Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jispiċċaw mill-iskola (Form V) studenti din is-sena? Kemm se jispiċċaw mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-privat? Kewmm minnhom huma bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena hu stmat li mill-iskejjel tal-gvern se jispiċċaw 4097 student mill-Form V kif se nsemmi:
Skejjel Sekondarji/Junior Lyceums
Subien Bniet Total
1208 2106 3314
Skejjel tas-Snajja'
Subien Bniet Total
748 35 783
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni ta'l-iskola post-sekondarja Sir MA Refalo f'Għawdex? Meta tlesta l-bini? Min tqabbad ilesti t-tenders għax-xogħol li baqa'? Meta tlestew it-tenders? Liema ġew pubblikati? Liema ma ġewx pubblikati? Għaliex? Liema tenders ġew deċiżi? Meta se jitkompla x-xogħol kollu? Meta hu ppjanat li jkun lest?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.
Jista'l-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-kors M.Psych għall-Educational Psychologist fl-Universita'? Għaliex għadu ma fetaħx? Kemm se jiġu aċċettati studenti f'dan il-kors? B'liema kondizzjonijiet finanzjarji u ta'xogħol mad-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni se jkunu l-istudenti li se jagħmlu l-M.Psych.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors sr jiftaħ f'Ottubru 1999. Ir-raġuni l-għala l-kors tal-M.Psy ma bediex kif kien skedat hu dovut għall-proċess twil u dettaljat ta' l-għażla tal-kandidati. Dan il-proċess issa ntemm.
B'kollox tnax-il kandidat ser jiġu aċċettati għall-kors: erbgħa sabiex isiru Educational Psychologists, erbgħa sabiex isiru Clinical Psychologists u erbgħa sabiex isiru Counselling Psychologists.
It-Trainee Psychologists involuti, ġew ingaġġati fit-23 ta' Marzu 1998 u bdew jitħallsu salarju fuq Skala 9 u fit-tmiem is-sena ta' prova tpoġġew fi Skala 8 fuq bażi personali. Huma jibqgħu jitħallsu din l-iskala ta' paga sakemm itemmu b'suċċess kors 'Masters Psychology (M.Psy)' kif kien mitlub fis-Sejħa oriġinali għall-Applikazzjonijiet.
It-taħriġ li jwassal għall-kisba ta' din il-kwalifika huwa għas-spejjeż tal-Gvern. F'każ li ma jtemmux il-kors imsemmi b'suċċess, jerġgħu jitpoġġew fuq salarju skala 9. Naturalment il-kundizzjonijiet l-oħra tas-Sejħa għall-Applikazzjonijiet jibqgħu jgħoddu.
Peress li l-persuna "A", li isimha qed jiġi ndikat separatament mietet f'Awissu li għadda, għaliex il-korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadhom jibgħatu l-kontijiet lill-persuna "B", li isimha qed jintbagħat separatament minkejja li ilhom ix-xhur avżati li l-peruna "A" mietet? Għaliex il-korporazzjonijiet huma ineffiċjenti anke f'xi ħaġa żgħira bħal din?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma tkun stħarrġet il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi talbiet għal ftuh ta' skejjel ġodda biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin minn Settembru 1998 'l hawn? F'liema lokalitajiet? Minn min saret kull applikazzjoni? Meta skola eżistenti tkun trid tiftah oħra (anke temporanja) per eżempju f'Għawdex, għandu jintalab permess ġdid? F'Għawdex kemm hemm skejjel liċenzjati biex jaħdmu f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 1998 sal-lum kien hemm ħames talbiet għall-ftuħ ta' skejjel ġodda:
F'ISEM ISEM TA' SKOLA LOKALITA` DATA
Tom Cusens Customs Language School Sliema 03.12.98
Mercieca Marcel Academy of English Mosta 09.02.99
Bencini John Capital Language School Valletta 01.03.99
Aquilina Joe Club Class Residential
Language School Swieqi 10.03.99
Mifsud Damian Atena Language School Attard 14.04.99
Informat ukoll li għal kull talba li jirċievi l-Monitoring Board ta' l-Iskejjel ta' l-Ingliż jibgħat formola għal applikazzjoni ta' l-apposta iżda mhux kull talba li ssir tinbidel f'applikazzjoni.
Meta skola eżistenti jiġifieri diġa` għandha l-Liċenzja u għaldaqstant post minn fejn topera jew f'Malta jew f'Għawdex tkun trid topera minn bini ieħor (anke temporanju) għandhom jiġu nformati kemm il-Monitoring Board tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li jirregola dawn l-iskejjel kif ukoll l-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet neċessarji. B'danakollu din il-fergħa għandha titqies bħala estensjoni ta' l-ewwel skola u għalhekk ma toħroġx liċenzja ġdida, iżda ċertifikat ta' estensjoni tal-Liċenzja biex ikopri l-bini li jkun sejjer jintuża bħala fergħa.
L-għadd ta' skejjel liċenzjati f'Għawdex hu ta': 2 (tnejn).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' fawran tad-drenaġġ fir-Rabat, Malta li żbroffa fl-ispiri tal-lokal matul dawn l-aħħar ħames snin? X'investigazzjonijiet saru? X'kienu r-riżultati? X'qed isir sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li qiegħed isir 'research' fuq in-numru ta' fawran f'dawn il-ħames snin li għaddew, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinformani xi programm ħejja d-Dipartiment tad-Drenaġġ sabiex jassigura li ma jkunx hemm fawran tad-drenaġġ fil-Bajjiet ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Jista' l-Ministru jinformani liema huma l-aktar arterji tas-sistema tad-drenaġġ difettużi f'dawn l-inħawi? X'apparat se jintuża sabiex jiġu sorveljati u rimedjati l-problemi kawżati mill-fawran matul is-sajf li ġej?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema tad-Dipartiment li se jwettqu l-programm ta' tindif ta' widien fil-gżejjer matul is-sajf li ġej? X'makkinarju se jintuża u kemm huma l-flus ivvotati għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Din ir-risposta tkun tista' tingħata meta l-pjani neċessarji jkunu lesti.
Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk il-widien f'Malta u Għawdex li se jiġu rijabilitati mid-dipartiment matul ix-xhur tas-sajf? Kemm saru applikazzjonijiet relatati max-xogħlijiet simili lill-Planning Authority u x'permessi u kondizzjonijiet ingħataw? Kemm hu n-numru ta' talbiet għal tindif fil-widien li ssottometta d-Dipartiment ta' l-Ambjent mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Meta ġew approvati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartimenti konċernati biex iħejju pjan għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jżid il-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Buġibba, San Pawl il-Baħar, Qawra u Mġarr għall-istaġun tas-sajf li ġej? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun in-numru ta' pulizija f'kull għassa u x'mezzi ta' trasport se jkollhom aċċessibbli għas-servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn dan is-sajf, il-Pulizija ser timplimenta s-seasonal deployment f'dawk il-lokalitajiet li huma l-aktar iffrekwentati fix-xhur tas-sajf. In-numru ta' Pulizija li ser jiżdiedu jiddependi fuq il-ħtiġijiet partikulari ta' kull lokalita' u dan wara li jkun ikkunsidrat il-complement attwali f'kull lokalita'.
Ninsab infurmat ukoll illi, fil-preżent l-għases tal-lokalitajiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant għandhom tlett vetturi u żewġ motor scooters għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minnhekk, hemm ukoll vettura tal-Mobile Squad li tkun assenjata mill-Kwartieri Ġenerali għall-patrol duties u assistenza meħtieġa f'dawn il-lokalitajiet.
18.05.99 (a.m)
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-reserviors ta' l-ilma tax-xita li jeħtieġu manutenzjoni, tindif, eċċ f'Malta u Għawdex? Kemm hu l-kalkolu ta' l-ilma globali li jirċievu dawn ir-reserviors ta' l-ilma? Meta se jsiru dawn il-manutenzjonijiet u kemm hemm flus ivvotati għall-programm ta' manutenzjoni ta' din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba tressqet mid-Dipartiment tax-Xogħol mill-1994 'il hawn, biex il-Foreign Office jintervjeni għal ħaddiema li jaħdmu f'ambaxxati barranin u li l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ma jkunux dawk xierqa?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lil-Onorevoli Interpellant ghat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Numru 6027 fis-Seduta Numru 98.
tf/
Jaf il-Ministru li l-ħaddiema ta' l-Ambaxxata Indjana ilhom mill-1994 ma jieħdu ż-żidiet ta' l-għoli tal-ħajja?
Response (BORG, JOE)
F' każijiet bħalma semmiet l-Onorevoli Membru, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jaġixxi fuq l-informazzjoni li tingħatalu b'mod uffiċċjali. Fil-fatt, kien propju fid-29 ta' Marzu 1999 li d-Dipartiment tax-xogħol għarraf lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin li ż-żieda ta' Lm 1.75 fil-ġimgħa li ġiet fis-seħħ għall-impjegati kollha mill-1 ta' Jannar 1999 kienet għadha ma tħallsitx lill-ħaddiema ta' l-ambaxxata Indjana f' Malta.
Il-Ministeru qiegħed issa jressaq dan l-ilment quddiem l-awtoritajiet tal-Gvern Indjan sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex isiru l-ħlasijiet dovut.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'emendi beħsiebu jagħmel għall-Kostituzzjoni ta' Malta peress li Artiklu sitta (6) ta' l-istess Kostituzzjoni u Artiklu ħamsa (5) tat-Trattat ta' Ruma (jew il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea) huma konflinġenti peress li t-tnejn jagħtu lilhom infushom is-supremazija fuq liġijiet oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma hemmx u ma hu mistenni li jkun hemm xejn konfliġġenti bejn il-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni ta' Malta. Għalhekk, ma għandux ikun hemm bżonn tibdil fil-Kostituzzjoni ta' Malta minħabba fl-adeżjoni ta' Malta għat-Trattat ta' Ruma u fl-addozzjoni min-naħa ta' Malta tal-liġijiet (direttivi etc) ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx biż-żieda fil-prezzijiet fil-bejgħ ta' pets minn pet shops?
Jista' jgħid x'tip ta' monitoring qed isir mid-dipartiment rispettiv f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ma rċieva l-ebda ilment dwar xi ksur tal-liġi fis-settur tal-bejgħ ta' pets.
L-Uffiċċju msemmi ma jimmonitorjax dan is-suq partikolari.
Minn Settembru, 1998 sal-lum, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw mill-ġdid għal CSAs f'Malta u kemm f'Għawdex? Kemm minnhom ġew impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn Settembru 1998 sal-lum kien hemm 137 persuna li applikaw mill-ġdid bħala C.S.A.s f'Malta u Għawdex.
Minnhom ġew impjegati 38 persuna.
17.5.99
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux testijiet fuq ilma li dejjem joskula mill-blat ta' taħt triq (taħt il-Club tal-Boċċi tal-Birgu) bejn il-Club tar-Regatta, il-Kalkara u l-Starky Building il-Birgu?
Jekk saru testijiet, jista' jgħid x'irriżulta? Jekk ma sarux, meta se jsiru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex ir-residenti fl-SVPR dejjem jiġi ppreżentat lilhom l-istess ikel u qatt ma jkun hemm varjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6212, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' wieħed mill-menus. Il-menu jinħadem minn ġimgħa qabel u jkun hemm tibdil skond dawn il-kriterji.
1. Talbiet jew xewqat mill-pazjenti.
2. Skond l-istaġun tas-Sena, per eżempju ħaxix u frott fis-suq,
ġelat fis-Sajf u trifle fix-Xitwa.
3. Ċertu ikel, eżempju pizza u braġoli, jinħadem fuq rotazzjoni kull
ħmistax il-ġurnata.
Tingħata importanza lill-ikel nutrittiv bħal laħam abjad, ħut, frott u ħaxix mgħolli.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fir-residenza San Vincenz de Paule, fuq in-naħa tan-nisa, jeżistix nuqqas kbir ta' nurses u nursing aides? Jekk iva, x'qed jagħmel id-dipartiment biex din il-problema tissolva? Jista' jikkonferma wkoll li minħabba dan in-nuqqas ta' staff fuq il-female side qiegħed ikun hemm regolarment cancellation of leave?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa minnu li hemm nuqqas ta' 'nurses' u 'nursing aides' fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule. Biex tissolva din il-problema diġa' beda l-proċess ta' reklutaġġ f'dawn il-gradi. Barra minn hekk, persuni f'dawn il-gradi qegħdin jaħdmu s-sahra biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas fil-complement ta' l-istaff. Qegħdin jiġu wkoll imħajjra jidħlu 'part-time' nurses biex tittaffa din il-problema.
F'certu ċirkustanzi partikolari ġieli kien hemm il-ħtieġa li jsir 'Cancellation of leave'.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-agreement li sar taħt Gvern Laburista, bejn id-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani u l-unions (bejn Dr L Buhagiar - MUMN (nurses) & GWU (Nursing Aides)) fir-residenza San Vincenz de Paule fuq is-sezzjoni ta' l-irġiel li jirrigwarda l-istaffing levels hux se jiġi estiż ukoll fuq is-sezzjoni tan-nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposta li l-"agreement" bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-Unions fir-Residenza San Vinċenz de Paule jiġi estiż fuq is-sezzjoni tan-nisa qed tiġi studjata.
17.5.99