Jista' l-Ministru jinvestiga u jinforma lill-Kamra għaliex l-X-Ray Machine fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat ilha bil-ħsara għal ammont sostanzjali ta' żmien u dan b'riżultat illi min jeħtieġlu dan is-servizz ikollu jmur St Luke's Hospital?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata iżjed tard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Mill-1 ta` Jannar 1999 sas-26 ta` April 1999 kien hemm transfer wieħed mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dan fuq talba tiegħu stess.
Transfers fid-Dipartiment isiru skond il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema fid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma ngħataw ebda transfers mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fil-perjodu ta` bejn 1 ta` Jannar 1999 u s-26 ta` April 1999.
Ma hemm ebda ħsieb li fil-futur qarib immedjat jsiru xi transfers minn dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tal-Bank Ċentrali? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Matul il-perjodu bejn l-1 ta` Jannar 1999 sas-26 ta` April 1999 ingħataw ħdax-il transfer lill-ħaddiema tal-Bank Ċentrali.
Dawn it-transfers li saru għal raġunijiet konessi ma` esiġenzi tax-xogħol, laħqu wkoll l-iskop li l-impjegati jingħataw ċans jaħdmu xogħol differenti biex jiżviluppaw il-karriera tagħhom. Dawn it-transfers minn dejjem kienu jsiru fil-Bank u jibqgħu jsiru anke fil-futur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fid-Dipartiment tad-Drenaġġ bejn l-01/01/99 u s-26/04/99 kien hemm dawn it-transfers:
1 Senior Engineer ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fuq talba tiegħu stess. (26/04/99)
1 General Hand ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi minħabba esiġenzi tas-servizz.(30/03/99)
1 Ħaddiem tad-Drenaġġ trasferit għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara li laħaq Assistance & Rescue Officer.(15/02/99)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfes fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-perjodu imsemmi mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta'April 1999 persuna waħda ġiet trasferita mid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika għal Dipartiment ieħor fil-Ministeru ta' l-Ambjent. Dan it-transfer ingħata fuq talba tal-ħaddiem stess. Jekk fil-futur isiru xi trasferimenti, dawn isiru skond in-neċessita' tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 fl-Isptar San Luqa? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 t'April 1999 saru 98 transfers fl-Isptar San Luqa. Minnhom 63 intalbu mill-impjegati stess. Il-bqija saru u jibqgħu jsiru skond l-esiġenzi tas-servizz.
Bejn il-perijodu Ottubru 98 sa April 99, jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel kellna każi fejn membri tal-minor staff ħabtu għall-kapijiet, assistenti kapijiet u għalliema? X'passi ttieħdu kontra dawn il-persuni li naqsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġew irrapurtati żewġ każijiet fejn membri tal-Minor Staff allegatament ħebbew għall-Kap ta' l-Iskola tagħhom u li f'każ minnhom l-awtoritajiet qegħdin f'kuntatti mal-Pulizija dwar l-azzjoni minn naħa tagħhom, u filwaqt li t-tieni każ qiegħed quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-istipendji ta' l-istudenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi jekk jirriżulta li t-tnaqqis proposti fl-istipendji ma jagħmlux tajjeb għalihom dawk li jħaddmu f'dawn is-settur?
Response (REFALO, MICHAEL)
Imħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ l-istipendi ta' l-istudenti tal-'I.T.S.' ser jibqgħu kif inhuma llum. It-taħdidiet li qed isiru mar-rappreżentanti tas-settur privat, u li nbdew ferm qabel ma tlesta r-rapport Galdes, huma maħsubin biex is-settur jagħmel kontribut lill-'I.T.S.'
Jista' l-Ministru ma' liema kunsilli lokali sar xogħol fi skejjel primarji Maltin minn Jannar 99 sa April 99? F'liema skejjel sar dan ix-xogħol? F'liema skejjel u ma' liema kunsilli lokali hemm maħsuba xogħlijiet sa l-aħħar ta' l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu Jannar 1999 sa April 1999 sar xogħol ma dawn il-Kunsilli Lokali fl-iskejjel li ġejjin:
KUNSILL LOKALI SKOLA
Naxxar Skola tas-Snajja' 'Stefano Zerafa'
Qrendi Kumpless Skolastiku tal-Qrendi
School for the Visually Impaired
Marsa Skola Sekondarja Subien 'F.X.Attard'
Marsaxlokk Skola Primarja Marsaxlokk
Dingli Skola Primarja Dingli
Mill-Vot Kapitali - "Item 7 Refurbishment and Maintenance in Government School" għas-sena 1999 ġiet allokata s-somma ta' nofs miljun lira. Sa issa dan l-ammont ta' flus diġa' ġie kommess kollu.
Fil-fatt, huwa l-ħsieb tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jsir xogħol ma' dawn il-Kunsilli Lokali u f'dawn l-iskejjel li ġejjin:
KUNSILL LOKALI SKOLA
Naxxar Skola Sekondarja Ogħla - Naxxar
Dingli Skola Primarja Dingli
Siġġiewi Skola Primarja Siġġiewi
Paola Skola Primarja Paola B
Skola Primarja Paola A
Żabbar Skola Primarja Żabbar B
Pembroke Skola Primarja Pembroke
B'Kara Skola Primarja Sta Venera B
Kalkara Skola Primarja Kalkara
Tista' l-Ministru tgħid ma' liema kunsilli lokali Għawdxin hemm ftehim għal xogħol fl-iskejjel primarji Għawdxin? X'xogħol sar minn dan il-ftehim? Hemm xi ħsieb ta' xogħol simili matul din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li iktar kmieni din is-sena ikkummissjonajt perit biex jagħmel rapport fuq it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Għawdex. Dan ir-rapport tlesta u ġie sottomess ftit jiem ilu. Il-Ministeru qed jistħarreġ kif jista' l-aħjar jitwettaq dan il-programm ta' xogħolijiet. Sadanittant iżda ħarġu offerti għal xogħolijiet li se jsiru b'kuntratt.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini fuq l-estensjoni ta' l-iskola post-sekondarja Sir MA Refalo f'Għawdex? Meta tlesta l-bini? Min tqabbad ilesti t-tenders għax-xogħol li baqa'? Meta tlestew it-tenders? Liema ġew pubblikati? Liema ma ġewx pubblikati? Għaliex? Liema tenders ġew deċiżi? Meta se jitkompla x-xogħol kollu? Meta hu ppjanat li jkun lest?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini eżistenti ta' l-Iskola Post-Sekondarja Sir M A Refalo beda f'nofs Novembru, 1998 u tlesta f'nofs Frar ta' din is-sena.
It-tenders għax-xogħol li baqa', tqabbad biex jagħmilhom il-Perit Maurice E Galea, External Advisor tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Furjana. It-tenders li baqa' tlestew minn kollox u tnejn minnhom ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tat-Tlieta, 25 ta' Mejju, 1999, Avviż Nri 13 u 14, filwaqt li t-tnejn l-oħra li jirigwardjaw Electrical and Mechanical Works u Equipment mistennija joħorġu mid-Direttur tal-Kuntratti aktar tard. It-tenders kollha jiġu deċiżi wara li jagħlqu u x-xogħol jitkompla immedjatament wara. Hu ppjanat li dan ikun lest għas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma speċifiċi li l-gvern mhux lest iċedi dwarhom fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea dwar sħubija?
Response (BORG, JOE)
M`huwiex għaqli li l-pożizzjoni li l-Gvern Malti fi ħsiebu jadotta waqt in-negozjati dwar aspetti partikolari li dwarhom jridu jsiru n-negozjati tiġi żvelata minn qabel.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif laqa' t-talba tal-UĦM biex issir konferenza nazzjonali dwar il-qgħad minħabba li pajjiżna bħalissa għandu l-għola ċifra ta' qgħad ta' dawn l-aħħar 12-il sena kif ukoll minħabba li din il-figura telgħet b'1,200 persuna f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
31.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-KPH u l-Ministeru mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti li saru laqgħa, laqgħa u xi żviluppi ġew reġistrati? X'hemm pendenti u meta se jitkomplew l-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bejn il-5 ta' Settembru l-hawn saru 4 laqgħat formali bejn il-KPH u l-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd. Dawn saru fis-27 ta' Ottubru 1998, 13 ta' Novembru, 1998, 19 ta' Novembru 1998 u fis-16 ta' Mejju 1999. Barra minn dawn saru ħafna aktar laqghat mhux formali.
Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi suġġetti u materji ta' interess għall-istess Koperattiva. Kif ikun hemm riżultati konkreti, ovjament mingħajr supposizzjonijiet, dawn jiġu ppublikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn mal-hatcheries u l-processors tat-tiġieġ? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti li saru laqgħa, laqgħa u xi żviluppi kien hemm? Meta jmiss li jerġgħu jsiru xi laqgħat oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sa issa għada ma saret l-ebda laqgħa formali ma assoċjazzjoni li tirrapreżenta b'mod uffiċċjali lill-hatcheries u l-proċessuri tat-tiġieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-FOI sabiex tiġi diskussa l-azzjoni tal-FOI fuq il-laħam taċ-ċanga tal-BIS minn Jannar 'l hawn? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-Ministeru f'dawn il-laqgħat? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-FOI f'dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kien hemm żewġ laqghat mal-FOI, dawn kienu fit-18 ta' Frar 1999 u 25 ta' Marzu 1999.
Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi suġġetti u materji ta' interess għall-istess korp kostitwit. Kif ikun hemm riżultati konkreti, ovjament mingħajr supposizzjonijiet, dawn jiġu ppublikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-FOI sabiex tiġi rimedjata l-azzjoni tal-FOI fuq il-laħam taċ-ċanga friska pproċessat lokalment?
X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-Ministeru għal soluzzjoni f'dawn il-laqgħat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Inżammet diversi laqgħat bejn il-Ministeru u l-Federazzjoni ta` l-Industriji dwar il-materja li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Matul dawn il-laqgħat sar bdil ta` opinjonijiet dwar il-materja u fil-preżent qed jiġi evalwat x`effett jista` jkollhom il-proposti magħmula.