Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fi Triq Bursett, Zabbar jidħol il-main ta' l-ilma biex ir-residenti l-ġodda jkunu jistgħu jdaħħlu għall-ewwel darba dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bħalissa qed twettaq proġett ta' installazzjoni ta' tlett kilometri ta' mejnijiet ġodda ta' l-ilma f'Ħaż-Żabbar. F'dan il-programm ta' xogħolijiet hemm inkluża Triq Bursett.
Jista'l-Ministru jgħid jekk daħlux ħaddiema jaħdmu fil-Malta Shipbuilding mill-5 ta' Settembru sal-lum? Jekk iva, ta' liema grad u kemm għandhom salarju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 5535.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex in-nurses fl-SVPR għadhom ma ngħatitilhomx l-uniformi l-ġdida meta din ġiet mogħtija lid-Dipartiment tas-Saħħa f'Awissu ta' l-1998 u meta l-maġġoranza tan-nurses fl-Isptar San Luqa ġew mogħtija waħda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kważi n-Nurses kollha f'San Vinċenz ġew fornuti bl-uniformi l-ġdida.
Pero hemm numru żgħir ħafna li għadhom ma ġewx fornuti bl-uniformi l-ġdida, peress li qisien tagħhom huwa "out of stock". Qed jittieħdu passi sabiex dan in-numru żgħir ta' impjegati jkollhom l-uniformi l-ġdida f'qasir żmien.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex il-ħaddiema fir-residenza San Vincenz de Paule mhux qed jingħataw tagħrif eżatt rigward vacation leave u time-off-in-lieu tagħhom minn naħa tal-personnel meta dan it-tagħrif huwa dritt sagrosant tal-ħaddiema? Għaliex meta xi darba dan jingħata jkun tagħrif ta' xi erba' xhur b'lura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa d-dover ta' kull impjegat li jieħu nota tal-'vacation leave' u 'time off' li jkun ħa. Meta jkollu xi dubju għandu jiċċekkja mal-'Personnel Section' tad-Dipartiment tiegħu.
Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule reċentement instab li kien hemm impjegati li ħadu eċċess ta' 'vacation leave' matul l-1998 u għalhekk saret verifika tas-sistema li tintuża sabiex jiġi aprovat il-'vacation leave' u anke t-'time off'. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' din il-verifika se jiġu attwati dalwaqt u b'din is-sistema ġdida m'għandux jiġri li ġara fl-1998. B'hekk ukoll ir-rekords tal-'Personnel Section' tar-Residenza ta' San Vinċenz de Paule ikunu aktar aġġornati.
17.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Mużewijiet? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April, kellna 'transfer' wieħed ta' ħaddiem tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Dan it-'transfer' kien ta' General Hand, u sar mid-Dipartiment tal-Mużewijiet għad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Ir-raġuni hi li l-individwu talab li jiġi trasferit f'dan id-Dipartiment.
Ta' min jinnota li f'dan il-perjodu kien hemm 'transfer' ta' Principal mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għad-Dipartiment tal-Mużewijiet, li sar ukoll fuq talba ta' l-istess individwu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers, mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kultura? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Jannar 1999 ġew trasferiti mid-Dipartiment tat-Turiżmu għad-Dipartiment tal-Kultura, Uffiċjal Eżekuttiv, tlett skrivani, żewġ Senior Tradesman u żewġ General Hand minbarra skrivan wieħed li ġie trasferit mid-Dipartiment tas-Saħħa.
F'Jannar skrivana ġiet trasferita mid-Dipartiment tal-Kultura għad-Dipartiment tas-Saħħa.
Fi Frar u f'Marzu ma sar ebda trasferiment.
F'April ġew trasferiti żewġ General Hand mid-Dipartiment tal-Kultua għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni waqt li żewġ General Hand, (wieħed mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-ieħor mill-Malta International Airport) ġew trasferiti fid-Dipartiment tal-Kultura.
It-trasferimenti ta' dawk mid-Dipartiment tat-Turiżmu saru bħala riżultat tal-bidla fir-risponsabbilita' tal-Mediterranean Conference Centre mill-Ministeru tat-Turiżmu għal dak ta' l-Edukazzjoni.
Għar-rigward tat-trasferimenti l-oħra dawn saru minħabba l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tal-PBS? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u s-26 ta' April, 1999, fil-PBS saru sitt trasferimenti bil-ħsieb li jkun hemm tqassim aħjar ta' xogħol u personnel, dejjem skond l-esiġenzi tal-kumpanija u skond kif previst mill-Ftehim Kollettiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema taċ-Ċentru tal-Mediterran tal-Konferenzi? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn 1 ta' Jannar 1999 u 26 ta' April 1999 ma ingħata ebda transfer lill-ħaddiema fiċ-Ċentru tal-Konfernzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-IPSE, mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi ġew impjegati 4 ħaddiema ġodda ma` l-IPSE. Dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati wara li ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-MDC, mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjoniet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-M.D.C.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tressaqlux xi rapport mill-Kunsill Lokali dwar iċ-ċimiterju u d-dfin fil-Mellieħa? X'jirrikmanda dan ir-rapport? X'se jiddeċiedi l-Ministeru dwar dan ir-rapport?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment irċieva korrispondenza mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar is-sitwazzjoni attwali taċ-Ċimiterju tal-Mellieħa. Din il-korrispondenza titratta fuq:
1. Il-bżonn ta` aktar u manutenzjoni taċ-ċimiterju.
2. Ir-responsabbilta` konnessa mal-mautenzjoni u t-tindif taċ-ċimiterju tal-Mellieħa tiġi ddelegata lill-Kunsill Lokali u dan jiġi kkumpensat b'somma ta` tagħha ma ġiex speċifikat.
3. Li seba` oqbra fl-istess ċimiterju li huma proprjeta` tal-Ministeru tad-Difiża Ingliża, igħaddu f'idejn id-Dipartiment tas-Saħħa.
F'laqgħa li saret fil-15 ta` April 1999 bejn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa u rappreżentanza mill-Kunsill Lokali ġew diskussi dawn il-punti u l-Kunsill Lokali ġie nfurmat li:
1. qed jitħejja pjan ta` ħidma sabiex tiżdied il-faċilta għad-dfin il-lokalita` tal-Mellieħa kif ukoll titjieb il-manutenzjoni u tindif fl-istess ċimiterju.
2. ma jinħasx il-bżonn li l-Kunsill Lokali jassumi r-responsabilta` għat-tindif taċ-ċimiterju.
3. t-talba, sabiex oqbra li huma propjeta` tal-Ministerju tad-Difiża Ingliża jgħaddu f'idejn id-Dipartiment tas-Saħħa, ġiet miċħuda f'April 1996.
Jista' l-Ministru jara li jsir sforz biex l-applikazzjoni għall-karta s-safra tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi pproċessata malajr kemm jista' jkun?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikazzjoni tal-persuna msemmija waslet fit-28ta' April 1999, u ġiet ipproċessata fl-4 ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' Senior Technical Officer (Draughtmanship) fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, liema applikazzjoni l-proċess tagħha għall-pubblikazzjoni kien inbeda fi żmien l-amministrazzjoni Laburista?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qed isir xogħol li għandu jwassal għal riorganizzazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, inkuż ix-xogħol li għandu x'jaqsam man-nefqa kapitali u rikorrenti dwar bini, proġetti u manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienu lesti r-rapporti ta' l-eżaminaturi ta' l-eżamijiet SEC u MATSEC? Meta għaddew dawn ir-rapporti lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Meta d-diviżjoni għaddiethom lill-iskejjel fejn l-istudenti jiġu mħejjija għal dawn l-eżamijiet? Meta l-kapijiet ta' l-iskejjel għaddew dawn ir-rapporti lill-għalliema biex ikunu jistgħu jiddiskutuhom ma' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rapporti ta' l-eżaminaturi ta' l-eżamijiet SEC u MATSEC twasslu lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-26 ta' Marzu 1999.
Fid-diviżjoni ġew miġburin b'mod li kull skola tirċievi r-rapporti ta' suġġetti differenti u ntbagħtu fl-iskejjel bil-posta fl-14 ta' April 1999.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni beħsiebha tqassam il-fondi kapitali lill-iskejjel tal-gvern kollha peress li hemm skejjel li qed jgħidu li għadhom ma rċevewx dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kapijiet ta' l-iskejjel ġew infurmati bil-miktub bis-somma li kull skola partikolari ser tirċievi bħala Imprest for Capital Expenditure Equipment. Il-fondi kapitali jitqassmu lill-iskejjel bħal dan iż-żmien kull sena.
Fil-każ ta' l-interviews li saru għall-ħatra ta' assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u li l-kummissjoni għas-servizz pubbliku ddeċidiet li tħassar u tordna li jsiru mill-ġdid, għaliex il-kummissjoni ma ħaditx passi qabel saru l-interviews peress li kellha rappreżentant tagħha fuq il-bord ta' l-interviews u ta' l-għażla u mhux ħalliet kollox isir u joħroġ ir-riżultat qabel ħassret il-proċess b'detriment għall-kredibbilta' ta' l-istituzzjoni nnifisha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ġejt infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li hi ħadet id-deċiżjoni li tanulla l-interviews li saru għall-ħatra ta' Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Primarji hekk kif irriżultalha li l-kriterji ta' l-għażla li kienu proposti mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni u approvati mill-Kummissjoni, ma ġewx osservati.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposti li qed jiġu diskussi fil-mument fl-UE sabiex ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet tad-daqs tal-gaġeġ/batteriji tat-tiġieġ jinbidlu fis-sena 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhumiex jiġu diskussi kundizzjonijiet ta' daqs ta' gaġeġ/batteriji tat-tiġieġ ma l-UE. Biss ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala membru tal-Council of Europe u bħala firmatorja tal-Konvenzjoni tat-trobbija ta' l-Annimali trid 'il quddiem tirregola ruħha ma din il-Konvenzjoni. Nirriferi lill-Onor. Interpellant għall-risposta ta' PQ 6616.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6122 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward l-effett li tħalli l-kimika f'bexx, eċċ fuq saħħet il-bdiewa li japplikaw sabiex ikabbru l-uċuħ tagħhom? Meta saru u x'kienu r-riżultati? Jekk ma sarux, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qabel kimika li tkun ser tintuża għal bexx tiġi mpurtata, l-importatur irid japplika lill-"Pesticides Advisory Board" tad-Dipartiment tal- Agrikoltura u jagħtih tagħrif sħiħ dwar il-kimika, inkluż tagħrif tossicoloġiku, biex issir l-evalwazzjoni neċessarja. Iktar informazzjoni dwar l-operat tal-"Pesticides Advisory Board" tista' tingħata mill-Ministeru konċernat.
Jekk l-importazzjoni tal-kimika in kwestjoni tiġi approvata mid-Direttur tal-Biedja, l-importatur irid jipprokura l-approvazzjoni tat-Taqsima tal-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol. Din it-Taqsima tista' timponi kundizzjonijiet ulterjuri dwar l-importazzjoni u l-użu tal-kimika wara li titlob aktar informazzjoni, fosthom "Material Safety Data Sheet".
Huwa obbligu ta' min iħaddem jew li jaħdem għal rasu li jidentifika l-perikli għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol tiegħu u li jieħu l-miżuri kollha biex dawn jiġu eliminati jew imnaqqsa. Għaldaqstant hija r-responsabbilita' ta' min juża jew iġiegħel li tintuża kimika fuq il-post tax-xogħol li jieħu l-miżuri neċessarji.
It-taqsima tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol regolarment tagħmel eżamijiet mediċi fuq il-ħaddiema ta' Dipartimenti tal-Gvern u ta' xi ażjendi privati li x-xogħol tagħhom jesponihom għal kuntatt regolari ma' bexx b'konsegwenza ta' riskju ogħla għas-saħħa. L-Onor. Interpellant japprezza li riżultati ta' eżamijiet mediċi huma kunfidenzjali.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6121 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward saħħet il-ħaddiema li jiggasjaw l-uċuħ tar-raba? Jekk iva, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jikkonsidra li jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hemm diversi kimiċi li jistgħu jintużaw biex jiggassjaw l-uċuħ tar-raba. Il-kontrolli kemm fuq kimika relatata mal-biedja, kif ukoll fuq s-saħħa ta' ħaddiema li jistgħu ikunu nvoluti f'dan ix-xogħol ġew esposti fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6750.
17.5.99