Msida - 'Sta Marija' Day School - 1
Qrendi - Special School - 3
Sannat Gozo - Special Unit - 1
St Andrew's - 'San Miguel Corderro' School - NIL
Wardija - 'Dun Manuel Attard' School - NIL
Total - 10
Fis-Settur Post-Sekondarju, hemm nieqes għalliem wieħed fl-iskola Salvatore Demech ta' Tarġa Gap. Is-suġġett mhux kopert hu "Computer Graphics".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fl-Isptar San Vinċenz de Paule u jagħti d-dettalji post b'post u isem b'isem ta' fejn u min ingħata transfer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
11.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fl-Isptar San Luqa? Jista' l-Ministru jgħid, post b'post u isem b'isem, ta' fejn u min ingħata t-transfers?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema perjodu qed jirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4796, jista' l-Ministru jispjega b'liema mod "qiegħed isir monitoring fi spiżeriji f'Malta u f'Għawdex biex jiġi assigurat li meta jiżdied il-prezz ta' mediċina, din iż-żieda ma tgħaddix ukoll għall-konsenji ta' qabel"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Waqt il-monitoring li jsir mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta fl-ispiżeriji jittieħdu l-isem tal-mediċina, l-prezz u l-batch number. Fejn jirriżulta li l-prezz ma jkunx relatat għal dak tal-batch number, l-ispiżerija tiġi onorata tirranġah.
Jista' l-Ministru jgħid liema mediċini minn Jannar 'il hawn ġew ordnati roħs fil-prezzijiet tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn Jannar sa llum, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ordna r-roħs fil-prezz tad-Duphalac x 300ml u l-Motival Tabs 80mg x 45. Bħalissa dan l-Uffiċċju qed jieħu passi biex isir roħs fil-prezz ta' numru ieħor ta' mediċini.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-kondizzjonijiet tax-xogħol li taħthom qed jaħdmu ħaddiema Maltin fl-Ambaxxati barranin f'Malta? Jaf il-Ministru li f'xi ambaxxati hemm min jaħdem sigħat twal aktar milli tippermetti l-liġi u xi wħud m'humiex stmati tajjeb? Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kull meta d-Dipartiment tax-Xogħol jirċievi lmenti fuq kundizzjonijiet ta' xogħol ħżiena ta' mpjegati f'Ambaxxati barranin f'Malta dawn jiġu nvestigati u d-Dipartiment tax-Xogħol jagħmel ir-rakomandazzjonijiet tiegħu. Ix-xogħol f'dan ir-rigward isir kollu permezz tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Jien infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħol qed jinvestiga lmenti simili.
11.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ambaxxati f'Malta? Kemm hu n-numru ta' ambaxxaturi Maltin għal pajjiżi barranin?
Response (BORG, JOE)
F`Malta hawn sittax il-Ambaxxata li huma dawn: L-Awstralja, iċ-Ċina, l-Egittu,ir-Russja, Franza,il-Ġermanja, l-Italja,l-Indja,il-Libja,l-Ordni ta` San Gwann(SMOM), il-Palestina, ir-Renju Unit, is-Santa Sede, l-Amerika, it-Tuneżija u l-Unjoni Ewropea.
In-numru ta`ambaxxaturi Maltin akkreditati għall-pajjiżi barranin bhalissa huwa ta` għoxrin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex pilloli Aricept tal-5mg li jiswew Lm57.26 mhux jingħataw b'xejn lil min m'għandux il-mezzi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-mediċina Aricept hija wżata għal marda tad-dementia li mhix inkluża fil-lista ta' Schedule V. Din il-mediċina tista' tiġi kkunsidrata biss għal pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża u dan f'każ li jkun hemm evidenza medika ċara li l-mediċina hija effettiva. Dan il-għaliex il-mediċina Aricept hija waħda ġdida. Dan li ġej huwa parti mid-drug insert li tipprovdi l-kumpanija li tipproduċi din il-mediċina.
"L-uzu tal-mediċina Aricept huwa assoċjat ma' titjib modest fil-memorja u l-kapaċita' li wieħed jitgħallem. Il-mediċina Aricept ma tfejjaqx il-marda ta' l-Alzheimer, ma tnaqqasx il-progress tal-marda u lanqas ma tipproduċi titjib sostanzjali fil-funzjoni tal-pazjent".
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma u min huma t-tobba, nurses u mpjegati oħra ta' nazzjonalita' barranija li jaħdmu fl-isptarijiet ta' pajjiżna? Jista' l-Ministru jgħid minn liema nazzjon ġejjin, x'kuntatt għandhom u x'salarju qed jirċievu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant in-numru ta' tobba, infermiera u mpjegati oħra ta' nazzjonalita barranija li jaħdmu fl-isptarijiet fid-Diviżjoni tas-Saħħa huma 93. L-informazzjoni mitluba dwarhom hija kif ġej:
Tobba 12 Republika Slovakka
3 Republika Ceka
15 Polonja
5 Bosnia
6 Yugoslavja
1 Macedonja
1 Italja
1 Ingilterra
1 Olanda
____
45
____
Infermiera 7 Ingilterra
2 Bosnia
1 Pakistan
2 Bulgaria
5 Jugoslavia
3 Repubblika Slovakka
2 India
6 Nigeria
3 Albanija
1 Palestina
3 Polonja
1 Macedonia
1 Filippini
1 Canada
____
38
____
Radiographer 1 Nigeria
1 Yugoslavia
1 Norvegja
1 Ingilterra
1 Filippini
1 Albanija
1 Palestina
____
7
____
Scientific Officer 1 Ingilterra
Podologist 1 Ingilterra
Perfusionist 1 Ingilterra
Il-Kuntratt ta'l-imjegati indikati hawn fuq, ħlief fil-kaz ta' Perfusionist, żewġ konsulenti u żewġ Radiographers huwa ta' sena
li jista jiġġedded u s-Salarju tagħhom huwa bħala dak tal-Maltin.
Fil-każ tal-Perfusionist, 2 konsulenti u 2 Radiographers id-dettalji relattivi huma kif jidhru hawn taħt:
Kuntratt Salarju
Perfusionist 3 snin Lm15,915 għas-sena 1999
Lm16,550 għas-sena 2000
Lm17,213 għas-sena 2001
Konsulent 7 snin Lm35,000
Konsulent 3 snin Lm42,000
2 Radiographers 1 sena Lm16,200
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma t-tobba, nurses u mpjegati fl-isptarijiet Maltin li huma Għawdxin? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li dawn il-ħaddiema jintbagħtu jaħdmu fil-gżira Għawdxija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-numru ta' tobba, nurses u mpjegati fl-isptarijiet Maltin li huma Għawdxin huwa ta' 106. It-trasferimenti ta' mpjegati minn Malta għal Għawdex isir skond l-esiġenzi tas-servizz.