Fid-dawl tad-direttiva ġdida li għadu kif approva il-Parlament Ewropew dwar life assurance, jista' il-Ministru jgħid jekk il-pakkett ta' leġislazzjoni finanzjarja li l-Parlament approva qabel il-vaganzi tas-sajf hux ser ikollu jiġi emendat mill-ġdid biex b'konformita` mal-politika iddikjarata tal-gvern Malti jiġi in line mal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b’risposta għad-domanda parlamentari numru 35682, ninforma lil Onorevoli interpellant illi l-għan prinċipali tad-Direttiva li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fil-25 ta Settembru 2002, huwa li tikkonsolida d-Direttivi kollha li jikkonċernaw life insurance li huma diġa fis-seħħ. Din il-miżura ttieħdet sabiex il-leġislazzjoni Ewropeja f’dan ir-rigward tkun aktar sempliċi peress li tkun f’Direttiva waħda minflok f’diversi Direttivi kif kienet is-sitwazzjoni qabel ġiet fis-seħħ din id-Direttiva ta l-aħħar.
L-emendi tal-leġislazzjoni finanzjarja li l-Parlament approva reċentement inkludu emendi ta l-Att ta 1998 dwar Kummerċ tal-Assigurazzjoni u jieħdu inkonsiderazzjoni d-Direttivi tal-Ewropa dwar l-assigurazzjoni, inkluż dawk li jikkonċernaw life insurance.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien stmat id-dħul min-naħa tal-ministeru tiegħu kull xahar għas-sena 2002 minn kull wieħed minn dawn is-sorsi ta' dħul ta' finanzi pubbliċi: Income Tax, VAT, Dwana & SISA u bolla tas-sigurta` soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża l-fawrar tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Triq in-Nigret u partijiet minn Vajl il-Ħaddiem ir-Rabat Malta? Meta se jiġi irranġat u irrimedjat dan l-inkonvenjent li qed jikkawża irwejjaħ insopportabbli kważi matul il-jiem tal-ġimgħa kollha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma rriżultalux illi riċentement kien hemm xi fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Triq in-Nigret u Vjal il-Ħaddiem, Rabat.
Minn spezzjonijiet li saru, ma rriżulta ebda inkonvenjent, kif allegat fil-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża n-nuqqas ta' qbil mill-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib dwar l-aħħar proposti ġodda tal-Ministeru tal-Beef Intervention Scheme? X'kienu r-raġunijiet li nhar it-tnejn 3 ta' Settembru 2002 ir-raħħala ma niżlux bhejjem għall-qatla taċ-ċanga friska?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bl-introduzzjoni ta' ħlas dirett lill-produttur il-kumpens għall-Beef Intervention Scheme se jingħata direttament lill-produttur u dawn iridu jnaqqsu l-prezz biex il-biċċiera jkunu jistgħu jbiegħu l-karkassa kollha. Sal-lum għadhom għaddejjin in-negozjati bejn il-partijiet konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li matul dawn l-aħħar 4 snin ma nbnietx il-fabbrika l-ġdida tal-ħalib? Fejn huwa s-sit li qed jippoponi l-Gvern għall-iżvilupp ta' din il-fabbrika? Jista' jpoġġi kopja tal-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-kumpannija Malta Dairy Products iddeċidiet li għalissa ma tibnix fabbrika ġdida u minflok iġġedded il-fabbrika li għandha fil-Ħamrun. Fil-fatt, il-kumpannija qed tinvesti biex il-fabbrika tilħaq standards internazzjonali sas-sena 2003. Dan qed isir ukoll bl-għajnuna tat-Taqsima ta’ l-Ikel u Attività Veterinarja fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd, kif ukoll bl-għajnuna ta’ konsulenti barranin.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-Gvern ma laqgħax it-talba tal-FOI cioe', li l-protezzjoni tal-biedja titneħħa wara s-sħubija u mhux qabel kif fuq kollox qed tagħmel l-UE stess ma pajjiżna? Jista' jinfurmani x'sens jagħmel li Malta tneħħi l-protezzjoni tal-biedja qabel tidħol u l-UE tneħħi l-protezzjoni tal-biedja tagħha ma Malta wara li pajjiżna jsir membru sħiħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tneħħija tal-levies fuq il-prodotti ta' l-ikel u dawk agrikoli kien is-suġġett ta' stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi fit-13 ta' Settembru ta' din is-sena.
Kif ġie spjegat f'dik l-istqarrija:
1. Bħala medja, huwa biss daqs tletin fil-mija tal-valur tal-levy li ser jitneħħa qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
2. Anke wara dan it-tnaqqis fil-levy, fil-każ tal-maġġoranza kbira tal-prodotti konċernati, il-protezzjoni lokali tkun għadha ferm għola minn dik applikata bħalissa mill-Unjoni Ewropea.
3. Hemm prodotti li fuqhom Malta għadha qed timponi levies li mhux suġġetti għall-protezzjoni min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Finalment, il-materja bilfors trid tiġi inkwadrata fl-istampa kumplessiva tat-tariffi applikati anke fuq prodotti mhux agrikoli. Wieħed irid jiftakar li ser ikun biss mill-1 ta' Jannar 2003 li Malta ser tkun neħħiet il-levies minn fuq bosta prodotti industrijali, filwaqt ilhom snin twal li dawn l-istess prodotti jistgħu jiġu esportati minn Malta lejn l-Unjoni Ewropea mingħajr il-ħlas ta' ebda tariffi
Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża l-fawrar tad-drenaġġ ta' Triq Għeriexen ir-Rabat Malta matul il-ġimgħat kollha tas-sajf? Kemm-ir rapport sar mir-residenti ta' l-inħawi lid-dipartimenti konċernati? X'ikkawża l-iżbroff tad-drenaġġ fil-fond nru. 2 (garaxx)? Għaliex il-ħsara damet daqstant sabiex tiġi rranġata u fil-fatt issa ġiet irranġata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn survey li sar bis-CCTV, irriżulta illi hemm ħsara fis-sistema tad-drenaġġ illi issa qed tiġi rranġata.
Peress li l-bdiewa li jirċievu l-ilma mill-impjant ta' Sant'Antnin inqerdulhom l-uċuh tar-raba' tagħhom minħabba l-kwalita' inferjuri ta' ilma li ngħataw mill-istess impjant, jista' l-Ministru jara li l-bdiewa ta' Ħaż-Żabbar, Żejtun u oħrajn fl-inħawi li sofrew l-istess danni jingħataw kumpens finanzjarju xieraq? Kemm fil-fatt hija s-somma tal-kumpens li se tiġi mogħtija lil dawn il-bdiewa?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-misotqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-aħħar hux se issir Triq id-Dwiemes, Żejtun? Jekk iva, meta maħsub li jibda x-xogħol? Kemm hu maħsub li se jiġi jiswa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa ingħata kuntratt lill-kumpanija Asfaltar Ltd. għax-xogħol ta' kostruzzjoni u asfaltar. Ix-xogħol ta' formazzjoni tat-triq u l-bankina tlesta u jonqos biss li jingħata l-asfalt li ser isir f'dawn il-ġranet.
Ix-xogħol kollu fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant se jiswa qrib Lm20,000.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ic-chairman tal-Valletta Rehabilitation Committee jistax ikollu konflitt ta' interess peress li bħala perit u part-time f'ditta ta' periti għamlu diversi xogħlijiet għal dan l-istess kumitat ta' riabilitazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Huwa veru li l-perit imsemmi jagħmel parti minn ditta li għamlet fil-passat diversi xogħlijiet għall-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Huwa veru wkoll li l-istess ditta għadha l-konsulent għax-xogħlijiet li jsiru fil-Berġa ta' Kastilja. Biss, bħal kull Chairman ieħor, il-perit imsemmi jkollu jirtira mid-diskussjoni jekk din tista' tkun ta' nteress għad-ditta personali tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għall-applikazzjoni li saret lil MEPA, GF 3206/02?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-applikazzjoni lill-MEPA li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret mill-Awtorita' tat-Trasport sabiex jiġu stabiliti kriterji għal Environment Impact Assesment tat-toroq arterjali li ser jikkostitwixxu l-ewwel fażi ta' pjan ta' restawr u upgrading ta' toroq li jkun jista' jiġi ffinanzjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea meta Malta tissieħeb fl-Unjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-konvenju li ġie iffirmat mill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għax-xiri ta' appartament fil-housing estate ta' Ħal Mula, Żebbuġ fil-31 ta' Jannar 1992, u li sal-lum, għadu ma sarx il-kuntratt finali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar kienet infurmat bil-miktub diversi drabi lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant bir-raġuni għaliex ma setgħax jitkompla l-proċess għax-xiri ta' l-appartament li kienu jgħixu fih. Permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-21 ta' Novembru 1996, l-Awtorita' tad-Djar infurmat għall-aħħar darba lill-familja ndikata li l-applikazzjoni tagħha kienet qed tiġi kkunsidrata bħala rtirata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm baqa' minn dawk in-numru ta' residenti li xtraw il-proprjeta' tagħhom f'Malta u reġgħu biegħuha lura lill-Maltin hekk kif ġie ddikjarat fil-mistoqsija 35233?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta barrani jbiegħ il-propjeta' li jkun akkwista lill-Maltin, ma jkollu l-ebda obligu li jinforma lid-dipartiment b'tali trasferiment u allura ma setgħet qatt tinżamm statistika. L-Att dwar l-Akkwist ta' Propjeta' Immobbli minn Persuni Mhux Residenti (Kap 246) jirregola l-akkwist tal-propjeta' mill-barranin u mhux l-bejgħ tal-istess propjeta'.
Bir-rispett, tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li meta jingħata permess taħt l-Att imsemmi ma jfissirx konklusivament li jkun sar it-trasferiment.
Jista' il-Ministru jara li jinżabru żewġ siġriet kbar ta' iktar minn 4 sulari li jinsabu jmissu mall-faċċata ta' blokk F fi Triq l-Iklin Housing Estate, Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-responsabbilta' ta' dan ix-xogħol hi tal-Kunsill Lokali ta' Haż-Żabbar. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel it-talba tagħha lil dan il-Kunsill.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li fi Triq il-Linja, Ħ'Attard tinħoloq sistema one way minħabba l-periklu u l-inkonvenjent li qed jinħoloq mit-traffiku f'din it-triq dejqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ għat-Traffiku għamel studju fil-lokal li rriżultaa li b'sinjalaġġ approprijat, din it-triq tista' tibqa bit-traffiku two way mingħajr problemi w inkonvenjenzi. Il-proposti għas-sinjalaġġ għaddew lil Kunsill Lokali kkonċernat fit-12 ta' Settembru 2001, iżda sal-lum, dawn għadhom ma ġewx implimentati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk u meta se jkunu mixgħula s-swar ta' A M Valperga, tal-Bieb u Tal-Foss li jinsabu fil-Fgura, peress li fl-inħawi hemm ħafna dlam u qed isiru wkoll ħafna abbużi, u peress li dan ix-xogħol suppost kellu jsir mill-Valletta Rehabilitation Project skond il-mistoqsija 35304?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sena d-dieħla hemm l-intenzjoni li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera jixgħel id-daħla ta' Bormla, minn Għajn Dwieli sa parti mis-sur tal-ġenb. Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla jinxtgħelu d-daħla ta' Bormla u Forti Sant'Anġlu.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-proġett tal-MIDI sejjer jitlesta fi tmien snin? X'kumpens ser jieħdu l-lukandi tal-madwar minħabba l-inkonvenjent li qiegħed ikollhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett tal-MIDI jitlesta skond 'time frames' li jistabilixxi l-istess konsorzju, u sakemm dawn ikunu konformi ma' jew aħjar minn dak li kien stabbilit fil-kuntratt li sar mal-Gvern preżenti.
Rigward il-lukandi li hemm fl-inħawi, mhux previst illi dawn jirċievu xi kumpens.
Jista' il-Ministru jgħid wara n-nuqqas fit-turiżmu din is-sena x'inhuma l-pjanijiet tal-ministru biex ir-rankatura ma tkomplix fit-triq tan-niżla?
Response (REFALO, MICHAEL)
Din hi sena diffiċli għat-turiżmu internazzjonali sew kaġun ta’ qagħda ekonomika dinjija dgħajfa kif ukoll tort ta’ l-impatt tat-traġedja tal-11 ta’ Settembru. Huma dawn il-fatturi li l-aktar ikkaġunaw telf ta’ volum fit-turiżmu u għalhekk hekk kif l-ekonomija Amerikana, Ġappuniża u Ġermaniża tirpilja, jinħoloq tiġdid fl-ekonomija dinjija. Dan igħodd ukoll għal kull ġurnata li tgħaddi mid-data tal-attakk fuq l-Amerika.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-politika tal-Gvern timxi fuq dawn it-tlett binarji: l-ewwel, użu effettiv u aggressiv tal-flus li tiddisponi minnhom l-Awtorita’; it-tieni, tmexxija skond il-Pjan Strateġiku 2002 – 2004 u t-tielet, tkomplija tal-proċess ta’ titjib u tiġdid tal-prodott turistiku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-budget sena b'sena mill-1998 sal-lum fuq pubbliċita għat-turiżmu u x'kien ir-riżultat?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-budget sena b’sena mill-1998 sal-lum fuq pubbliċita għat-turiżmu kien hekk:
Sena
Ammont Totali
Lm
1998
3,180,871
1999
3,119,187
2000
3,647,764
2001
5,347,368
2002
7,030,000
Kif jaf l-Onorevoli Membru, il-pubbliċita’ fit-turiżmu mhux kollox. Matul dawn is-snin, dejjem irnexxilna nattiraw aktar minn miljun u mitt elf turist fis-sena.