B'riferenza għall-għajnuna li qed tibgħat l-FAO għall-Malta sabiex jitkompla l-ftehim li kien sar bejn il-FAO u l-Gvern Laburista preċedenti għall-ġid tal-biedja, jista' l-Ministru jinformani min kienu l-esperti dinjija tal-biedja li ġew Malta mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienet il-missjoni tagħhom u x'follow-up qed issir?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-esperti tal-FAO li ġew Malta kienu Dr. Thomas Lonc, Dr. R Roberts u Dr. P Munro Faure. L-esperti tal-FAO kellhom diskussjonijiet dwar rapporti li tlestew minn diversi konsulenti Maltin fid-dawl tar-riattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħol li sar bħala kontinwazzjoni tal-Agri Ecological Survey? X'apparat inxtara sabiex jitħaffef ix-xogħol? Kemm inġiebu tekniċi sabiex il-proċess jimxi aħjar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sezzjoni tal-Kimika Agrarja qiegħda taħdem mal-MITTS sabiex jiġi finaliżżat il-programm tad-'data base' sabiex dan jgħin f'dan l-istħarriġ Agro Ekoloġiku. L-apparat tal-laboratorju meħtieġ bħal 'fume cabinet' qiegħed jinxtara u oħrajn bħal tal-Analisi Kimika tal-ħamrija sa jinxtara' iktar tard.
Matul it-tlett xhur tas-sajf is-Sezzjoni tal-Kimika Agrarja se jkollha magħħa żewġ studenti, wieħed mill-Universita' ta' Brighton, u l-ieħor mill-Universita' ta' Malta, biex jigħinu f'dak li hu 'field survey' u 'data analysis' tal-proġett. Barra minn hekk, iż-żewġ studenti li s'issa kienu qed isegwu l-kors ta' diploma ġewwa l-Istitut ta' l-Agrikoltura fl-Universita' ta' Malta, issa se jagħtu sehmhom ukoll f'dan l-istħarriġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'ammonti ta' droga nqabdu mill-ewwel ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' April? X'tip ta' droga nqabdet? Kemm kienu arrestati persuni biex jgħinu l-investigazzjonijiet? Kemm-il raid sar mit-taqsima ta' kontra d-droga b'konnessjoni mad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u tip ta' droga maqbuda mill-Pulizija bejn Jannar u April ta' l-1999 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu ġew miżmuma 261 persuna sabiex jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet dwar droga, filwaqt li t-Taqsima ta' kontra d-droga tal-pulizija għamlet 333 tfittxija.
01.06.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' armi liċenzjati li hawn fil-pajjiż u taħt liema kategoriji huma maqsumin bejn to keep u to carry?
Jaħseb il-Ministru li minkejja d-diversi konċessjonijiet li ngħataw fil-passat, xorta waħda għad hawn ammonti ta' armi fl-idejn bla liċenzja tal-kummissarju tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-26 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' armi liċenzjati kien ta' 55,416 li minnhom 40,248 jistgħu jinġarru għal skop ta' kaċċa u/jew sport minn persuni li jkollhom liċenzja għal ġarr ta' arma.
Wieħed qatt ma jista` jeskludi l-eżistenza ta' armi mhux liċenzjati minkejja konċessjonijiet li jistgħu jingħataw minn żmien għal żmien.
01.06.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi ta' fizzjali jeżistu fil-korp tal-pulizija u fejn jinsabu? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-vakanzi jimtlew fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, sabiex ikunu mimlija l-postijet ta' fizzjali fil-Korp tal-Pulizija kif maħsub, huma meħtieġa 11-il Supretendent u 25 Spettur. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li, fil-proċess biex jimtlew dawn il-vakanzi, għadhom kif temmew b'suċċess il-kors ta' taħriġ 24 uffiċjal kadett.
01.06.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid xi tħejjijiet il-Pulizija qed tagħmel biex tassigura aktar safety fil-bajjiet u xtut Maltin issa li dieħel l-istaġun tas-sajf? Fil-fatt il-Pulizija kemm għandhom opri tal-baħar li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza?
Response (BORG, TONIO)
Fis-sajf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma' l-għaqdiet volontarji ser jorganizza 'Life Guard Service' fi tliet bajjiet prinċipali f'Malta, li huma l-Għadira, Għajn Tuffieħa u Birżebbuġia. Għal dan l-iskop id-dipartiment jipprovdi mobile homes u tagħmir ieħor neċessarju tas-salvataġġ. B'kollox l-ammont ivvotat għal dan il-għan ilaħħaq l-Lm20,000. L-għaqdiet volontarji li jieħdu sehem f'din l-attivita` huma s-St. John`s Ambulance Brigade, St. John Rescue Corp, Malta Red Cross Society u r-Royal Life Saving Society. Din is-sena qed isiru attentati biex is-servizz jiġi estiż ukoll f'Għawdex.
Għal dak li għandu x'jaqsam mall-ħidma tal-Korp tal-Pulizija f'dan il-qasam, ninsab infurmat illi l-Pulizija flimkien ma' l-Awtorita` Marittima jikkordinaw bejniethom sabiex jitqegħdu l-bagi biex jipproteġu l-għawwiema f'dawk il-bajjiet l-aktar iffrekwentati. Barra minhekk, fix-xhur tas-sajf, il-Pulizija, permezz ta' erba` opri tal-baħar tagħmel sorveljanza fix-xtut u l-bajjiet sabiex ma jkunx hemm abbużi minn persuni permezz ta' speedboats u opri oħra tal-baħar.
Korporazzjonijiet Parastatali — Year 2000 Compliant
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx korporazzjonijiet parastatali li rriżultaw li m'humiex Year 2000 Compliant? Jekk iva, liema huma u x'passi rimedjali qed jittieħdu għaż-żmien li baqa'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1640, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'inhu l-iskop li għalih hemm pannell mwaħħal ma' l-arblu tal-Għargħur użat mill-Bank Ċentrali ta' Malta? Minn meta beda jintuża l-imsemmi pannell mill-Bank Ċentrali ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena mgħarraf li l-Bank Ċentrali ta' Malta għandu żewġ diapoles mwaħħla mat-torri ta' trasmissjoni fil-Għargħur. L-iskop ta' dan it-tagħmir hu biex igħin fil-kommunikazzjoni bir-radju li juża l-Bank. Dan l-apparat beda jintuża f'Ottubru 1992.
Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni teżisti dwar il-post tad-dfin li jmur lura għal żmien il-pre-istorja u li kien instab f'Santa Luċija f'Malta fl-1976 waqt xogħol ta' bini ta' djar?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' vetturi tuża l-Korporazzjoni Enemalta (light cars)? Kemm minn dawn il-vetturi huma tal-kiri? Min huma l-persuni li suppost jużawhom? Huwiex permissibbli li dawn il-vetturi jintużaw wara l-ħin tax-xogħol? Jekk iva, minn min jistgħu jintużaw wara l-ħin tax-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tajjeb jingħad li wieħed irid jifhem li l-Korporazzjoni Enemalta tipprovdi servizz 24 siegħa kuljum u għalhekk it-terminu `wara l-ħin tax-xogħol` ma tantx joqgħod għaliex din il-korporazzjoni l-ħin kollu jkollha ħaddiema li jkunu `on call għal li jista` jinqala`. Għaldaqstant ikun hemm Engineers u Technical Officers li għandhom permess jieħdu l-karozza magħhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-vetturi ta' l-AFM humiex koperti b'polza t'assigurazzjoni? Jekk le, f'każ ta' inċident stradali li jkun dovut għal negliġenza tas-sewwieq tal-vettura ta' l-AFM, min jagħmel tajjeb għal ħsarat? Dan ifisser li l-gvern huwa bilfors passibbli fil-Qorti għar-riżorċiment ta' danni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-vetturi tal-FAM mhumiex assigurati. F'każ ta' aċċident stradali li jirriżulta li seħħ ħtija tas-sewwieq militari, l-ispejjez kollha konnessi ma l-aċċident jitħallsu mill-FAM.
Meta jkun hemm dubji ta' min hu t-tort, jew jekk ma jkunx tort tas-sewwieq militari, l-każ jista jiġi riferut lill-Qorti Ċivili, skond il-parir li jagħti l-Avukat tar-Repubblika.
Jista' l-Ministru jillumina lill-Kamra dwar ir-raġuni għaliex l-impjegat mal-Kalaxlokk Company, li ismu qed jintbagħat separatament ilu sa mill-1992, bl-istess paga salv iż-żieda statutorja għall-għoli tal-ħajja? Għaliex impjegat ieħor li ġie impjegat mal-Kalaxlokk fil-15 ta' Ġunju, 1994, bl-istess kwalifiki tiegħu jingħata paga ogħla? Jaħseb il-Ministru li wara seba' snin ta' servizz tajjeb u leali, impjegat għandu jkun eliġibbli għal promotion jew żieda fil-paga tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi mistħarreġ u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari numru 6132, jista' l-Ministru jivverifika l-informazzjoni kif mogħtija peress li hemm ta' l-inqas każ ieħor ta' terrazzin mibni llegalment fi Triq il-Lellux, Santa Lucija ġewwa l-block tal-flats "G" u l-blokk "H" u fir-rigward ta'dawn ma ttieħdu l-ebda passi? Għaliex f'każ inħareġ avviż ta' twettiq u f'każi oħra le, minkejja r-rapporti li diġa' saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar wara li saru rapporti anonimi dwar żvilupp illegali fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, irriżulta li kien hemm numru ta' terazzini li skond informazzjoni mgħoddija tindika li dan ix-xogħol kien sar minn ħaddiema tal-Gvern snin ilu u meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u allura ma setgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'dawn il-każijiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi proċeduri ta kawtela neċessarja qegħdin jittieħdu mal-Korporazzjoni Enemalta għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effetti ta' l-hekk imsejħa millenium bug fl-apparat li jista' jiġi hekk affettwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni ilha taħdem fuq il-Proġett Y2K għal aktar minn 18 -il xahar. Uffiċjali ta` l-Enemalta għamlu inventarji fuq is-sistemi kollha ta` l-Informazzjoni Technology, kif ukoll l-Embedded Systems, il-hardware kif ukoll l-infrastruttura u t-tagħmir reletat.
Inkisbu wkoll assigurazzjonijiet mingħand min iforni lill-Korporazzjoni fit-tagħmir u s-servizzi relatati. Fejn kien hemm bżonn, dawn in-nies kienu wkoll involuti fl-evalwazzjoni, ittestjar u t-twaħħil ta` kwalunkwe non-compliant software, hardware u tagħmir ieħor.
Ta` min jinnota wkoll li ħafna mit-tagħmir li hemm fil-Korporazzjoni hu mekkaniku u għalhekk mhuwiex data-sensitive. L-Enemalta qed tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tara li tibqa` tinżamm kontinwita` fis-servizz malli jibda l-millenju l-ġdid.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi proċeduri ta kawtela neċessarja qegħdin jittieħdu mal-kumpannija Maltacom p.l.c. għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effetti ta' l-hekk imsejħa millenium bug fl-apparat li jista' jiġi hekk affettwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4026 fejn jirriżulta li ma hemm ebda student fl-iskejjel sekondarji tagħna li qegħdin jitgħallmu l-Latin, jista' l-Ministru jinformani jekk hemmx raġuni partikolari għal dan u t-tieni jikkonsidra ħidma minn naħa tad-Dipartiment sabiex dan in-numru jiżdied fis-sena li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ir-raġuni primarja tidher li hi li l-istudenti u l-ġenituri tagħhom jaraw iżjed vantaġġi prattiċi u għajnuna għall-karriera tagħhom fil-futur jekk jistudjaw lingwa barranija moderna milli fl-istudju tal-Latin.
Qed tingħata ħarsa tajba lejn it-tagħlim tal-lingwi barranin u l-interess fihom ta' l-istudenti u tal-ġenituri tagħhom, iżda mhux probabli li jkun hemm xi tibdil mis-sena li ġejja għaliex perċezzjoni u fehma pubblika ma tinbidilx daqshekk malajr.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4025 et seq, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju ta' xogħol u restawr wasal fih il-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-Istorja Naturali billi dan jidher li qiegħed fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mat-Tarzna mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mat-Tarzna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-WSC mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-perijodu msemmi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma ma mpjegatx ħaddiema ġodda.