Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-lukandi li wara li kien ippjanat li se jkollha t-turisti għal dan is-sajf, dawn ikkanċellaw il-btala tagħhom f'Malta, u l-lukandi spiċċaw biex flok bit-turisti mtlew bl-istudenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor. Interpellant ma jressaq ebda fatt biex isostni l-allegazzjoni tiegħu li kien hemm turisti li ħassru l-prenotazzjoni għall-btajjel f’Malta.
Infurmat li dan, lanqas jirriżulta lill-MTA.
Nixtieq nispjegalu wkoll li s-settur tat-TEFL hu niċċa ewlenija tat-turiżmu. Kif joħroġ mill-istatistika tal-NSO min jiġi Malta biex jitgħallem l-Ingliż għandu għażla fejn joqgħod. Il-maġġoranza kbira tiġi akkommodata ma’ host families waqt li l-bqija jiġu alloġġati f’appartamenti u lukandi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-proġett ta' bini ta' flats mill-MIDI fil-pjanta mmarkata T4 ġewx ikonsultati sidien oħra ta' lukandi li jmissu mal-proġett tal-MIDI peress li bil-proġett tal-mina tilfu spazju li kellhom quddiem il-lukanda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jistax iqabbad lid-dipartiment tal-VAT jinvestiga l-abbuż li qed isir minn min imexxi t-tuckshop tal-junior lyceum Ħamrun tas-subien u qed jagħti chips li jissarfu flok flus biex hekk ma jkunx hemm tranżazzjonijiet finanzjarji u hekk ma jħallsux VAT?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li min imexxi tuckshops fi skejjel jista' jitlob lill-Kummissarju tal-VAT biex jawtorizzah li joħroġ irċevuta waħda fiskali kuljum għal bejgħ kollu li jkun sar matul dak il-jum taħt kunizzjonijiet.
Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Membru, qed isir l-istaħriġ meħtieġ biex ikun żgurat li min imexxi t-tucksop tal-Junior Lyceum tal-Hamrun qed jimxi skond il-provvedimenti tal-liġi.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif timxi din l-amministrazjoni, il-Ministru ma jqabbadx lid-dipartiment tal-VAT tinvestiga lil dak u lil ieħor. Kull meta xi ħadd jgħaddili lmenti bħal dawn, jien ngħaddihom lid-dipartiment biex jieħu l-azzjoni li jidhirlu xierqa.
Iċ-ċittadin jista' u għandu jgħaddi dawn l-ilmenti direttament lid-dipartiment tal-VAT.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema u technicians fl-istitut M'Ang Sapiano li qed jitqiesu redundant? X'jgħallmu jew x'xogħol jagħmlu f'kull każ? X'se jsir minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 4 Tachnicians li jitqiesu 'redundant' fl-Istitut Teknikul Mikilanġ Sapiano. Dawn qegħdin jiġu trasferit għal skejjel oħra.
Informat ukoll li n-numru ta' għalliema li jistgħu jitqiesu 'redundant' ikunu magħrufa hekk kif jiġi stabbilit in-numru ta' studenti ġodda wara t-tieni sejħa għal applikazzjonijiet fit-3 u 4 ta' Ottubru 2002 wara li joħroġu r-riżultati tas-SEC.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 35307, jista' jgħid min kienu l-għalliema li ntlaqgħet it-talba tagħhom għal trasferiment għal skola oħra għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
3) Lejn liema skejjel iċċaqalqu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 35543, mhix il-prattika li wieħed jagħti l-ismijiet ta' l-għalliema konċernati.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35422, jista’ jgħid kemm intnefqu flus biex inxtraw kotba ġodda għall-użu ta’ l-istudenti li jattendu l-iskejjel ta’ l-Istat għas-sena skolastika li se tibda fi ftit jiem? Ta’ liema suġġetti u ta’ liema livell? Jista’ jagħti l-istess dettalji għas-sena skolastika li għaddiet ukoll?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35310, jista' jgħid kemm kien hemm għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda huma dawn:
Qasam Primarju Qasam Sekondarju
Malta 111 126
Għawdex 7 17
Total 118 143
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 35330, jista' jgħid kemm hemm studenti li għandhom minn 14-il sena 'il fuq jattendu skejjel regolari u li għandhom:
a) diżabilita' fiżika
b) nuqqas ta' smigħ
c) nuqqas ta' vista
d) nuqqas mentali
e) aktar minn diżabilita' waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35331, jista' jgħid kemm hemm studenti li għandhom minn 14-il sena 'il fuq jattendu skejjel speċjali u li għandhom:
a) diżabilita' fiżika
b) nuqqas ta' smigħ
c) nuqqas ta' vista
d) nuqqas mentali
e) aktar minn diżabilita' waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskejjel Speċjali hemm 85 student li għandhom nuqqas mentali u 84 student li għandhom aktar minn diżabilita` waħda u li għandhom 'l fuq minn 14-il sena.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35309, jista' jgħid min kienu l-għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tiegħu stess Numru 35530.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35308, jista' jgħid kemm intlqagħu talbiet għal trasferimenti minn għalliema għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talbiet li intlaqgħu għal trasferimenti minn għalliema għas-sena skolastika li se tibda huma kif se nsemmi:
Qasam Primarju Qasam Sekondarju
Malta 43 40
Għawdex 3 7
Total 46 47
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35467, jista' jgħid x’inhi r-raġuni li kontijiet tad-dawl u l-ilma li tħallsu b’cheque fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju għadhom ma ntbagħtux irċevuti għalihom? Possibli hemm bżonn xahrejn biex il-klijenti jirċievu irċevuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tintroduċi sistema ġdida li permezz tagħha l-proċess ta' l-irċevuti ser jibda jsir b'mod elettroniku. Naturalment, sakemm din is-sistema tkun implimentata, ix-xogħol ta' ipproċessar ta' l-irċevuti waqa lura. Hu ttamat li fi żmien qasir is-sitwazzjoni tiġi għan-normal.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex jirriżulta li ġiet ikkawżata intiena persistenti matul il-ġimgħa li għaddiet fl-inħawi ta' Blata l-Bajda, Spencer Marsa u l-Marina tal-Pieta'? Ittieħdu passi sabiex min niġġeż jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li rigward il-problema fil-Marina tal-Pieta', ġie stabbilit illi hemm 'manhole' ġewwa l-propjeta' ta' ditta privata fil-Ħamrun illi trid tiġi msewwija.
Rigward ir-riħa fl-inħawi ta' Blata l-Bajda, din hija riħa ta' żjut u m'għandha xejn x'taqsam mas-sistema tad-drenaġġ.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35421, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd, jieħu ħsieb li jitnaddfu l-ispralli ta' l-ilma tax-xita li jagħtu għall-ġibjuni ta' taħt l-art li hawn fil-pjazez u toroq fl-irħula. Il-kanali li jieħdu ilma tat-toroq biex jevitaw l-għargħar f'xi inħawi huma responsabbilta' tal-Ministeru għat-Transport u Komunikazzjoni, u għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lilu.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex numru ta' arbli jiġu mibdula minħabba fil-kundizzjoni ħażina li jinsabu fiha fl-inħawi tar-range tal-Bidnija u dan anke fid-dawl tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li ser isiru f'Malta s-sena d-dieħla?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tad-dipartiment tat-toroq biex jingħata wiċċ asfalt lil Triq l-Immakulata Kunċizzjoni Bengħajsa B'Buġia peress li din hija t-triq prinċipali li twassal għall-Ħamlet ta' Bengħajsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-Direttorat għat-Toroq biex jispezzjona t-triq imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti fil-Qorti Kriminali? Kemm ilu l-aktar wieħed? Jista' jgħid ukoll kemm hemm akkużi ta' omiċidju, traffikar/pusses ta' droga, eċċ? Kemm hemm barranin u ta' liema nazzjonalita` huma dawk li jinsabu akkużati b'xi delitt minn dawn? Kemm hu ppjanat li jsiru ġurijiet sa l-aħħar ta' din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li hemm erbgħa u tletin (34) ġuri pendenti.
L-aktar antik huwa l-att ta` akkuza numru 9/89 li daħal fil-Qorti Kriminali fis-26 ta` Mejju, 1989. Dan il-ġuri jinsab pendenti minħabba li hemm kawza kostituzzjonali.
Gurijiet Pendenti
Numru ta` Gurijiet Akkuza
6 Omiċidju volontarju
11 Traffikar/pussess ta` droga
1 Korruzzjoni ta` minuri
1 Stupru
4 Serq u reċittazzjoni
9 Tentattiv ta` omiċidju
1 Sekwestru ta` persuna
1 Taw nar bini
Total = 34
F`dawn il-ġurijiet hemm 8 persuni akkuzati barranin ta` nazzjonalita`:
Nru. Ta` Barranin Nazzjonalita`
1 Germaniza
6 Libjana
1 Tunezina
Total = 8
Sa l-aħħar ta` din is-sena hemm ippjanati tlett (3) ġurijiet.