Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li studenti li m’għaddewx mill-eżami tal-junior college u li għażlu s-suġġett tal-home economics ġew mitluba li jbiddlu s-suġġett għat-technical education jew suġġetti oħra? Jista’ jgħid ukoll għaliex ġew informati li se jattendu l-iskola San Franġisk t’Assisi u wara din id-deċiżjoni ġiet mibdula u ġew offruti jattendu l-iskola Ġuże’ Galea, Ħal Qormi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena skolastika li għadha kif bdiet għad għandna nuqqas ta' numru ta' għalliema tal-Home Economics. Barra minn hekk informat ukoll li t-tfal ta' Ħal-Qormi normalment jattendu l-iskola sekondarja Ġuże` Galea f'Ħal-Qormi. Dawk li jagħżlu l-Home Economics kienu jintbagħtu skola oħra fejn kienu jsegwu kors tat-Technology. Minn din is-sena t-Technology course li jinkludi fih il-Food Technology ġie offrut ukoll f'xi skejjel sekondarji fosthom l-iskola Ġuże` Galea. Għalhekk ma nħassx meħtieġ li dawn l-istudenti jbiddlu l-iskola.
B'riferenza għall-mistoqsija 35159, jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dettalji kollha mitluba fir-rigward tal-ministeru tat-turiżmu, id-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-istess ministeru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar, 2001 sal-31 ta’ Awissu, 2002 il-“Management and Personnel Office” ircieva tnax-il talba ghal trasferiment ta’ mpjegati mill-Ministeru tat-Turizmu.
Minn dawn it-talbiet gew approvati tlieta (3), wahda ta’ ufficjal fis-Servizz Generali u t-tnejn (2) l-ohra ta’ zewg impjegati fil-gradi ndustriji.
Din il-figura ma tinkludix trasferimenti ta’ ufficjali li:
1) marru jew gew minn Segretarjati Privati ta’ Ministeru u Segretarji Parlamentari;
2) gew ittrasferiti fi hdan l-istess Ministeru;
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ talbiet ta’ trasferimenti ta’ ufficjali fis-Servizz Generali u ohra ta’ ufficjali fil-Grad Dipartimentali, Teknici u Industrijali mill-Ministeru tat-Turizmu.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija dwar xogħlijiet fix-Xagħra tal-Furjana kemm jirriżulta li ntefqu flus fuq:
i) żerriegħa għar-
returfing
ii) manutenzjoni tal-floodlights
iii) pompa ta' l-ilma ġdida?
Każ b'każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarjat Parlamentari m'għandux dettalji dwar din in-nefqa peress li x-xogħol sar mill-Floriana F.C.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu f'din il-leġislatura għal dawn il-proġetti fil-Furjana, każ b'każ:
i) ġonna Mall - a) sistema ta' irrigazzjoni ġdida
b) restawr funtana tal-Ajkla (flus ivutati)
ii) restawr ta' statwi fit-toroq
iii) restawr pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria
iv) tindif u tibjid tal-loġoġ minn ġewwa permezz ta' ħaddiema tal-Kalaxlokk?
Jista' il-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li qed jiġi importat tip ta' diesel li jdaħħan ħafna u joħloq problemi fil-makni tal-karozzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta qed timporta diesel ta' kwalita' Ewropea magħruf bħala 'EN590'.
Tajjeb jingħad li d-duħħan jista' jkun ikkaġunat minn nuqqas ta' manutenzjoni tal-vettura.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ġiex impjegat chief executive ġdid ma' l-awtorita` Maltija għat-trasport? Jekk fl-affermattiv, min hi l-persuna u kif ġiet magħżula?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' l-impjieg ta' din il-persuna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sur Mario Falzon inħatar Chief Executive ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta b'seħħ mit-2 ta' Setembru 2002. Din in-nomina saret wara sejħa għal applikazzjonijiet biex jintela dan il-post fil-gazzetti lokali kollha. Kien hemm ukoll il-permessi meħtieġa mill-korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC Permit number 104/2002).
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-pulizija ma irrikomandatx li Triq Kola Xara fir-Rabat Malta ssir one way meta tikkawża daqstant periklu lir-residenti ta' l-istess triq u toroq oħra fil-madwar u l-pedestrians li jiffrekwentaw din it-triq? Jista' jara li jsiru dawn ir-rakkomandazjonijiet lill-awtoritajiet konċernati ħalli jiġi rimedjat il-periklu li jinsabu fih ir-residenti ta' Triq Kola Xara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`laqgħa straordinarja dwar is-sistema tat-traffiku fir-Rabat, li nżammet mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, il-Pulizija irrakomandat bil-miktub illi Triq Kola Xara ssir one way.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-kwantita' ta' ħxejjex frisk u frott frisk iddaħħal mill-bdiewa Maltin u Għawdxin fil-Pitkalija ċentrali ta' Malta bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena u ma nbiegħux? Jista' jwieġeb l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000 u 2001 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma jinżammux rekords ta' ħxejjex u frott li jiddaħħlu fil-Pitkalija ma jinbigħux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa Maltin u Għawdxin li matul l-istaġun tas-sajf ta' din is-sena irrapurtaw li kellhom nuqqas ta' l-ilma u/jew l-ispejjer tagħhom ikontaminati bid-drenaġġ? F'liema raħal ta' Malta u Għawdex irriżultaw dawn il-problemi u x'passi ittieħdu? X'servizzi ingħataw, u/jew kumpens finanzjarju, il-bdiewa inkwistjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li 26 bidwi fil-Marfa rrappurtaw li kellhom nuqqas ta' ilma fl-ispejjer tagħhom dan is-sajf, filwaqt li tmien bdiewa jingħad li ntlaqtu meta spejjer fil-Qammiegħ ġew kontaminati bid-drenaġġ. Kien hemm każ ieħor riċenti ta' kontaminazzjoni ta' sors ta' ilma fil-Ġnien tax-Xadba, kollha fil-limiti tal-Mellieha. Id-Dipartiment żamm kuntatt, sew mad-Dipartiment tad-Drenaġġ, u sew mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex ikunu solvuti dawn il-problemi u fejn kien il-każ, qiegħed jinħadem kumpens għal dawk il-bdiewa li nvolantarjament ġew milquta mill-kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Nuqqas ta' ilma kien irrappurtat minn bdiewa f'diversi lokalitajiet inklużi l-ispejjer tal-Qasam tal-Gvern tal-Ghammieri, il-Marsa, minn liema ilma kienet tieħu l-Kooperattiva tal-Majjali (KIM) għall-ħasil tar-razzett tagħhom. Ta' min ifakkar li l-bdiewa kollha konxji li n-nixfa ta' l-ispejjer hija kawża tan-nuqqas ta' xita li kellna fl-aħħar sentejn.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol li ġew rapurtati bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa, rġiel u żgħażagħ taħt il-35 sena? Kemm minnhom kienu Maltin u Għawdxin u kemm barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba, minbarra dik mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba f'din il-parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema barranin li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-bini tal-lukanda Verdala huma barranin? Kemm minnhom huma, Għarab, Afrikani u Ewropej? X'tip ta' sena għandhom?
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin li bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena ingħataw il-benefiċċju taċ-children's allowance u ta' waqt it-tqala? Kemm kien in-numru ta' familji li bejn l-istess perjodu ma ngħatawx dawn il-benefiċċji minkejja li kienu applikaw? Jista' jwieġeb l-istess mistoqsija għas-snin 1997, 1998, 1999, 2000 u 2001 separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fir-rigward ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-Allowance tat-Tfal, peress li d-dritt għal benefiċċju jkopri perjodu minn Lulju sa Ġunju tas-sena ta' wara, kif ukoll li l-pagamenti tal-benefiċċju jsiru kull tlett xhur (Jannar, April, Lulju u Ottubru), fit-Tabella B qed tingħata l-istatistika ta' l-Allowance tat-Tfal mħallsa f'April għas-snin indikati.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern għandu l-ħsieb jew li qiegħed jippjana li jingħataw it-tarmak fil-lokalitajiet ta' Swieqi, tal-Ibraġġ u l-Madliena?
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistiex xi tip ta' pjan biex isiru skemi ta' ipparkjar 'a favur' ir-residenti ta' Paceville, Swieqi u Pembroke peress li dawn qed iħabtu wiċċhom ma' diffikultajiet ta' ipparkjar tal-karozzi tagħhom minħabba l-konċentrazzjoni qawwija ta' traffiku f'dawn l-inħawi speċjalment fil-ġranet ta' kull tmiem il-ġimgħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-inħawi li semma l-Onor. Interpellant huma suġġett ta' diskussjoni wiegħsa bejn il-partijiet ikkonċernati li jinkludu fost l-oħrajn rappreżentanti tal-Kumitat ta' l- Iskema ta' Parkeġġ.
Dan il-proġett ta' tisbieħ għaż-żona qiegħed f'idejn id-Dipartiment tax-Xogħolijiet.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment f'Paceville? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol dam ma inbeda u qiegħed jimxi bil-mod wisq? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern preżenti qed jieħu ħsieb li jsir xogħol fuq id-disinn ta' tisbiħ u titjib f'diversi toroq f'Paceville.
Dawn il-proposti jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' semi-pedestrisation f'ċerti toroq ta' Paceville barra li ser isir xogħol ta' titjib fl-uċuħ tat-toroq u bankina f'oħrajn, kif ukoll street furniture fl-inħawi kollha.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment fil-bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern preżenti qed jieħu ħsieb sabiex il-proġett tal-Bajja ta' San Ġorġ jinkorpora fih bankini ġodda minn ħdejn Vivaldi Hotel sa fejn il-Cresta Quay. Ix-xogħol fuq dawn il-bankini ser isir bħala tkomplija tax-xogħol f'Wilga Street, li x-xogħol fuqu ser jerġa' jinbeda minn Ottubru li ġej.
Il-parti l-oħra tax-xogħol fil-Bajja ta' San Ġorġ jinsab fi stadju ta' diskussjoni mal-MEPA. F'dan il-proġett qed tiġi proposta l-estensjoni tal-bajja u promenade ġdid fl-inħawi.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embelishment fix-Xatt tas-Sajjieda fl-inħawi tal-Cavallieri Hotel? Jista' jgħid fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Rigward Xatt is-Sajjieda, fl-inħawi tal-Cavalieri Hotel, il-Gvern preżenti qed jikkonsidra x'titjib jista' jsir biex inkomplu nsebbħu l-inħawi. Qed jiġi kkunsidrat ukoll x'titjib jista' jsir fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol fuq il-bini ta' l-iskola ġdida f'Pembroke?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tinsab f'diskussjonijiet mal-MEPA biex jintgħażel sit minn fost tliet siti li ġew identifikati biex fuqhom tinbena l-iskola f'Pembroke.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-topic paper dwar urban conservation li ġiet ipubblikata mill-awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Urban Conservation and Built Environment Topic Paper li hu maqsum f`żewġ partijiet, (Draft for Public Consultation u Executive Summary). Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).