Jikkonsidra l-Ministru li l-parti tas-sur ta' l-Imdina li tinsab fuq ix-xellug inti u dieħel mill-entratura prinċipali ta' l-Imdina, titnaddaf mill-ħaxix li tħalla jikber matul is-snin? Jaħseb il-Ministru li jkun utili li titwaqqaf unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Mużewijiet bl-iskop speċifiku li jindukraw u jnaddfu s-swar f'Malta u Għawdex b'mod sistematiku u regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fl-Isptar Monte Carmeli u x'kienet il-kawża tagħhom matul din is-sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul is-sena 1999 kien hemm 20 imwiet fl-Isptar Monte Carmeli li kienu mqassmin kif ġej:-
XAHAR KAWŻA TAL-MEWT
_________________________
Jannar Pulmonary oedema & diabetic mellitus
" Broncho pneumonia
" Vascular collapse & ischaemic heart disease
Frar Massive myocardial infart & ischaemic heart disease
" Hupertensive heart disease
" Hypovolaemic shock, multiple injuries (fall from height)
" Cardiac arrest and chest infection.
Marzu Severe broncho pneumonia, chest infection
" Chest infection & Ca. bladder, congestive cardiac
failure.
" Cardio respiratory failure, septicaemia.
" Cardio respiratory failure, pneumonia.
" Chest infection, congestive cardiac failure
" Cardio respiratory failure, chest infection
" Huntington's chorea.
April Huntington's chorea, cardio respiratory failure.
" Pneumonia.
" Chest infection, pneumatocoele
" Cardio respiratory failure.
Mejju Heart failure, epilepsy
" Cardio respiratory failure, chest infection
" Cardiac failure, pulmonary oedima.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi proċeduri ta kawtela neċessarja qegħdin jittieħdu mis-soċjeta' Sea Malta Co. Ltd. għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effetti ta' l-hekk imsejħa millenium bug fl-apparat li jista' jiġi hekk affettwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-Sea Malta ilha sa mill-1987 taħdem fuq pjan ta` azzjoni sabiex tilqa` għall-problema tal-Y2K jew kif inhi komunement magħrufa `millenium bug`. Dan il-pjan beda jiġi implimentat fl-ewwel xhur ta` l-1998. Huwa ttamata li dan il-pjan jintemm sa Settembru li ġej u dak li twettaq s`issa huwa skond il-programm jew jinsab fi stadju aktar avanzat mill-ippjanat. Fit-twettieq ta` dan il-pjan il-Kumpanija qed tieħu ħsieb kemm lil dawk li jipprovdulha servizz u l-klijenti kif ukoll lill-vapuri.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi proċeduri ta kawtela neċessarja qegħdin jittieħdu mis-soċjeta' Air Malta Co. Ltd. u l-kumpanniji l-oħra sussidjarji tagħha għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effetti ta' l-hekk imsejħa millenium bug fl-apparat li jista' jiġi hekk affettwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6560?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma taqbel li abbuż bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jista` jikkontamina l-aquifer u għaldaqstant qed tinvestiga dan l-ilment. Infatti uffiċjali tal-Korporazzjoni regolarment jagħmlu spezzjonijiet fil-Wied tat-Troll u Wied il-Baqqija f`Haż-Żebbuġ.
Il-Korporazzjoni kontinwament tikkopera mill-qrib mal-Ministeru għall-Ambjent u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex l-operat ta` stabbilimenti bħalma huma rziezet u garaxxijiet jkunu konformi mal-liġijiet sanitarji u ma jagħtux lok għal tniġġiż.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6599?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-siti arkejoloġiċi kkurati mid-Dipartiment tal-Mużewijiet li preżentement m'humiex miftuħa għall-pubbliku fuq bażi regolari huma dawn:
Tempju ta' Ħaġrat u tempju ta' Skorba, fl-Imġarr, Malta. Minħabba d-domanda żgħira kif ukoll in-nuqqas ta spazju biex wieħed jintroduċi faċilitajiet mingħajr ma jagħmel impatt negattiv fuq dawn is-siti, dawn it-tempji jinfetħu biss b'arranġament mad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Fil-fatt arranġamenti bħal dawn qegħdin isiru aktar spissi, u saru wkoll sensiela ta' żjarat bħala parti mill-programm ta' ħarġiet kulturali organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura, li huma immirati prinċipalment lejn il-Maltin.
Katakombi tal-Mintna, Mqabba. Dawn il-katakombi, li kienu ilhom magħluqa għal żmien twil, reċentement infetħu fl-ewwel ħadd ta' erba' xhur konsekuttivi f'kollaborazzjoni sħieħa mal-Kunsill Lokali ta' l-Imqabba.
Tempju ta' Kordin. Dan it-tempju wkoll kien sa ftit ilu jinfetaħ biss b'arranġament mad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Reċentement pero`, sabiex ikun jista' jitgawda dejjem aktar, speċjalment minn nies li jgħixu fil-lokalitajiet madwar dan is-sit, inbdiet kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Wirt Artna, li qegħda tikkura l-post u tiftħu għall-pubbliku darba fix-xahar fuq bażi esperimentali.
L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. Hawnhekk proġett estensiv ta' restawr issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. It-tibdil tal-katusi ta' l-ilma u tad-drenaġġ fit-toroq kollha madwar dan is-sit tlesta' reċentement, u diġa' qegħdin jidhru effetti pożittivi ħafna ġewwa l-Ipoġew. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qiegħed jagħmel ħiltu kollha sabiex dan is-sit jinfetaħ mill-aktar fis-possibbli.
Is-Santwarju ta' Ġuno, tas-Silġ. Dan is-sit fil-preżent ma jistax jinfetaħ għall-pubbliku minħabba l-ħsara kbira li ssir lis-sit meta jirfsu n-nies fuqu. Bħalissa, pero`, qegħdin isiru sforzi biex tinġieb għajnuna finanzjarja u teknika mill-Gvern Taljan sabiex wieħed ikompli jibni fuq ix-xogħol siewi li sar mill-Missjoni Arkejoloġika Taljana mis-snin sittin, bil-għan li dan is-sit jiġi preżentat għall-pubbliku b'mod li ma jagħmilx ħsara.
Villa Rumana, San Pawl Milqgħi. Bħalissa qiegħed isir xogħol ta' manutenzjoni u diserbazzjoni fuq dan is-sit. Meta jkun hemm l-istaff meħtieġ, dan is-sit għandu jerġa' jibda jinfetaħ ta' l-anqas ġurnata fil-ġimgħa.
Villa u Ċisterna Rumana ta' Kaċċatura, limiti ta' Birżebbuġa. Fil-preżent dan is-sit għandu aċċess diffiċli ħafna. Huwa proġettat li fl-2001 isir proġett ta' titjib fl-aċċess u fil-preżentazzjoni ta' dan is-sit. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju qasir dwar uħud mill-problemi li qegħdin jaffetwaw dan is-sit fil-preżent, u kif jistgħu jiġu solvuti.
Ċirku tax-Xagħra, Għawdex. Dan is-sit għadu qiegħed jiġi skavat, u għalhekk għadu mhuwiex preżentat għall-pubbliku għal raġunijiet ta' sigurta`, tas-sit kif ukoll tal-viżitatur.
Ħarġa ta' Sansuna, fix-Xagħra, Għawdex. Dan is-sit mhux qed jinfetaħ għall-pubbliku, pero` jista' jitgawda minn barra r-reċint. Possibilta` għall-futur hi li jinħoloq reċint ġdid li jippermetti li dan is-sit jitgawda aħjar minn barra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6598?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sala fejn ikunu esibiti l-iskulturi ta' Antonio Sciortino kellha tingħalaq f'Awissu 1998 fuq parir tal-perit wara indaġini li saret fuq is-saqaf u l-ħitan ta' din is-sala, li nstabu f'qagħda perikoluża. L-iskulturi ġew mill-ewwel merfugħin fil-Mużew stess, għalkemm diversi skulturi għadhom esibiti fi swali differenti tal-mużew.
Il-pjanijiet preżenti huma li din is-sala terġa' tinbena mill-ġdid billi l-ħsara ma setgħetx tiġi rranġata. Hemm l-idea wkoll li x-xogħol kollu ta' Antonio Sciortino jittieħed fil-Mużew ta' l-Arti Moderna li qed jiġi ppreparat fil-palazz li jmiss mal-Mużew ta' l-Arti.
Ġejt assigurat li l-Mużew ta' l-Arti qed jieħu l-miżuri kollha biex l-iskulturi ta' Antonio Sciortino jkunu konservati u merfugħa f'post biex tkun assigurata konservazzjoni sħiħa. Il-parir hu li ma tkunx idea f'lokha li l-iskulturi ta' Antonio Sciortino jiġu separati mill-bqija tal-kollezzjoni nazzjonali li tagħha jagħmlu parti intima.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-pazjenta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha appuntament għall-14 ta' Lulju f'Hammersmith Hospital, Londra, għadha ma ngħatatx konferma mill-gvern li se tintbagħat għal dan l-appuntament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għadni kif ġejt nfurmat li l-Professur li jara l-pazjenta msemmija għandu jiġi Malta f'Novembru u għaldaqstant peress li ma hemm l-ebda urġenza, l-pazjenta m'hijiex ser tintbagħat Londra f'Lulju. Id-Dipartiment diġa nforma lil-pazjenta bid-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Freeport Corporation mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu li għalih qed issir riferenza, ġew impjegati 11 -il persuna ġdida. L-Ingaġġ sar permezz ta` proċeduri normali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u mhux permezz ta` xi sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Uffiċċju ta' l-Istatistika mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perijodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fl-Uffiċċju Ċentrali ta` l-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Air Malta plc mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi, il-Kumpaniji Air Malta impjegati 7 persuni bħala Cabin Crew fuq bażi temporanja, 21 persuna bħala skrivani fuq bażi part-time u 29 persuna oħra bħala loaders jew cleaners ukoll fuq bażi part-time.
L-ingaġġ sar permezz ta` proċeduri normali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u mhux permezz ta` xi sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Maltacom plc mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu li għalih qed issir riferenza ġie mpjegat ħaddiem wieħed fil-grad ta` Graduate Professional Officer Engineering (Electrical). Is-sejħa pubblika biex jimtela` dan il-grad ħarġet fil-31 ta` Lulju 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-M.I.A. mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Malta International Airport ma mpjegatx ħaddiema ġodda matul il-perijodu in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-MSCL mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi ġew impjegati tlett uffiċċjali eżekuttivi fil-Malta Shipbuilding.
L-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi kienu ħarġu u ġew pubblikati fis-26 ta` Lulju 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kif sospensjoni ta' kuntistabbli tal-pulizija li kien akkużat fil-Qorti b'korruzzjoni ġiet imneħħija u reġa' iddaħħal fil-korp biex nhar il-Ġimgħa, 7 ta' Mejju ġie kkundannat sena ħabs fuq dan l-istess każ? Jista' jgħid min neħħa din is-sospensjoni u x'kienet ir-raġuni la l-każ fil-Qorti kien għadu ma ġiex deċiż? Hemm xi pulizija oħra li kienu sospiżi fuq xi każ li tressaq u reġgħu bdew bix-xogħol regolari tagħhom fil-korp qabel ma ġie deċiż il-każ mill-Qorti? Fuq liema akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadu fi stadju ta` Appell, għaldaqstant ma nħossx li għandi nagħti dettalji dwaru. Kif kelli okkażżjoni ngħid, pubblikament, il-policy vigenti dwar sospensjoni mid-doveri ta` membri tal-Korp li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom, hi li ħlief fejn iċ-ċirkostanzi, u n-natura tar-reat jindikaw mod ieħor, minflok jiġu sospiżi jkunu trasferiti għal post anqas sensittiv sakemm jinqata` il-każ tagħhom.
Hekk kif jinqata` il-każ, jibdew imbagħad il-proċeduri ta` dixxiplina quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li jistgħu jwasslu għal tkeċċija.
Kull sospensjoni jew ir-revoka tagħha trid tiġi approvata mill-PSC, kif ġara f`dan il-każ. Il-persuna konċernata mill-iskwadra speċjali tal-A.L.E. ġiet trasferita għall-Għassa ta` Raħal Ġdid.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm każ ieħor fejn membru tal-Korp reġa` ddaħħal lura għax-xogħol, f`post differenti milli kien qabel, skond din il-policy u wara li ġiet segwita il-proċedura neċessarja. Dan huwa akkużat li ikkommetta arrest illegali u ikkawża ferita ħafifa fuq persuna. Mill-S.A.G. ġie assenjat xogħol ta` fattiga.
31.05.99(a.m.)
Minn Settembru, 1998 sa l-10 ta' Mejju, 1999 jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħlu lura pulizija li kienu ħarġu mill-korp? Ta' liema rank huma? Kemm kienu ilhom barra? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern li jdaħħal lura pulizija li jkunu telqu mill-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma ddaħħlu lura l-ebda pulizija li kienu ħarġu mill-Korp.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W25.
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul it-tieni term tas-sena skolastika: 1) ingħataw permess li joħorġu studenti mill-iskola qabel għalqu s-16-il sena; kemm kienu bniet; 2) kemm minn dawn kienu minn skejjel privati jew tal-knisja; 3) x'kienu r-raġunijiet prinċipali li ngħata permess; 4) jista' jgħid x'inhu t-total kollu ta' permessi li ngħataw matul din is-sena skolastika s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi nvestigat l-ilment tal-ġenituri ta' l-istudent, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament) li ġie ttrattat ħażin minn għalliem tax-xjenza? X'rimedji qed jiġu suġġeriti għal din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-omm kif ukoll in-nanniet ta' l-istudent tkellmu mas-Surmast kemm fuq it-telefon kif ukoll personali, u l-ilmenti tagħhom ġew investigati u risolti fl-iskola fl-istess ġimgħa.
L-istudent imsemmi ma ġiex ittrattat ħażin mill-għalliem, iżda l-għalliem intervjena biex iferraq lill-istess student waqt ġlieda fil-klassi. Jista' jkun li l-istudent intlaqat aċċidentalment.
L-istudent qiegħed jattendi b'mod regolari għall-lezzjonijiet kollha.
Jista' jkun hemm inizjattiva mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex is-sena li ġejja aktar skejjel tal-gvern jieħdu sehem fil-Fiera tar-Rebbiegħa bħala solidarjeta' attiva' ma' l-adoloxxenti u żgħażagħ ta' pajjiżi oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Għaddejt is-suġġeriment lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-konsiderazzjoni tagħhom.