Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti mediċini li jqumu ammont konsiderevoli ta' flus bħal Atenol 10mg tabs, Losec 20mg caps. u Prepulsid 10mg tabs ma jinstabux b'mod regolari fl-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Dan l-aħħar ma kienx hemm rapporti ta' nuqqas tal-mediċini Omeprazole 20mg capsules (Losec), Atenolol 100mg tablets u Cisapride 10mg tablets (Prepulsid) mill-ispiżerija ta' L-Isptar San Luqa.
Il-mediċini Omeprazole u Cisapride jiġu approvati u mixtrija għall-pazjenti individwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inġiniera fi ħdan id-dipartimenti fid-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi għandhomx id-dritt ta' aċċess għall-internet? Liema inġiniera jgawdu minn din il-faċilita' sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant, l-użu ta' l-Internet huwa mxerred kullimkien u huwa bżonnjuż u għalhekk ma hemmx xi prerogattiva ta' xi distinzjoni għall-użu tiegħu fuq xi klassi jew oħra. Madankollu lanqas hemm xi dritt awtomatiku ta' aċċess. Dan l-aċċess jingħata fejn ikun hemm bżonnu u fejn ikun meħtieġ. Bħalissa hemm tmienja (8) minn total ta' sittax (16)-il inġiniera li għandhom dan l-aċċess.
Ma nħossx li huwa korrett li noqogħdu nagħtu elenku ta' ismijiet ta' dawn l-inġiniera. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ partikulari ta' xi inġinier li lilu ġie miċħud dan l-aċċess huwa mitlub li jinfurmani separatament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dipartiemnti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu mill-allowance għal degree jew diploma li għandhom? Min huma dawn l-impjegati, f'liema dipartimenti jaħdmu, x'inhu x-xogħol u l-grad li għandhom u x'inhu d-degree jew diploma li għandhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-numru ta'impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għall-Ambjent li jgawdu mill-allowance għal degree jew diploma li għandhom huwa ta' 31.
Dawn huma:
TAQSIMA TAX-XOGĦLIJIET
ISEM DIPARTIMENT DEGREE/ GRAD
DIPLO
Cachia Fearne
Joseph Dir Gen's Off. Dottorat A & CE
Attard John Drainage Master Snr A & CE
Debattista Mary Ministeru '' Snr Principal
Debono Oliver Bldg Eng '' ''
Borg Claude '' '' A & CE
Camilleri Em. Dir Gen Off. '' Snr Principal
Camenzuli Althea Bld & Eng '' Snr A & CE
Barbara Carmelo Constr & Maint '' Chief A & CE
Buhagiar George Bld & Eng '' ''
Ellul Frederick '' '' A & CE
Gatt Kevin Ministeru '' A & CE
Vassallo Grant A.On paid study leave '' Snr Principal
Valentino John Bld & Eng '' Snr A & CE
Gatt Norbert '' '' A & CE
Ciantar Christ. Manuf Serv '' Engineer
Schembri Philip Bld & Eng '' Snr Engineer
Cassar Charles Constr & Maint 1st Degree Chief A & CE
Coleiro Ivan Bld & Eng '' Snr A & CE
Gatt Joseph Dir Gen '' Asst Librarian
Borg Grech Jos Constr & Maint '' Snr A & CE
Saliba Paul Bld & Eng '' STO
Muscat Raymond '' Diploma Snr Eng
Borg Raymond Dir Gen '' Book Binder
Busuttil Alex Bld & Eng '' Tech Off
Jones Raymond Accounts '' E O
Ruffini Dorraine Ministeru '' Clerk
Tabone Raymond Bld & Eng '' STO
DIPARTIMENT GĦALL-ĦARSIEN TA' L-AMBJENT
ISEM TAQSIMA DEGREE/DIPLOMA XOGĦOL
A E Baldacchino Biodiversity MSc (Env Man & P Env Off
Planning)
Jos M Callus Pollution BSc (Hons) ''
Control Co-
Ordinating
Unit
Prassede Grech Marine MSc Biol Env Off
Pollution
Juliet Fava Salaries & BA (Hons) EO
Accounts Public Policy
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm technical officers u assistant technical officers mad-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu, kull dipartiment separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent hawn dawn it-Technical Officers u Assistant Technical Officers:
TAQSIMA TAX-XOGĦLIJIET
DIPARTIMENT ASST TECH OFFICER TECH OFFICER
Bldg & Eng 10 24
Bldg Constr & Ind 1 -
Constr & Maintenance 10 13
DG's Office 4 11
Finance & Adm - 1
Drainage 18 11
Districts 25 14
Manufacturing & Serv 44 15
Ministry for the Env - 4
Operating Units 5 3
--------------------------------------
TOTAL 117 96
--------------------------------------
BICC - 1
DIPARTIMENT GĦALL-ĦARSIEN TA' L-AMBJENT
7 1
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' figuri skond il-line items ewlenin għat-tlett xhur Jannar-Marzu, tas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999 ta' dawn il-kategoriji ta' dħul: customs & excise; VAT & replacement; social security, kif ukoll ta' dwn il-kategoriji ta' nefqa: social security benefits; personal emoluments; u productive investments (taħt il-programm ta' spiża kapitali)? Il-kategoriji ta' dħul u ta' nefqa msemmija jidhru f'paġna 3 tan-News Release No. 27/99 Government Finance maħruġa fit-12 ta' Mejju, 1994 mis-C.O.S.
Response (DALLI, JOHN)
It-taghrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jitpogga fuq il-mejda tal-Kamra.
Issa li x-xogħol jidher li huwa għaddej ġmielu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-kostruzzjoni ġdida tal-bini ta' flat 69 f'St. John Street, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li prattikament tlesta x-xogħol ta'tqattiegħ tal-blat tal-proġett ta' l-ewwel fażi u qed isiru xogħolijiet fuq l-ewwel "unit" fil-parti ta' fuq tal-proġett maġenb il-mitħna fi Triq San Ġwann.
24.05.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, wara l-investigazzjoni neċessarja, x'inhi r-raġuni li l-arbli tad-dawl ġewwa l-pjazzez Pope Benedict u 4th September ġewwa l-Belt ta' Senglea inqalgħu, reġgħu tqiegħdu u reġgħu tneħħew b'mod u manjiera li l-post jinsab aktar mudlam milli kien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iż-Żewġ arbli oriġinali ġew magħluqa biex jinbidlu m`oħrajn ġodda. Waqt li kien għaddej dan il-proċess, inqagħlet ħsara fuq il-cable ta` taħt l-art li jinsab fl-istess post. Konsegwenza ta` dan, l-arbli kellhom jerġgħu jinqalgħu biex tissewwa din il-ħsara. Issa li l-ħsara issewwiet, iż-żewġ arbli ġodda għandhom jitwaħħlu f`qasir żmien.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4317, jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal ix-xogħol li qed isir fil-fortizza tat-Torri ta' San Tumas ġewwa Wied il-Għajn u jistax jiġi preżentat rapport ta' dak li qed jiġi propost li se jsir mill-istess fortifikazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li kien sar xogħol ta' tindif tat-torri u tneħħa bini li kien qiegħed jingombra l-foss (risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4719 tirreferi), ġiet preparata tender għall-ewwel fażi ta' xogħol ta' restawr fuq waħda mill-faċċati. Din it-tender qiegħda bħalissa tiġi ġġudikata u hu mistenni li x-xogħol jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4319, jinforma lill-Kamra jekk l-investigazzjonijiet li kellhom isiru rigward it-tindif l-ewwel tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla u t-tieni tal-Mina ta' Santa Liena, issa jistgħux isiru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għar-rigward tal-Kappella tal-Madonna tas-Sokkors f'Bormla, saru studji preliminari biex ikun jista' jiġi diskuss mal-Kunsill Lokali użu kompattibbli għaliha. B'hekk ikun jista' jinbeda xogħol ta' riabilitazzjoni.
Rigward il-mina ta' Santa Liena, qegħdin isiru xi studji li jridu jkunu diskussi u approvati mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera meta dan jiġi mwaqqaf.
In vista tad-domanda parlamentari numru 4315, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-bini, kostruzzjoni u tkomplija tad-dar ta' l-anzjani, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4315 li saret fi Frar. Minn dak in-nhar 'l hawn tkompla x-xogħol ta' l-ilma u drenaġġ li wasal fi stadju finali, tkompla t-tibjid u tikħil li huwa fi stadju avvanzat, tlesta x-xogħol fuq il-bjut u anki tpoġġew xi twieqi ta' l-aluminium. Inbeda x-xogħol fix-'shafts' tal-liftijiet u sar ukoll xi xogħol ta' tqegħid ta' madum fil-gallariji u fil-ħerżiet tat-twieqi.
Inħarġu tenders oħra għall-xogħolijiet ta' ħadid, għall-installar ta' soffitti u xogħol ta' strutturi ta' ħadid u tinda għal fuq il-bitħa.
It-tender tal-madum u kmamar tal-banju kien ingħata għat-tieni darba u reġa sar appell quddiem id-Direttur tal-Kuntratti. Din il-ġimgħa ngħatat deċiżjoni finali għal dan it-tender u għalhekk il-kuntrattur issa jista' jibda jaħdem u jrid ilesti x-xogħol fi żmien tlett xhur.
24.5.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6227 u għat-tweġiba li ngħatat mill-Ministru, jista' l-Ministru jgħid minn min isir dan ix-xogħol ta' trenching works u laying of pipes, jekk ix-xogħol isirx minn kuntratturi privati u jekk fl-affermattiv, isirx permezz ta' tenders jew direct orders?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ix-xogħol ta` tħaffir ta` trinek u tqegħid ta` pajpijiet isir minn kuntratturi privati wara l-ħruġ ta` sejħa għall-offerti.
Meta l-Gvern Ċentrali u l-Kunsilli Lokali jagħmlu xogħolijiet ta` upgrading ta` toroq jew bankini, dan ix-xogħol isir mill-istess kuntratturi mqabbda minn dawn l-entitajiet iżda mhux qabel ma` tingħata l-approvazzjoni tal-Maltacom wara li din tkun ingħatat stima tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5479 li saret fit-8 ta' Marzu, 1999?
Response (BORG, JOE)
Fil-25 ta` Awissu 1987, il-Kummissarju Għoli Malti f`Londra ta` dak iż-żmien, is-Sur John Manduca, kien qed jokkupa r-residenza uffiċċjali ġewwa Twickenham. Din ir-residenza kienet propjeta` tal-Gvern Malti, u għalhekk ma kenitx tithallas kera minn min kien jirrisjedi hemmhekk. Fl-1991, meta nħatar Kummissarju Għoli s-Sur Victor Camilleri, kien baqa` joqgħod fl-istess post.
Fl-1 ta` Awissu 1991, is-Sur Salvu Stellini nħatar Kummissarju Għoli Malti għall-Ingilterra u huwa wkoll għamel xi xhur joqgħod fi Twickenham. F`Novembru ta` dik is-sena, il-Ministeru ta kien aċċetta proposta li kienet saritlu qabel biex il-Kummissarju jmur joqgħod f`post aktar ċentrali peress illi r-residenza kienet tinsab bosta mili `il barra minn Londra. Fl-istess waqt, kellu jinbeda l-proċess sabiex tinbiegħ il-propjeta fi Twickenham. Sakemm tinbiegħ din id-dar, mar joqgħod fiha d-Deputat Kummissarju Għoli ta` Malta ta` dak iż-żmien, is-Sur Victor Sant, u kien jikkontribwixxi, skond ir-regolamenti, persentaġġ mill-emolumenti netti tiegħu (madwar Lm4,500 fis-sena) għall-facilita` li ngħata.
F`Jannar 1992, is-Sur Stellini mar joqgħod fil-fond numru 28 Montpelier Place, Londra, b`kera ta` LStg 450 fil-ġimgħa. F`Novembru 1993, wara li s-sid infurmat lis-Sur Stellini li riedet tbiegħ il-fond, mar joqgħod f`numru 27 Montpelier Walk, fejn kienet titħallas kera ta` LStg 470 fil-ġimgħa fl-ewwel sena tal-kirja, LStg 493.50 fil-ġimgħa bejn Novembru 1994 sa Ottubru 1995, u kera ta` LStg 544.08 fil-ġimgħa minn Novembru 1995 `il quddiem.
Is-Sur Victor Camilleri kien inħatar Kummissarju Għoli Malti f`Londra mill-ġdid fis-16 ta` Settembru 1996, u mar joqgħod fil-post ta` Montpelier Walk, fejn kien jirrisjedi qablu s-Sur Stellini. F`Jannar 1997, is-Sur Camilleri ntbagħat bħala Ambaxxatur fi Brussell, u laħaq Kummissarju Għoli Malti għall-Ingilterra minfloku, fit-3 ta` Frar 1997 is-Sur Richard A Matrenza. Il-Ministeru ġie nfurmat li s-Sur Matrenza kien ra numru ta` appartamenti, u sab appartament addattat f`Onslow Square, li kien iżda disponibbli aktar tard. Wara li qagħad għal xi ġimgħat f`Montpelier Walk, fil-21 ta` Frar 1997 is-Sur Matrenza ġarr provviżorjament għal appartament fl-indirizz 40/42 numru 2 Eaton Place, fejn kien iħallas LStg 750 fil-ġimgħa kera. Ftit wara, reġa ġarr għall-appartament f`numru 21/3 Onslow Gardens, fejn baqa` jħallas l-istess ammont ta` kera. F`nofs Awissu 1997, huwa ġarr għar-residenza uffiċċjali f`numru 16 Kensington Square. Din hija propjeta` tal-Gvern Malti, u għalhekk ma titħallas ebda kera għall okkupazzjoni tal-fond.
L-inventarji tal-kontenut tar-residenzi uffiċċjali li huma propjeta` tal-Gvern Malti kienu u baqgħu jinżammu aġġornati sal-lum. Naturalment, ma hemmx inventarji ta` propjeta` li hija privata. Għalkemm l-inventarji ta` propjeta` pubblika jirrigwardaw flus il-poplu u huma suġġetti għall-iskrutinju ta` l-Awditur Ġenerali, fost oħrajn, dawn mhux normali li jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jidhirlix li hemm skop għaliex m`għandix nżomm mal-proċedura stabilita.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5478 li saret iżjed minn xahrejn ilu?
Response (BORG, JOE)
Il-karozza uffiċċjali, tat-tip Mercedes tal-Kummissarju Għoli Malti f`Londra, ta` qabel dik korrenti, kienet inxtrat fid-29 ta` April 1991 għas-somma ta` DM 44,707 (LStg 15,456).
Id-dokumentazzjoni tal-kontijiet mħallsa fl-1991 u fl-1992 f`Londra tinsab arkivjata. Mhuwiex la prattikabbli u lanqas ekonomikament vijabbli li wieħed idur il-karti kollha biex jislet l-informazjoni f`dawn is-sentejn tal-bidu ta` ħajjet il-karrozza, speċjalment meta aktarx li l-ispejjez ewlenin kienu nfieq ta` rutina. Sadattant, l-ispejjez li sarulha l-karozza mill-1993 sakemm inbiegħet fl-1997 kienu dawn:
Sena Manutenzjoni ta` Tiswija ta` Total
rutina ħsarat
1993 LStg 715 LStg 246 LStg 961
1994 LStg 791 LStg 255 LStg 1,046
1995 LStg 923 LStg 1,479 LStg 2,402
1996 LStg 1,017 LStg 308 LStg 1,325
1997 LStg 0 LStg 881 LStg 881
Biex wieħed jipparaguna l-ispejjez għal manutenzjoni ta` rutina, nista ngħid ukoll li l-ispiża ta` rutina lill-karozza uffiċċjali, mixtrija ġdida lejn l-aħħar ta` l-1997 għas-somma ta` DM 54,474, jiġifieri LStg 19,083, kienet ta` LStg 779 għal perjodu bejn Gunju 1998 u Jannar 1999. Ma kienx hemm spejjeż mill-aħħar tal-1997 sa Mejju tal-1998 peress li dawn kienu l-ewwel xhur ta` użu tal-karozza.
Il-karozza uffiċċjali mixtrija fl-1991 kienet insterqet fil-lejl ta` bejn it-12 u t-13 ta` Mejju 1996. Nstabet xi ġranet wara, u kellha ħsara fil-lock tal-bieba tal-passiġġier u fl-ignition switch. Wara li ġie konfermat mill-garaxx tal-Mercedes stess li ma kienx hemm ħsarat oħrajn, il-vettura issewwiet u l-ispejjeż ġew irkuprati mill-kumpanija ta` assikurazzjoni. Ma kien ebda riperkussjoni, la finanzjarja u lanqas xort`oħra, lill-Kummissjoni Għolja Maltija f`Londra minħabba s-serqa tal-karozza ufiċċjali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6943 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u cioe': Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li jinfetaħ Natioanl Laboratory f'Malta? Jidhirlu l-Ministru li dan il-laboratorju huwa ta' ħtieġa nazzjonali minħabba l-istandards tal-prodotti?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-amministrazzjoni preżenti temmen bi sħiħ li biex pajjiżna jkun jista` jimxi `l quddiem fil-qasam ta` l-industrijalizazzjoni, huwa meħtieġ li jkollna laboratorju nazzjonali li jkun attrezzat b`tali mod li jkun jista` jaqdi l-ħtiġijiet mhux biss tas-settur governattiv iżda ukoll dak privat. Għal dan il-għan bħalissa għaddej il-proċess biex jitwaqqaf dan il-laboratorju li ser ikun f` pozizzjoni li jipprovdi r-riżultati meħtieġa biex jogħla l-istandard tal-prodotti lokali fis-suq u fl-istess ħin l-industrija ta` pajjiżna jkollha l-faċilita` fejn tagħmel it-testijiet meħtieġa biex il-prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu barra pajjiżna. Dan il-laboratorju, li ser jitwaqqaf bl-għajnuna ta` l-Unjoni Ewropea, mistenni jibda jiffunzjona fix-xhur li ġejjien.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6852?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'referenza għall-mistoqsija dwar xogħolijiet ġodda li qed isiru mill-Urban & Rural Landscaping fl-inħawi tar-Rabat saru żewġ komunikazzjonijiet bejn l-Urban & Rural Landscaping u l-Kunsill ix-xahar ta' Marzu, biss s'issa għad ma ngħatat l-ebda konferma mill-Kunsill biex ikun jista' jsir dan ix-xogħol.
Peress li b'riżultat tal-Protocoll bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-biedja u sajd kienu nbdew diskussjonijiet bejn il-Malta Drydocks u kumpannija Libjana sabiex isiru manutenzjoni u bini ta' trawlers tas-sajd għall-poplu Libjan, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi u ċioe' x'sar mill-5 ta' Settembru 'l hawn bħala kontinwazzjoni sabiex jinkiseb dan ix-xogħol għat-Tarzna ta' Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minbarra l-Protokol li għalih saret riferenza fil-mistoqsija, kien sar ukoll ftehim ieħor f`Lulju ta` l-1998 dwar dan l-istess skop mal-kumpanija ġdida Libjana Al-Motawasat Investment and Marine Services Co. u l-Malta Drydocks.
Ma` din il-kumpanija saru ħafna kuntratti u laqgħat minn dakinhar `l hawn. Saħansitra ġew sottomessi lill-kumpanija disinji ta` trawlers li jistgħu jinbnew mit-Tarzna. Huwa ttamat li fix-xhur li ġejjin it-Tarzna tingħata l-ordni biex tibda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li l-linja tal-bini li beħsiebu jinbena fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, Għawdex tingħata u dan peress li l-individwu kkonċernat ilu żmien twil jistenna l-istess linja (PA 3989/96)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-linja tal-bini kopert bil-permess PA 3989/96 għandha tingħata fil-ġimgħat li ġejjin. Din ma setgħatx tingħata qabel, minħabba li s-survey li fuqu kellha tiġi nterpretata din l-istess linja ma kienx komplet.
24.05.99 (a.m.)
Rigward il-bini f'Mongur Street, Għarb, Għawdex imsejjaħ "Il-Villaġġ tas-Sbejħa", jista' l-Ministru jispjega kif l-operaturi qegħdin jitħallew joperaw meta l-permessi għall-istess sit m'humiex regolarizzati u fil-fatt uħud minnhom għadhom pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fuq is-sit imsemmi mill-Onor. Interpellant inħarġu dawn l-iStop and Enforcement Notices : -
ECF 1346/96 - għal xogħol mhux skond il-pjanti approvati;
ECF 236/97 - għal żieda fuq in-numru ta' units.
Ninsab infurmat ukoll li hemm applikazzjonijiet pendenti biex jissanzjonaw dan l-iżvilupp, u appell pendenti mill-Enforcement Notice.
Rigward l-użu li qed isir mis-sit, bħalissa qed isir monitoring biex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tassigura li l-użu jkun limitat għal permess vigenti, u ċioe`, użu ta' terrace houses kif permessi u mhux maisonettes. Dan ġie kkonfermat ukoll b'verbal tal-Qorti maħruġ fl-4 ta' April, 1997, waqt smiegħ ta' mandat ta' inibizzjoni, Każ Numru 278/97.
Sal-lum, mill-ispezzjonijiet li saru, dejjem irriżulta li l-użu kien konformi mal-verbal tal-Qorti, u ċioe`, illimitaw il-kirja ta' kull żewġ maisonettes għal waħda biex din tintuża daqs li kieku kienet terraced house. Qed tintalab sanzjoni dwar il-maisonettes b'applikazzjoni fejn żiedu il-parkeġġ biex jipprovdi għaż-żieda residenzjali.
24.05.99 (a.m.)