Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac it-Triq N/S in St. Venera Road, Imsida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq imsemmija qegħdin imniżżla fil-programm ta` xogħolijiet li qed iħejji d-Dipartiment flimkien mal-Kunsilli Lokali, u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li ser jiżviluppaw minn dan il-programm dwar it-toroq lokali, li hu differenti mill-programm dwar it-toroq arterjali.
Jista' l-Ministru jgħid min impjega l-coach mit-Tarkmenistan li akkumpanja tiraturi Maltin waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? Kemm dam Malta u kemm tħallas waqt li kien hawn fuq ix-xogħol tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħatriet ta' coaches li akkumpanjaw diversi sportivi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar sar mill-Kumitat Olimpiku Malti. Għalhekk ma nistax nirrispondi għall-mistoqsijiet dwar kemm dam Malta u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkwilini ta' Triq Sant'Anna, fil-Furjana jistgħux jixtru l-appartamenti fejn joqogħdu? Jekk le, x'inhi l-problema u jekk hemmx xi ħsieb li tiġi rranġata?
Response (BORG, TONIO)
Bħalma diġa` għidt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7191, sabiex il-Gvern ikun jista` jiddisponi minn postijiet mikrija, l-art li fuqhom jinsabu dawn il-postijiet trid tkun tal-Gvern b'titlu assolut.
Ħafna mill-art fi Triq Sant'Anna, il-Floriana, ġiet meħuda b'titlu ta' 'possession and use'. Il-proprjeta` tal-Gvern li tinsab fuq din l-art tista` tinbiegħ biss jekk is-sidien li kienu jipposjedu din l-art jew il-fondi li kien hemm, ikunu lesti li jaqilbu t-titlu għad-dominju pubbliku (public tenure) u kontestwalment ibiegħu l-kera tal-għarfien (recognition rent) lill-Gvern.
Is-sidien li kellhom proprjeta` meħuda b'dan il-mod qegħdin jiġu mħajjra jagħmlu dan.
Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Korsijiet fil-Middle Management
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena d-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi huwiex beħsiebu jorganizza korsijiet fil-Middle Management bħalma kien sar fi żmien preċedenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet bi ħsiebha torganizza kemm kors ieħor fil-Middle Management bħalma kien sar fi żminijiet preċedenti kif ukoll torganizza kors ta' grad għola għal dawk l-impjegati li temmew b'suċċess l-ewwel kors.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ applikazzjonijiet bin-numru PA 7070/98 u PA 6850/98 li saru għand l-awtorita' ta' l-ippjanar ġewx maqbuża minn applikazzjonijiet oħra speċjalment meta dawn ġew biex jidħlu fl-agenda? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-raġuni li sar hekk? X'passi se jittieħdu biex affari bħal din ma terġax tirrepeti ruħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 7070/98 qed tistenna r-risposta tal-perit rigward ir-rapport li tħejja mill-case officer, u għaldaqstant qatt ma kienet tistenna biex tiħdol fl-aġenda.
Dwar l-applikazzjoni PA 6850/98 ninsab infurmat li din diġa` kienet fuq l-aġenda. Iżda peress li ġew mitluba fresh plans dwarha u dawn issa waslu, l-applikazzjoni tidħol fl-ewwel aġenda disponibbli.
Jaf il-Ministru li l-arloġġ fil-Port taċ-Ċirkewwa ilu ma jaħdem għal żmien twil? Jaf li barra li dan l-arloġġ mhux jaħdem jinsab imgeżwer bi plastic iswed u qiegħed jagħti dehra kerha, speċjalment mal-barranin? Jista' l-Ministru jara li dan l-arloġġ jissewwa jekk inhu possibbli, u jekk le jinbidel ma ieħor addattat aktar għal dak l-ambjent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Taf il-Ministru li Triq Klula, Santa Luċija, Għawdex tinsab fi stat diżastruż u tinħtieġ resurfacing? Tista' l-Ministru tieħu din l-affari f'idejha u tara li x-xogħol meħtieġ isir kemm jista' jkun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ix-xogħolijiet ta' manutenzjoni fi Triq Klula Kerċem jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Kerċem.
Taf il-Ministru li minkejja li ilu li nbeda x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Chev. Zammit Haber, Xewkija, din is-sistema għadha mhix tiffunzjona minħabba li mhix kompluta? X'inhi r-raġuni li x-xogħol fuq din is-sistema ma tkompliex? Meta beħsiebu jitkompla dan ix-xogħol biex din is-sistema tkun tista' tiffunzjona?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-sistema tad-drenaġġ fi Triq Chev Zammit Haber, Xewkija hija nkluża fil-programm tax-xogħolijiet tad-drenaġġ f'Għawdex, u hemm il-ħsieb li x-xogħolijiet pendenti jitkomplew fiż-żmien opportun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus marbuta mal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru dan l-aħħar u fiex intnefqu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li din id-darba rbaħna inqas midalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux possibbli li jingħata rendikont preċiż tan-nefqa konnessa mal-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għax l-ispiża ma ssirx mill-Gvern dirett. Il-Gvern jagħti għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti biex tkopri parti mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f'dawn il-logħob.
Il-Ministeru mhux responsabbli għall-ammont ta' medalji li ntrebħu jew ma ntrebħux għalkemm jagħmel l-assessment tiegħu fuq ir-riżultati miksuba. Ir-raġunijiet fuq l-ammont ta' medalji miksuba ingħataw mill-uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti u Assoċjazzjonijiet Sportivi.
Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm: 1) saru spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment biex ikun żgurat li persuni taħt l-eta' ma jkunux preżenti; 2) inqabdu nies li ma kellhomx sittax (16)-il sena f'dawn il-postijiet ta' divertiment; 3) X'passi ttieħdu kontra dawk li ħallew persuni taħt l-eta' jidħlu u jixorbu kontra l-liġi? Issa li dalwaqt ikun hemm żieda qawwija ta' żgħażagħ kemm lokali kif ukoll barranin minħabba l-btajjel tas-sajf f'postijiet fejn hemm divertiment, jista' jgħid jekk huwiex kontemplat żieda fin-numru ta' pulizija biex titħares il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena il-Pulizija għamlet 1,340 spezzjoni f'postijiet ta' divertiment li b'riżultat tagħhom inqabdu 40-il persuna taħt is-sittax-il sena.
Ninsab infurmat ukoll illi fl-istess perijodu l-Pulizija ħadet passi kriminali kontra 11-il persuna talli ħallew persuni taħt is-sittax-il sena jidħlu f'dawn il-postijiet.
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġiba preċedenti, ser jibqgħu jsiru spezzjonijiet sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm dawn l-abbużi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur ta' l-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti għandux id-dritt jhedded li ma jingħatawx aktar fondi lill-għawwiema Maltin wara r-riżultati fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? Meta l-gvern jalloka somma ta' flus konsiderevoli għal dan il-għan? Jista' l-Ministru jassigura li l-għawwiema kollha Maltin fil-fatt laħqu l-livell mitlub qabel ma marru għal dan il-logħob? Il-kwalifikazzjoni intlaħqu waqt xi kompetizzjoni? Mill-atleti fi sport ieħor, dawn kollha laħqu l-kwalifikazzjoni rikjesta? X'kontroll isir mill-Kumitat Olimpiku Malti waqt li jkunu qed isiru l-preparamenti ta' l-għaqdiet sportivi ndividwali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat Olimpiku Malti jista' jżomm biss dik il-parti tal-fondi fid-dispożizzjoni tiegħu li jiġu minn sorsi oħra barra dawk mogħtija mill-Gvern. Mhuwiex il-ħsieb li l-Gvern jaqta' xi fondi lil xi sport partikolari. Madankollu l-fondi mgħoddija mill-Gvern għandhom ikunu marbuta ma kundizzjonijiet u strateġija li jiżguraw li jintlaħqu l-miri stabbiliti.
Il-Kumitat Olimpiku Malti huwa responsabbli li joħroġ l-istandards ta' kwalifiki, li jiżgura livelli tajba u li l-atleti magħżula jkunu laħqu l-istandards li jogħorġu minn dawn il-kriterji.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mir-rapport li kienu għamlu l-periti dwar il-qlugħ ta' madum fil-Pixxina Nazzjonali ftit aktar minn sena ilu? Ittieħdet xi deċiżjoni dwar ta' min kien it-tort li saret il-ħsara?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-postijiet f'Malta li huma World Heritage Sites?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Malta għandha dawn is-siti u postijiet fil-lista tal-UNESCO World Heritage:
Ħal Saflieni [Lista 5/9/80]
Ġgantija }
Tarxien }
Ħaġar Qim } [Lista 5/9/80]
Mnajdra }
Ta' Ħaġrat }
Il-belt Valletta [Lista 5/9/80]
Jikkonferma l-Ministru li fil-ġimgħat li ġejjin se joħorġu s-sejħiet għall-offerti għat-tarmac tat-toroq li huma biswit l-iskola primarja ta' Ħal Tarxien, ħdejn it-Triq tal-Barrani u b'hekk jinbeda t-tmiem tal-kalvarju tar-residenti ta' l-inħawi li ilhom ibatu għal snin sħaħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq imsemmija qegħdin imniżżla fil-programm ta` xogħlijiet li qed iħejji d-Dipartiment flimkien mal-Kunsilli Lokali, u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li ser jiżviluppaw minn dan il-programm dwar it-toroq lokali, li hu differenti mill-programm dwar it-toroq arterjali.
Jikkonsidra l-Ministru li dawk li jkollhom il-pussess ta' arma tan-nar żgħira mingħajr il-permessi neċessarji u jinstabu ħatja, minflok il-multa u l-konfiska awtomatika u eterna f'każ ta' ħtija, jibdew jingħataw il-fakulta' li jerġgħu jieħdu lura l-arma in kwestjoni wara ċertu żmien (ngħidu aħna, sena) wara li jkun ħallas somma/penali li minnha jibbenefikaw l-erarju pubbliku, speċjalment jekk il-flus miġbura jmorru għand il-Korp tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Arma tan-nar, żgħira kemm hi żgħira, xorta waħda tibqa` perikoluża u tista` toqtol. Il-konfiska tal-corpus delicti hija minnha nnfisha ta' deterrent.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tħawlu siġar matul is-snin 1996-1999 fir-raba' distrett elettorali?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7486 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-rekords li għandu d-Dipartiment minn 1996 il-quddiem sar dan it-tħawwil fir-raba' distrett elettorali.
Sena Siġar Arbuxelli
1996 149 1,040
1997 612 2,112
1998 760 206
1999 44 179*
* L-informazzjoni tas-sena 1999 hija sa' l-aħħar ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każijiet li qegħdin jiġru fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard fejn tfal ta' eta' żgħira ħafna qegħdin jiġu mġiegħla jġorru għamara tqila fil-klassijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola ta' Ħ'Attard bħalissa qed isir xogħol ta' kostruzzjoni u ta' manutenzjoni. Tfal minn Year V ġew mitluba biex joħorġu s-siġġijiet mill-klassijiet tal-Year 1 u jtellawhom fil-klassijiet il-ġodda. Id-daqs ta' dawn is-siġġijiet huwa ħafna iżgħar minn dak ta' siġġijiet normali. It-tfal ma ġewx imqabbda jġorru mwejjed jew għamara oħra.