Minn Settembru, 1998 sa April, 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ġiet organizzata mid-Diviżjoni jew/u mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jevalwaw il-Midweek Project fl-iskejjel primarji u biex jiżguraw li qed jagħti l-frott mixtieq? X'impenn sostanzjali - mhux verbali biss - hemm biex dan il-proġett jitkompla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saret laqgħa waħda. Informat li ġew allokati riżorsi finanzjarji li se jintużaw għal żvilupp tal-proġett fuq il-linji tal-kurrikulu l-ġdid.
Jista' l-Ministru jinformani kemm kienet il-qatla tal-laħam taċ-ċanga fil-Biċċerija minn Jannar sa April ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jinformani kemm fil-fatt kienet il-qatla għall-istess perijodu għas-snin 98, 97, 96 u 95 rispettivament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-qatla għall-perjodu Jannar-April 1999 kienet kif jidher hawn taħt:
1999 Heads Kgs
Jannar 450 120185
Frar 477 128112
Marzu 549 148474
April 479 126808
Il-qatla għas-snin l-oħra mitluba huma kif ġej:
1995 Heads Kgs
Jannar 623 128126
Frar 466 122182
Marzu 483 117971
April 510 123608
1996 Heads Kgs
Jannar 641 166030
Frar 580 137466
Marzu 532 140572
April 494 126959
1997 Heads Kgs
Jannar 493 144979
Frar 473 122852
Marzu 492 130352
April 498 125212
1998 Heads Kgs
Jannar 513 134617
Frar 471 123116
Marzu 528 141506
April 405 107713
B'riferenza għall-kriżi tal-bejgħ tal-laħam taċ-ċanga tal-Beef Intervention Scheme, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fil-fatt hi l-kwantita' u l-valur fi flus tal-laħam li jinsab maħżun għaliex ma nstabx il-bejgħ tiegħu? Jista' l-Ministru jinformani x'se jsir minn dan il-laħam kemm-il darba l-gvern ma jsibx bejgħ għalih?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-21 ta' Mejju, 1999 l-ammont ta' laħam storjat fil-friża kien ta' 125060 Kgs. Il-valur ta' dan il-laħam huwa ta' madwar Lm67,530 skond il-prezzijiet internazzjonali. Qegħdin isiru trattattivi biex dan il-laħam jinbiegħ.
Jista' l-Ministru jinformana kemm kienet il-produzzjoni tal-ħalib frisk matul l-ewwel erba' xhur tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-istess produzzjoni għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 rispettivament? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn din il-produzzjoni kienet fuq il-kwota stabbilita u kemm fil-fatt kien il-prezz tal-ħalib fuq il-kwota li tħallsu r-raħħala?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-produzzjoni totali tal-ħalib frisk u l-produzzjoni fuq il-kwota globali matul l-ewwel erba' xhur tas-sena, u għas-snin 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999 kienet hekk:
Sena Total Produzzjoni Produzzjoni fuq il-kwota globali
1995 2,819,335 galluni 171,268 galluni
1996 3,044,351 galluni 428,030 galluni
1997 3,076,119 galluni 325,851 galluni
1998 3,169,998 galluni 305,566 galluni
1999 3,295,344 galluni 396,767 galluni
Il-prezz tal-ħalib fuq il-kwota huwa ta' 32 ċenteżmi kull gallun. Dan ma jfissirx li raħħala tħallsu dan il-prezz għall-ħalib fuq il-kwota għax il-KPH tagħmel xi aġġustamenti sabiex tirregola l-produzzjoni skond id-domanda.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 6963 u 6638, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relattiva, cioe' kopja ta' l-agreement li kien sar bejn il-KFC u l-processor, it-talba tal-kumpannija li talbet riċentement sabiex tiġi eżentata u l-approvazzjoni tal-Ministeru/Dipartiment ta' l-Agrikoltura għall-eżenzjoni tal-levy in kwestjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Billi d-dokumenti mitluba fihom informazzjoni ta' natura kummerċjali, ma jidhirlix li għandi npoġġiehom fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6977?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed nibghat lill-Onor. Interpellant kopja ta' regolamenti attwali fl-UE dwar it-tiġieġ. Dawn huma regolamenti li jinsabu f'dokumenti pubbliċi ta' l-UE u li huma aċċessibli għal min jitlobhom, iżda xorta waħda uffiċċjali tad-dipartiment ħadu l-inkarigu w ġabruhomlu.
Pero qabel ma l-Onor. Interpelant jaħrab b'moħħu w joħroġ xi stqarrija oħra fejn jipprova jissensazzjonalizza dwar xi 'punto' jew xi 'virgola' li hemm fihom, nixtieq niġbidlu l'attenzjoni li dawn ir-regolamenti jinbidlu minn żmien għal żmien, u qabel ma jiġu applikati f'pajjiżna għad iridu jagħaddu minn proċess ta negozzjati u diskussjonijiet dwar dak li hu aċċettabli w applikabli għalina. Dan il-proċess ikun fiħ involviment mill partijiet kollha kkonċernati.
Tista' tiġi nvestigata mill-ġdid it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għall-għajnuna medika? Hemm xi rimedju li jista' jsir biex hi tkun tista' tkompli tikkwalifika għal din l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
31.5.99
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tan-negotiating team tal-proġett tal-Kottonera? Meta twaqqaf dan it-team? Kemm-il darba ltaqa'? Kemm-il laqgħa saret minnhom maż-żewġ konsortia nvoluti? X'terms of reference kellhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-negozjati mal-konsorzja fuq il-proġett tal-Kottonera tmexxew minni. F'dawn in-negozjati kont nieħu regolarment il-pariri tad-Direttur Ġenerali, Taqsima Xogħlijiet, tad-Direttur tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u ta' l-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jagħti d-dati u d-duration tal-laqgħat li kellu mal-kunsilli tal-Kottonera dwar il-proġett li jolqothom mill-viċin? Il-Ministru awtorizza kuntatti mal-kunsilli lokali mill-consortia meta l-kuntratt ma' dawn ta' l-aħħar kien għadu lanqas biss ġie ffirmat? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni jwieġeb dwar kemm-il laqgħa saret mal-kunsilli lokali mill-consortia u meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6843, irrid ngħid li inkoraġġejt lill-konsorzja jagħmlu laqgħat mal-kunsilli lokali. Biss ma nistax inwieġeb fuq dawn il-laqgħat peress li ma jkunux ko-ordinati mill-Gvern
Jista' l-Ministru jgħid meta fetaħ it-taħdidiet mal-consortia dwar il-proġett tal-Kottonera mill-elezzjoni ġenerali sal-lum? Meta ġew konklużi dawn it-taħdidiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-taħdidiet mal-konsorzja infetħu immedjatament wara l-Elezzjoni Ġenerali u kienu konklużi fit-8 ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema ditta barranija qed isiru taħdidiet fl-Istati Uniti biex jinġieb investiment barrani fil-proġett tal-Kottonera? Dawn it-taħdidiet infetħu waqt iż-żjara riċenti tal-Ministru fl-Istati Uniti jew kienu ilhom għaddejjin minn qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-taħdidiet li qed isemmi l-Onor. Interpellant in parti, saru qabel, u in parti saru ukoll waqt iż-żjara ta' delegazzjoni minn Malta dan l-aħħar fl-Istati Uniti. Billi d-diskussjonijiet jinvolvu kumpaniji privati u huma ta' natura kummerċjali ma nistax nagħti aktar dettalji.
Avukat Ġenerali — Memorandum dwar il-Proġett tal-Kottonera
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-avukat ġenerali ġiex mitlub jagħti parir legali lill-awditur ġenerali fit-tneħħija tiegħu tal-memorandum dwar il-proġett tal-Kottonera wara t-talba li kienet saret għal rapport simili minn tliet membri ta' l-Oppożizzjoni fuq il-PAC?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Avukat Generali nfurmani li hu ma jistax jizvela, minhabba ragunijiet ta` segretezza professjonali, min jitolbu pariri legali.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ħsieb li fil-likwidazzjoni tal-BICAL se jittieħdu in konsiderazzjoni l-interessi ta' persuni li taw flus kontra ċedoli u kambjali lid-diretturi tal-Bank, liema flus spiċċa f'żieda ta' assi fil-Bank, u li l-Kontrollur qed jikkonsidra bħala deluti personali ta' l-ex diretturi u mhux tal-Bank?
Response (DALLI, JOHN)
Ma hemm l-ebda ħsieb li tingħata xi konsiderazzjoni lill-interessi ta` persuni li taw flus kontra ċedoli u kambjali lill-ex diretturi tal-BICAL, għajr dawk li ġew rikonoxxuti mill-Qorti bħala debiti tal-Bank.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f'Malta u f'Għawdex li għandhom facilitator fl-iskola?
Hemm xi pjan biex jerġa' jinfetaħ il-kors ta' diploma għal facilitators sabiex ilaħħqu mad-domanda li hawn issa u li għad ikun hemm?
X'inhi s-sitwazzjoni bħalissa dwar tfal li qegħdin fi skejjel indipendenti u li għandhom bżonn facilitator?
Hemm previst li l-policy dwar il-facilitators tinbidel għal dawn it-tfal, speċjalment issa li l-Eden Foundation se tieqaf tgħin lill-ġenituri tagħhom billi kienet tħallas nofs il-paga tal-facilitator? Dan meta tqis li f'xi każi, l-unika option li dawn il-ġenituri ikollhom ikun li jibagħtu lit-tfal fl-iskejjel tal-gvern, li jfisser li l-gvern irid iħallas ukoll għall-edukazzjoni, trasport u kotba minbarra l-paga tal-facilitator.
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx inġabar, inwieġeb f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jinqatgħu l-qasab li hemm f'Cane Street, Birkirkara quddiem il-każin tal-banda ta' Sant'Antnin, għaliex qiegħed jinħoloq inkonvenjent lir-residenti li l-btieħi tagħhom jagħtu għal fuq il-wied?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Cane Street taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaxxi tal-logħob illegali fl-ewwel erba' xhur tas-sena u minn liema lokalitajiet? Kemm resqet persuni l-qorti l-pulizija f'dan ir-rigward? Barra minnhekk, fl-ewwel erba' xhur tas-sena kemm inqabdu nies imexxu l-lottu klandestin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel erba` xhur ta` din is-sena l-Pulizija qabdet 10 kaxxi tal-logħob illegali minn dawn il-lokalitajiet: Qawra, Mellieħa, Valletta, Fgura, Tarxien, Zejtun u Birżebbuġia u f`dan ir-rigward, tressqu l-Qorti 9 persuni. Fl-istess perijodu inqabdu 22 persuna involuti fil-lottu klandestin.
31.05.99(a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx, fl-aħħar xhur, ittieħdu passi fil-konfront ta' membri, anke fi gradi ta' fizzjali, li waqt li jkunu xogħol ikunu minflok jixorbu spirti fi ħwienet tax-xorb?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena ittieħdu passi kontra surġent, filwaqt li hemm każ ieħor kontra kuntistabbli li għadu pendenti.
31.05.99(a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati abbinati mal-Korp tal-Pulizija li xogħlhom hu proprju t-tindif ta' l-għases tal-pulizija? Jaħseb il-Ministru li forsi hemm bżonn ta' aktar impjegati f'dan il-qasam peress li l-livell ta' tindif f'ħafna mill-għases hu baxx ħafna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm ħames persuni (general hands) li qegħdin jagħmlu xogħol ta' tindif f'għases tal-Pulizija, filwaqt li hemm sitta oħra li qegħdin jagħmlu dan it-tip ta' xogħol f'oqsma oħra tad-Dipartiment, fosthom il-Kwartieri Ġenerali, l-Akkademja u f'Ta Kandja.
Wieħed jaqbel li dejjem hemm lok għal titjib f'dan ir-rigward u fil-fatt saru talbiet fil-Business Plans tad-Dipartiment sabiex jiġu trasferiti numru ta' mpjegati li jkunu jistgħu jagħtu kontribut akbar f'dan il-qasam.
31.05.99(a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' refuġjati li hawn Malta? X'inhu n-numru ta' immigranti llegali li qed jinżammu mill-pulizija fil-bażi f'Ta' Kandja? X'qed isir biex jintbagħtu lura pajjiżhom u x'inhi l-proċedura li trid tkun segwita biex ħaġa bħal din tkun tista' ssir?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li t-tagħrif dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ma jinżammx mill-Pulizija. Hu l-Uffiċċju ta' l-U.N.H.C.R. f'Malta li jieħu ħsieb l-interessi ta' persuni meqjusa bħala refuġjati.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li n-numru ta' immigranti llegali li preżentement qed jinżammu mill-Pulizija ġewwa Ta' Kandja hu ta' 75.
Rigward it-tielet parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3363 f'Seduta 50.
31.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-talbiet li kienu saru mill-Kummissarju tal-Pulizija lill-Public Service Commission biex il-pulizija, li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament, jitkeċċa mill-Korp tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti għadu qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
31.05.99(a.m.)