Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6988?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond il-ftehim li l-Gvern kien laħaq mal-unions rigward il-ħaddiema li jaħdmu fl-Adult Training Centres, u li kopja tiegħu qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hu ppjanat li jkun hemm 5 kategoriji ta' ħaddiema li huma:
a) Kapijiet
b) Assistenti Kapijiet
c) Senior Care Workers
d) Care Workers
e) Assistant Care Workers
Il-kwalifiki marbuta ma' kull grad huma ndikati fil-ftehim imsemmi.
Sal-lum inħatru l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' dawn iċ-Ċentri, u ser jibda l-proċess biex jinħatru t-tielet kategorija. Fiċ-Ċentri hemm numru ta' Care Workers u Assistant Care Workers u fil-preżent hemm proċess biex jiġu ingaġġati aktar Care Workers, liema proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu. Skond il-ftehim li jirregola dan l-ingaġġ dawk li jkunu ingaġġati bħala Care Workers għandu jkollhom livell bażiku ta' edukazzjoni ta' livell ta' G.C.E., u dan biex ikunu jistgħu jsewgu kors ta' taħriġ li ser jitfassal għalihom malli dawn jiġu ngaġġati.
Fil-preżent hemm 129 ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti f'Malta li jinstabu fl-Imtarfa, Fleur-de-Lys, Ħal Far u Wied il-Għajn u Santa Venera. Filwaqt li l-ewwel erba' huma indirizzati primarjament għall-persuni b'diżabilita' intellettwali, tal-aħħar hu indirizzat lejn persuni għomja. Minn dawn il-129 ħaddiem hemm 109 li jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabilita. F'Għawdex hemm Ċentru żgħir li għandhom 12 ħaddiema (4 minnhom jaħdmu 30 siegħa fil-ġimgħa) li minnhom 10 jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabilita'.
Fiċ-Ċentri hemm numru ta' ħaddiema oħra li jinkludi nurses, tradesmen u Braille Instructor li jaħdem fiċ-Ċentru tal-Persuni Għomja.
Fil-preżent ukoll qed tiġi pproċessata sejħa għall-applikazzjoni ta' Assistent Direttur bl-inkarigu ta' dawn iċ-Ċentri. Waħda mill-inkarigi prinċipali li ser ikollu dan l-Assistent Direttur hu naturalment l-organiżżazzjoni ta' t-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-'job description' ta' din il-kariga.
Il-Ministeru hu impenjat li jżid ir-riżorsi umani l-aktar permezz ta' ħaddiema professjonali biex jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri li għandhom jinkludi nurses, fiżioterapisti, occupational therapists, psikologi u social workers. Dawn il-professjonisti jkollhom l-għan li barra li jgħinu biex jiġu mfassla programmi individwali għall-persuni b'diżabilita' li jattendu ċ-ċentri, jgħinu wkoll lill-istaff li jaħdmu ma' dawn il-persuni permess ta' taħriġ dirett (hands on) fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi. Il-Ministeru qed ifassal pjan fuq tlett snin biex kull ċentru tal-persuni b'diżabilita' jkollu s-servizzi ta' dawk il-professjonisti meħtieġa.
31.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kif se jintużaw il-fondi li hemm allokati sabiex jitkompla t-tieni fażi ta' Triq Żabbar/Hompesch?
Kemm hemm fondi allokati? Meta hemm ħsieb li jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din is-sena hemm ivvutati Lm50,000 għax-xogħol fuq dan il-proġett.
Dipartiment tal-Welfare — Użu ta' karozzi/mobile phones
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' ismijiet u gradi ta' persuni li għandhom dritt jagħmlu użu minn karozza u mobile imħallsa mill-gvern fid-Dipartiment tal-Welfare?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-Dipartiment tal-Welfare, jew aħjar id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja, id-Direttur jagħmel użu minn mobile imħallas mill-Gvern.
Dwar użu ta' karozza imħallsa mill-Gvern, id-Direttur jagħmel użu minn karozza waħda, skond ir-regolamenti.
Dwar karrozzi oħra mħallsa mill-Gvern, id-Dipartiment għandu sitt karozzi, tlieta "impressed" u tlieta tal-kiri, u dan għall-użu ta' l-istaff fil-qadi ta' dmirijiethom.
31.5.99
Jista' l-Ministru jara li tingħata kisja tarmac jew concrete area fit-turf ta' Triq Polverista, Bormla, area li tagħti għal fuq il-ġibjuni li hemm fl-istess area?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali interessat.
Jista' l-Ministru jara li tingħata tindifa ġenerali fl-area ta' madwar il-ġibjuni ta' Sta. Liena, Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalkemm dawn il-ġibjuni qiegħdin fil-foss ta' swar u partijiet minnhom ma għandhom l-ebda aċċess, il-Ministeru ta' struzzjonijiet lid-Dipartiment ta' l-Immaniġjar ta' l-Iskart biex jara x'jista' jsir ħalli din l-area titnaddaf.
Jista' l-Ministru jgħid kif inhu ffurmat il-complement tal-pulizija għat-tieni distrett elettorali? X'ħinijiet qed jinfetħu l-għases fl-istess distrett?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp stazzjonati fil-lokalitajiet ta' dan id-distrett huma Supretendent, Spettur, tlettax-il surġent u sittin Kuntistabbli. Dan in-numru ma jkoprix il-Fgura, li tifforma parti minn Distrett tal-Pulizija, differenti.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li, l-għases ta' Bormla u ta' Ħaż Żabbar jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li ħlief għal dik ta' Wied il-Għajn li ma tinfetaħx, l-għases l-oħra tat-tieni distrett elettorali jinfetħu regolarment ħlief meta l-pulizija li jkunu ġewwa fl-għases jkunu meħtieġa fuq xi xogħol barra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani mit-Tielet Distrett elettorali f'dawn l-aħħar erba' snin sal-lum għamlu użu mis-servizz tal-handyman?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' anzjani mit-Tielet Distrett elettorali li għamlu użu mis-servizz tal-Handyman f'dawn l-aħħar erba' snin, huwa skond it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
31.5.99
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7103 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilha u cioe': tista' tara li jsir reserved parking quddiem ir-residenza, 59 Triq Pompei, Rabat, Għawdex peress li hemm persuna b'diżabilita'?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 7104 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u cioe': jista' jgħid x'sar min-negozjati biex jiġi rranġat ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid? Hemm il-ħsieb li l-funtani jibdew jaħdmu? Hemm il-ħsieb li s-siġar jinżabru? Hemm il-ħsieb li l-gabbana tinfetaħ? Hemm il-ħsieb li tiġi rranġata l-irħama li tikkommemora lil Pawlu Boffa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpelant għar-risposta għal mistoqsija parlamentari PQ No. 5016.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk mid-19 ta' Mejju, 1999 sal-lum niżlux xi ajruplani tal-gwerra fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, meta niżlu, kemm damu, kemm kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mid-19 ta` Mejju 1999 sa llum niżlu u telqu minn Ħal Luqa dawn l-arjuplani:
TIP No. NAZZJONALITA NIŻŻLU TELQU
Tornadoes 3 UK 20-05-1999 21-05-1999
Tornadoes 2 UK 21-05-1999 24-05-1999
Hawks 2 UK 22-05-1999 24-05-1999
P3A 1 USA 26-05-1999 27-05-1999
Jista' l-Prim Ministru jgħidli x'xogħol u testijiet saru s'issa in konnessjoni mat-tħaffir tal-bir tal-Madonna taż-Żejt ġewwa Għawdex u x'riżultati ħarġu s'issa?
Kemm ġiet tiswa l-ispiża s'issa, x'inhu pproġettat li fadal isir dwar tħaffir u testijiet qabel jiġi terminat kompletament ix-xogħol/testijiet?
Kemm hi stmata l-ispiża totali sa meta jispiċċa x-xogħol kollu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għad-diversi tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari li saru s'issa rigward ix-xogħol, testijiet u spejjez fuq il-bir f'Għawdex, fosthom dawk numru 5959, 6077 u 5362. Ninsab infurmat li l-pożizzjoni preżenti dwar it-tħaffir u t-testijiet ma tbidlitx minn dik imsemmija fl-aħħar tweġiba mogħtija fil-11 ta' Mejju 1999 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5362. It-tħaffir tat-toqba oriżżontali li qed isir bħal issa, mistenni jintemm fi ftit jiem oħra u wara għandhom isiru testijiet.
Sa issa l-ispiża ġiet tiswa madwar Lm10.680 miljun u mistennija tlaħħaq madwar Lm1 miljun ieħor sa meta jispiċċa x-xogħol kollu. Madwar Lm4.8 miljuni minn dawn l-ispejjez huma provduti taħt ir-Raba Protokol bejn Malta u l-Italja.
Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li jkun hemm għassa tal-Pulizija fil-Pieta' meta jikkonsidra li minbarra n-numru konsiderevoli ta' residenti ta' din il-lokalita' hemm ukoll l-isptar?
Response (BORG, TONIO)
Diġa` saru laqgħat u rapresentazzjonijiet mill-Kunsill Lokali tal-Pieta` dwar dan is-suġġett. Qed tiġi kkunsidrata l-possibilita` li din l-għassa tkun fil-viċin ta' l-isptar, sabiex il-pulizija li preżentement jagħmlu għassa l-isptar ikunu jistgħu ukoll jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti tal-lokal.
31.05.99(a.m.)
Peress li r-residenti tal-Pieta' jsibu problemi kbar biex jipparkjaw, b'mod partikolari fil-ħinijiet tad-dħul ta' l-isptar u matul in-nofs ta' nhar ta' filgħodu, ma jaħsibx il-Ministru li r-residenti ta' Pieta' għandu jkollhom parking allokat għalihom?
Jista' l-Ministru jara wkoll li l-istaff ta' l-isptar ikollhom parking allokat għalihom peress li l-parking ta' l-isptar huwa riservat għal konsulenti biss? Jaf il-Ministru li dawn l-istaff jokkupaw il-ftit parking li jistgħu jsibu r-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.
Jista' l-Ministru jissuġġerixxi lill-banek lokali li jikkonsidraw il-ftuħ ta' fergħa tal-bank tagħhom fil-Pieta'? Jaf il-Ministru li biex ir-residenti ta' din il-lokalita' jinqdew iridu jmorru l-Imsida jew il-Ħamrun?
Response (DALLI, JOHN)
Skond Artiklu 11 (1) ta` Att ta` l-1994 dwar il-Kummerċ Bankarju, id-deċiżjoni li bank jiftaħ fergħa ġdida jew uffiċċju ġdid f`Malta hi totalment fid-diskrezzjoni tal-bank konċernat (basta li dan ikun kiteb minn qabel ma jagħmel hekk lill-Awtorita` Kompetenti taħt dan l-Att) u m`hiex deċiżjoni li tittieħed la mill-Awtorita` Kompetenti ul-anqas mill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern kontra l-Freeport Terminal li għax sfidat id-drittijiet tal-ħaddiema weħlet $7.5 miljun Amerikan bejn l-1 u t-2 ta' Frar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma nistax nifhem kif tilwima industrijali bejn min iħaddem u l-ħaddiema tista` tiġi interpretata bħala sfida għad-drittijiet tal-ħaddiema.
Fil-każ partikulari tajjeb jingħad li l-kwistjoni kienet ġiet solvuta dakinhar stess għas-sodisfazzjon tal-partijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara u x'ħareġ mir-riżultat ta' l-inkjesta li saret fuq crane TA RTG fit-13 ta' Mejju, 1997 ġewwa l-Freeport Terminal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li konsulent indipendenti għamel l-investigazzjonijiet tiegħu, u wasal għall-fehma li l-ħsara li ġrat fid-data msemmija lill-crane ta` RTG kienet waħda aċċidentali u ma kienx hemm l-ebda nuqqas minn xi parti.
Jista'l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jiġu ngaġġati suldati ġodda fl-AFM? Jekk iva, meta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Filwaqt li nirreferi għal diversi tweġibiet parlametari li tajt f'dan ir-rigward f'dawn l-aħħar xhur, għandi ngħid li ninsab infurmat li tħejjijiet biex jiġu ngaġġati rekluti mal-Forzi Armati ta' Malta permezz ta' eżami kompetittiv huma kważi kompluti. L-avviż dwar is-sejħa għall-applikazzjonijiet hu mistenni li jiġi ppublikat fil-Gazetta tal-Gvern fil-ġejjin qrib.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7114 fejn tlabtu jikkonferma li l-bini kollu li jinsab għaddej f'Forti Chambrai, Għawdex sal-lum hu kollu konformi mal-parametri u konduzzijonijiet fuq il-permessi għall-iżvilupp li ħarġu għall-proġett ta' Chambrai?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7114 nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret irriżulta illi saru pedamenti ta` wieħed mill-units residenzjali f`blokk 11, liema unit mhux ser jibqa` formanti ma blokk 11 iżda ser jiżdied ma blokk 13 kif approvat reċentament (PA5268-98). Fil-fatt f`blokk 13 dan il-unit diġa` tlesta sal-pedament. Ix-xogħol li sar żejjed f`pedamenti ta` dan il-unit f`blokk 11 issa ser jiġi mirdum.
31.05.99 (a.m.)