Jista' l-Ministru jgħid kif jittieħdu ċerti deċiżjonijiet sabiex isiru enforcements sabiex faċċati ta' ħwienet miksija bl-aluminium, li jkunu ilhom hekk għal ħafna snin, jerġgħu jinġiebu fl-istat oriġinali? Għaliex ħanut toħroġlu enforcement u ieħor fl-istess lokal le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma tagħmilx distinzjoni bejn faċċati ta' ħwienet jew faċċati oħra miksija bl-aluminium. F'kull każ fejn, wara l-1988, sar jew isir xi xogħol ta' aluminium fuq il-faċċati u jkun hemm provi li dan ix-xogħol sar mhux skond il-permessi approvati u mhux skond id-DC 1/88 (Kundizzjonijiet ta' Żvilupp maħruġa fl-1988) jittieħdu passi skond l-Att I ta' l-1992 sabiex ir-regolamenti jiġu osservati. Fejn ix-xogħol ta' aluminium ikun sar wara l-1988 skond kif approvat ma jkunx hemm lok ta' xi forma ta' azzjoni. F'kull każ ieħor fejn ix-xogħol ikun sar qabel il-ħruġ tad-DC 1/88, meta ma kienux joħorġu kundizzjonijiet ad hoc dwar aluminium, jitqies li ma kienx jirrikjedi permess u allura ma jittieħdux passi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minn dawn huma nisa? Kemm mit-total huma żgħażagħ taħt it-tmintax (18)-il sena u kemm minnhom huma bejn id-dsatax(19) u l-wieħed u għoxrin(21) sena? Jista' jagħti l-figuri mitluba fit-tielet parti tal-mistoqsija maqsuma bejn nisa u rġiel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' April 1999 kien hemm 7,402 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru. Minn dawn 1,043 kienu nisa.
ETA' IRĠIEL NISA TOTAL
Taħt it-18-il sena 287 161 448
Minn 18 sa 19-il sena 411 169 580
Minn 20 sa 24 sena 891 176 1,067
8.6.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul din is-sena skolastika ġew irrapportati każi ta': 1) abbuż ta' droga; u 2) abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel statali? Kien hemm xi rapporti simili fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati? Kemm kellhom snin dawk involuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika ġie rappurtat każ wieħed ta' abbuż ta' droga. Il-persuna involuta kienet ta' erbatax-il sena.
Ma jirriżultax rapport simili għall-iskejjel tal-knisja u privati.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7213?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hemm il-ħsieb li l-pesuna msemmija, li ġiet identifikata biex taqdi l-funzjoni ta` "Film Commissioner", tinħatar f`din il-kariga. Qed jiġi studjat taħt liema struttura ser jopera u b`liema kundizzjonijiet, u dan bl-iskop li tingħata l-aħjar għajnuna lill-industrija tal-films u bl-akbar effikaċita`. Ma jirrizultax li s-Sur Azzopardi huwa impjegat ta` NET TV.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tibqa' s-sistema ntrodotta mill-Gvern Laburista li l-muturi tal-pulizija tat-traffiku jibqgħu jiġu shared bejn żewġ membri tal-korp u allura mhux kull membru jkollu l-mutur tiegħu?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli għalih li jikkwantifika, anke jekk b'mod approsimattiv, kemm huwa t-telf (b'termini finanzjarji) tal-Koperattiva Ndafa Pubblika minn mindu bdiet l-istrajk kontra l-ġbir ta' l-iskart? Jista' jingħad kemm huwa t-telf ġurnata b'ġurnata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi m'huwiex f'pożizzjoni li jikkwantifika t-telf li l-Koperattiva Indafa Pubblika ġarrbet minħabba l-istrajk li qegħda tagħmel.
Dan għaliex il-Bord tal-Koperattivi ma jidħolx fid-'day to day running' tal-koperattiva. Materja bħal din titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali f'impriża kummerċjali.
8.6.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' radars li jeżistu fil-gżejjer Maltin li jissorveljaw il-kosta Maltija u Għawdxija? Kemm għandhom snin? X'inhi d-distanza li jkopru?
Hemm xi ħsieb li b'kollaborazzjoni ma' pajjiżi ġirien ningħataw aktar għajnuna f'dan is-settur, in vista anke tal-problema ta' l-immigranti llegali u t-traffikar tad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jindika x'inhu l-ammont ta' investiment f'termini reali li sar fil-Kottonera bejn l-1971 u l-1987? B'mod reali u prattiku, x'kien ir-riżultat ta' dan l-investiment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinfetħu vakanzi ta' mpjiegi fl-Air Malta din is-sena? Jekk iva, xi gradi huma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Apparti mill-ingaġġ staġjonali ta` kull sena ta` ħaddiema fuq bażi każwali, jekk u meta jinħass il-bżonn li jimtlew xi vakanzi oħra, dawn ikunu avżati permezz ta` sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet jew inkella permezz ta` talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig skond ma` jkun il-każ.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, tidħol urġenti St. Vincent de Paule għaliex mhux fi stat li tgħix id-dar waħedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirx li din il-persuna għamlet applikazzjoni sabiex tidħol fir-Residenza San Vinċenz. Meta ssir din l-applikazzjoni, din il-persuna tiġi kkunsidrata skond id-dikjarazzjoni medika li tinkiteb fl-applikazzjoni.
8.6.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6787, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kabinett ħax deċiżjoni? X'kienet din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern iddiskuta r-Rapport Galdes dwar l-Istipendji fil-kabinett, b'mod ġenerali aċċetta r-rakkomandazzjonijiet magħmula u talabni nfassal ir-Regolamenti maħtieġa li eventwalment ser juru d-dettalji tas-sistema l-ġdid. Bħalissa qed naħdem fuq dawn ir-Regolamenti bl-għajnuna ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa flus l-bid sabiex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fis-sena 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża li għamel il-Gvern b'konnessjoni mal-bid biex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar saret biex ġew organizzati riċeviment u ikla li għalihom ġew mistiedna uffiċjali għolja mill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti u personalitajiet distinti oħra. Din l-ispiża ammontat għal Lm1700. Spejjeż oħra biex ġew preparati video production u promotional pack saru kollha mill-Kumitat Olimpiku Malti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4457, tista' l-Ministru tirrikonsidra r-risposta tagħha peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku peress li jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 4457.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4570, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża f'materjal konness max-xogħol ta' kostruzzjoni li sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 4570, fejn spjegajt li l-ispiża għal dan ix-xogħol kienet kważi kollha ta' pagi. L-ispiża f'materjal tant kienet żgħira li ma narax għalfejn għandi ntellef iż-żmien ta' l-impjegati llum biex ifittxu 'invoices' ta' xi erba' snin ilu.
8.6.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4455, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid it-tweġiba mogħtija peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku għax jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4455.