Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7098 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — Infieq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kemm intnefqu flus f'ospitalita', ikliet, riċevimenti u entertainment mill-Ambaxxati Maltin kollha bejn l-1.1.99 u l-15.5.99? Jista' l-Ministru jipprovdi wkoll il-lista tal-mistednin li ħadu sehem fl-attivitajiet imsemmija hawn fuq?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk risposta tingħata f`seduta ohra.
Leg 9 PQ #7099 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — Locally engaged staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tibdiliet saru fil-complement tal-locally engaged staff u f'residenzi uffiċjali mill-Ambaxxati Maltin barra minn Malta u kemm swew lill-gvern Malti dawn il-bidliet f'termini ta' terminal benefits, żieda fil-kera, ġarr ta' għamara u spejjeż oħra?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk risposta tingħata f`seduta oħra.
Leg 9 PQ #7100 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'karigi oħra jokkupaw f'għaqdiet, istituzzjonijiet u azjendi Maltin u barranin l-Ambaxxati Maltin li nħatru minn Settembru, 1998 sal-lum? X'tip ta' ħlas jew benefiċċji finanzjarji hemm marbuta ma' dawn il-ħatriet u jekk dawn il-benefiċċji humiex konformi mal-Conditions of Service for Officers Serving Abroad (Sec 1.212)? Kemm-il darba u meta dawn l-Ambaxxaturi ħallew il-belt fejn huma residenti fuq xogħol konness mal-ħatriet li jokkupaw minbarra dik ta' Ambaxxatur?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk risposta tingħata f`seduta oħra.
Leg 9 PQ #7101 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Rave party

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6929 dan ifisser li l-permess għar-rave party (għal skop ta' profitt) fil-grounds ta' Ta' Qali sar mingħajr ma ġiet stabbilita bil-quddiem rata ta' ħlas mill-promoturi għal din l-attivita'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi t-talba kienet proposta biex jiġi organizzat festival għal 8,000 - 10,000 ruh u parti mill-profitt kien se jmur għal skopijiet filantropiċi u fl-ebda parti mit-talba ma kien indikat rave party. Meta saret din it-talba ma kien għad hawn ebda sistema ta' ħlas peress li attivitajiet f'dan il-post qatt qabel ma kienu suġġetti għal ħlas.
Leg 9 PQ #7102 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

State of the Environment Report

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk l-inizjattiva li ttieħdet mill-gvern preċedenti Laburista, li għall-ewwel darba jsir State of the Environment Report għal pajjiżna tkomplietx minn dan il-gvern? Jekk iva, fiex wasal ix-xogħol fuq dan ir-rapport u meta jaħseb li se jkun lest u ppubblikat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern preżenti jaqbel mal-preparazzjoni u pubblikazzjoni ta' State of the Environment Report fuq bażi regolari. Ninsab infurmat illi r-rapport imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie ppreżentat lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u bħalissa qed jiġi studjat mill-uffiċjali tad-dipartiment.
Leg 9 PQ #7113 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOHN VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Każ bir-Ref no. 680

Question

Wara li fi Frar, 1998 wara interventi mill-Ombudsman mal-Kummissarju ta' l-Artijiet (Re. Case 680) dan ta' l-aħħar wissa lill-persuna konċernata biex tagħmel il-bir in kwestjoni aċċessibbli għall-okkupanti l-oħra tal-lokal u peress li għall-mistoqsija parlamentari numru 14390 (4/5/98) kont informat li d-Direttur ta' l-Artijiet kien qed jieħu l-passi kollha neċessarji sabiex dan isir imma għaddiet aktar minn sena u wasal sajf ieħor u għadu ma sar xejn, jista' l-Ministru jara li jsir kulma hemm bżonn sabiex dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li ħa fil-pussess tiegħu dan il-bir, minkejja li ġie mwissi għal diversi drabi biex jerġa` jagħmlu aċċessibli għall-okkupanti l-oħra, baqa` ma kkoperax u d-Dipartiment ta' l-Artijiet tah sebat ijiem sabiex jagħmel dan. Fin-nuqqas ta' dan, id-Dipartiment tal-Artijiet ikollu jiftaħ il-bir għas-spejjeż tiegħu u jfittex lill-persuna msemmija għad-danni. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7114 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Forti Chambray

Question

Jista' jekk jogħġbu l-Ministru jikkonferma li l-bini kollu li jinsab tiela' f'Forti Chambray, Għawdex hu sal-lum konformi f'kollox mal-parametri u kondizzjonijiet fuq il-permessi għall-iżvilupp li nħarġu għall-proġett ta' Chambray?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7118 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Interim From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal murtali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm permessi tal-pulizija biex waqt il-festa ta' San Ġużepp, ċelebrata fid-19/3/99 jiġu sparati murtali mill-ġnien pubbliku, Howard Gardens magħrufa bħala t-Tomba ftit 'il bogħod minn fejn kien hemm logħob tat-tfal għaddej b'mod li kien ta' periklu għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7119 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Raħħala medikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex ġewx medikati raħħala kawża tal-bexx li jintużaw fl-agrikoltura? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma hemm l-ebda rekord li fl-Isptar San Luqa ġew medikati raħħala kawża tal-bexx li jintuża fl-agrikoltura. Dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. membru jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #7120 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern u s-supply facilitators li sar fil-bidu ta' din is-sena skolastika? F'liema skejjel jinstabu dawn il-facilitators? X'jiġri f'każi fejn l-istudenti għal xi raġuni ma jattendux l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-supply kindergarten assistants li ġew ingaġġati fil-bidu ta' din is-sena skolastika jistabu kif jieher fil-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Meta l-istudenti ma jattendux l-iskola, is-supply kindergarten assistant jattendu l-iskola u jagħmlu dak ix-xogħol relatat mal-grad tagħhom kif ikun meħtieġ u indikat lilhom mill-Kap ta' l-iskola. Kopja ta' l-ittra ta' l-ingaġġ ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7121 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Ġbir ta' pilloli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rimedji se jittieħdu sabiex jinqata' l-inkonvenjent kreat mill-fatt illi ċertu persuni fil-post ġewwa l-Isptar San Luqa minn fejn jingħataw il-pilloli, jew għax ikollhom il-pass jew għax jinzertaw ikunu fuq quddiem fil-queue, ikollhom fuqhom jew aħjar jiġbru r-riċetti ta' diversi persuni oħra bil-konsegwenza li anzjani jispiċċaw jagħmlu sigħat jistennew fuq saqajhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Wara t-tneħħija tat-taxxa ta 50 centeżmu ta min jinnota li llum il-ġurnata rari jkun hemm queue. Fil-fatt l-uniku queue li jkun hemm, huwa fit 08.30am qabel ma tiftaħ l-ispiżerija. Ir-regola fil-Outpatient Pharmacy fejn jingħataw il-pilloli, hija li l-klienti jistgħu jiġbru riċetti għall tlett persuni biss. Jekk ikollhom għal izjed nies, jinqdew għal tlieta, mbagħad jerġgħu lura fil-queue.
Leg 9 PQ #7122 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Sir Paul Boffa — Pazjenti li jmorru għall-kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm wara r-raġuni u x'rimedji u passi se jittieħdu sabiex: 1) pazjent ma' jkollux għalfejn jagħmel aktar minn sagħtejn jistenna fil-bini ta' l-Isptar Sir Paul Boffa u dan sabiex jiġi mwassal lura lejn id-dar wara li jkun irċieva l-kura; 2) ambulanza tkun mingħajr stretcher? 3) Xi training u xi kwalifiki għandu l-istaff jew aħjar xi wħud mill-istaff ta' l-ambulanzi meta si tratta li pazjent jiddaħħal f'ambulanza; u 4) kemm suppost jitrikbu pazjenti f'ambulanza waħda u jekk hemmx xi struzzjonijiet sabiex ambulanza sservi ta' minibus u tgħabbi diversi pazjenti minn diversi lokalitajiet bi skomdu u sofferenza għall-pazjent?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #7123 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistent Kap

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6979 tas-17/5/99 (Seduta 99), jista' l-Ministru jispeċifika f'liema taqsima ta' restawr kien qed jaqdi d-doveri dan l-Assistent Kap ta' skola, li ismu qed jintbagħat separatament? Minn meta ntbagħat f'din it-taqsima? Min u meta ntbagħat minfloku jaqdi d-doveri ta' Assistent Kap ta' skola biex jimla' l-post li tħalla vakanti meta din il-persuna marret fit-TAqsima tar-Restawr?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din il-persuna ħadmet fuq preparazzjoni għat-twaqqif ta' Ċentru ta' Restawr, fuq programmi didattiċi għall-iskola tar-Restawr u ħadmet ukoll fuq kuntratti internazzjonali f'dan il-qasam speċjalment mal-UNESCO. Kien intbgħat mit-18 ta' Settembru. Minn floku, fl-istess data, ntbgħat is-Sur Carmel D'Amato biex jgħin fl-amministrazzjoni ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #7126 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Pilota

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li pilota ta' l-Air Malta li kien qed jagħti s-servizzi tiegħu lill-kumpannija barranija (aktarx Olandiża) ftit ġimgħat/jiem ilu kien involut f'inċident fejn ġiet ikkawżata ħsara lill-ajruplan u ġie mwaqqaf/sospiż minn dan l-inkarigu minnufih minn dan is-servizz, iżda fl-istess waqt għadu jagħti s-servizzi tiegħu lill-Air Malta minkejja din is-sospensjoni u l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-każ? Huwa minnu li l-Air Malta kellha tħallas biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata? Jekk fl-affermattiv, kemm? X'passi ħadet l-Air Malta fil-konfront ta' dan il-bdot?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7146 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC/Maltacom — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati ta' kontijiet tat-telefon, ta' l-ilma u tad-dawl fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin mal-Maltacom u l-Water Services Corporation?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7147 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Telefonati tal-priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fejn qabel il-gvern kien iħallas għal telefonata ta' ħames minuti kull priġunier sia telefon u sia telecell, issa ingħatat ordni sabiex il-priġunier li jċempel fuq telecell irid iħallas tliet minuti l-priġunier minn telefonata ta' sitt minuti?

Response (BORG, TONIO)

Kull priġunier għandu privileġġ u mhux dritt, li jagħmel telefonata ta' sitt minuti lill-familjari tiegħu kull jum. Ninsab infurmat li hemm madwar għaxar priġunieri li jċemplu għal fuq mobile phone flok għal fuq telefon normali. Ftit taż-żmien ilu ingħatat ordni li dawk li jċemplu għal fuq mobile phone, it-telefonata tagħhom tkun ta' tlett minuti flok sitta. Dawk li jixtiequ jagħmlu telefonata ta' sitt minuti, jridu jħallsu tat-tlett minuti żejda li huma jagħmlu. L-Onor. Interpellant japprezza li telefonata ta' sitt minuti għal fuq mobile phone tiswa madwar Lm1.75 filwaqt li telefonata għal fuq telefon normali tiswa biss għaxar ċenteżmi. Dawk it-telefonati li jagħmlu l-priġunieri biex jagħmlu kuntatt ma' l-avukat difensur tagħhom jitħallsu kollha mid-dipartiment kemm jekk it-telefonata ssir għal fuq telefon normali u kemm jekk issir għal fuq mobile phone. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7148 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Faċilita' ta' Kordin l-uffiċjali tal-ħabs mill-Assistant Manager 'il fuq jistgħu jieklu b'xejn, filwaqt li l-uffiċjali b'rank inferjuri jridu jħallsu għall-ikel mill-mess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ħlief għad-direttur, ħadd mill-uffiċjali tal-ħabs ma hu ntitolat li jiekol b'xejn. Is-sistema preżenti, li ilha teżisti għal snin twal, hi li kull uffiċjal iħallas il-prezz miżeru ta' għoxrin ċenteżmu kull platt. Dawn il-flus jitħallsu lid-dipartiment. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7149 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani/pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fid-Diviżjoni VIII il-gwardjani u l-pulizija li jkunu għassa mal-ħabsin fil-ħin tal-contact visits ġew ordnati sabiex l-għassa jagħmluha f'bitħa biswit il-kamra fejn issir il-contact visit u li din il-bitħa m'għandix ilqugħ mix-xita u/jew mix-xemx għal gwardjan u l-pulizija li jkunu għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-contact visits li jsiru fid-Diviżjoni VIII għadhom isiru bl-istess mod li kienu jsiru matul dawn l-aħħar tlett snin. Dan l-aħħar sar tibdil żgħir fis-sens li l-uffiċjal li kien qed joqgħod fil-bieb tal-kamra li fiha ssir il-contact visit ingħata ordni biex joqgħod ftit il bogħod mill-bieb b'tali mod li joqgħod fejn jista` jara lill-priġunier u lil dawk li jżuruh. Dan sar għaliex il-kamra fejn issir il-contact visit hija żgħira u l-priġunieri lmentaw li jekk l-uffiċjal joqgħod fil-bieb ikun qed jissemma dak kollu li l-priġunier u l-familjari tiegħu jkunu qegħdin jgħidu. Apparti dan, il-kamra fejn isiru dawn il-viżti hija attrezzata b'żewġ close circuit cameras. Ninsab infurmat ukoll li saret tinda fil-bitħa biex l-uffiċjal ikun jista` jistkenn mix-xemx. F'każijiet rari li tkun ix-xita fil-ħin tal-contact visits, l-uffiċjal li jkun għassa ser jingħata permess mid-direttur biex joqgħod fl-istess kamra fejn issir il-viżta. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7150 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-pulizija li jaħdmu bix-shift ta' 24 siegħa xogħol u 24 siegħa frank ikollhom konċessjoni ta' ftit mistrieħ matul l-24 siegħa li jkunu fuq ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7151 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li gwardjan tal-ħabs u/jew pulizija ma jistax joħroġ mill-ħabs waqt il-ħin tax-xogħol biex jattendi għal xi bżonn urġenti ta' sptar ta' xi membru tal-familja tiegħu, jekk ma jotteniex permess minn xi uffiċjal għoli tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Huwa minnu li jekk jingħata l-permess, jinqatalu l-ħin mil-leave? Jista'jispjega x'jiġri jekk il-gwardjan jew il-pulizija ma jsibu lill-ebda uffiċjal għoli tal-ħabs preżenti dak il-ħin li tinqala' l-urġenza biex jagħtihom il-permess biex joħorġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull impjegat fil-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin li jkollu bżonn joħroġ mill-Faċilita` waqt il-ħin tax-xogħol biex jattendi għal bżonn personali, kemm jekk ikun urġenti u kemm jekk ma jkunx, irid jottjeni permess minn uffiċjal għoli tal-Faċilita`. Il-ħin li l-uffiċjal jagħmel assenti mix-xogħol jinqatgħalu mill-leave tiegħu u dan għal raġunijiet ovvji. Ninsab infurmat ukoll li dejjem ikun hemm uffiċjal għoli preżenti fil-Faċilita` u li ma jirriżultax li kien hemm xi okkażżjoni fejn xi uffiċjal inqalgħetlu xi urġenza u ma sabx lil min jagħtih permess. 24.05.99 (a.m.)