Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35643 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Triq San Gorg - Sprall

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent li hemm fi Triq San Gorg, Bormla, peress li minn sprall f'din it-Triq kantuniera ma' Triq M. Grima qed joħorġu ġrieden kbar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li trattament għal kontra l-ġrieden fl-ispralli ndikati fi Triq San Ġorġ, Bormla kantuniera ma' Triq M. Grima, sar fis-26 ta' Settembru 2002 minn uffiċċjali tar-'Rodent Control' tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika wara ilmenti li saru minn residenti ta' l-istess lokal fl-24 ta' Settembru 2002. Ser jibqa' jiġi mqiegħed velenu fuq bażi regolari fil-lok indikat sakemm tiġi kkontrollata l-problema.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba għall-skema HAZ 64/2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ilha li lestiet l-ipproċessar tat-talba li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant minn Mejju li għadda. L-Awtorita' għadha qed tistenna lill-persuna konċernata tipproduċi l-irċevuti fiskali biex ikun jista jsir il-pagament dovut għall-alterazzjonijiet approvati mill-Awtorita'.
Leg 9 PQ #35646 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Joint Office

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li tgħix f'post tal-joint office tistax issir sid ta' darha? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid kif tkun applikata din l-iskema?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma tħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2002 il-gvern impenja ruħu li jbiegħ, jew jifdi ċ-ċens ta` dawk il-postijiet kollha, amministrati mill-Uffiċċju Konġunt, diment illi huma użati bħala residenza ordinarja u/jew bħala postijiet ta` villeġjatura. Biex wieħed japplika għandu jikteb ittra fejn jinforma lil Uffiċċju Konġunt li jixtieq jixtri jew jifdi ċ-ċens. Ma` l-ittra għandha tintbgħat kopja ta` l-aħħar irċevuta. Il-prezz jiġi ffissat mill-Uffiċċju Konġunt skond paramentri definiti u l-applikant jiġi infurmat biex ikun jista` jiddeċiedi jekk jersaqx għal kuntratt.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35440, b’riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35147 u l-lista ta’ għaxar applikazzjonijiet mill-Furjana u ħmistax mill-Belt li għad ma nstabitx soluzzjoni biex jiġi stallat il-lift, jista’ jingħad fid-dettall id-diffikultajiet x’inhuma f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Tellar ta' Ċint

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35380, jista' jgħid meta hu maħsub li jerġa' jittella' ċ-ċint f'Sant Iermu biswit l-akkademja tal-pulizija fil-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qed tistħarreġ l-entita' tax-xogħol meħtieġ.

Furjana — Proġetti ta' Restawr - Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35488, jista' jgħid kemm intefqu f'din il-leġislatura għal dawn il-proġetti fil-Furjana, każ b'każ: i) ġonna Mall - a) sistema ta' irrigazzjoni ġdida b) restawr funtana tal-Ajkla (flus ivutati) ii) restawr ta' statwi fit-toroq iii) restawr pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria iv) tindif u tibjid tal-loġoġ minn ġewwa permezz ta' ħaddiema tal-Kalaxlokk?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Ġonna Mall sistema ta' irrigazzjoni ġdida Lm 2,361. restawr funtana ta' l-Ajkla (flus ivvutati) Lm 2,995. Restawr ta' statwi fit-toroq Lm 3,688. Tindif u tibjid tal-loġoġ Lm14,913. Ninsab infurmat illi min-naħa ta' dan il-Ministeru, ma sar l-ebda restawr fuq il-pitturi ta' Mattia Preti tal-kappella ta' Sarria.

Baħrija — Raba'

Question

Jista' il-Ministru jivverifika rapporti li l-kuntrattur li suppost ibattal il-fosos KOMUNALI tal-Baħrija mhux qiegħed jagħmel xogħlu sew bil-konsegwenza li l-fosos qegħdin jitħallew ifuru fir-raba' u r-razzett fil-viċin u b'hekk jikkawżaw danni lil terzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur ġie mwissi biex ibattal regolarment il-fossa tal-Baħrija u biex din ma tfurx.

Housing — Gzira - Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jinstab terran żgħir għall-persuna waħedha, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi kkunsidrata għall-fond rekwiżizzjonat li jinstab f'idejn il-housing, hekk kif indikat minnha, li l-indirizz tiegħu wkoll qed jintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi l-post indikat mhux f'idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Leg 9 PQ #35671 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Gżira - Bejgħ ta' Pitrolju

Question

B'riferenza għall-mistoqasija parlamentari dwar l-istess suġġett li ġiet imwieġba f'seduta 782 tas-16 ta' Settembru, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadu jew ser jieħdu l-pulizija talli l-persuna indikata qiegħda tbigħ il-pitrolju bl-imnut baxx baxx lir-residenti tagħha f'Moroni Street, Gżira, b'inkonvenjent u b'periklu għar-residenti fl-inħawi li diġa` ressqu protesti lill-awtoritajiet u lill-kunsill lokali, Gżira?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kompliet issegwi dan l-ilment u minn diversi spezzjonijiet li saru ma rriżultax li qed isir bejgħ ta` pitrolju mill-garage imsemmi.

Pensjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa eliġibbli għall-pensjoni wara li ħadmu għaliha? Kemm hemm nisa miżżewġa li l-irġiel tagħhom jirċievu pensjoni? Kemm hemm nisa romol li jirċievu l-pensjoni tar-raġel li tilfu? Mara li taħdem, kemm trid ikollha kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali biex tkun eliġibbli għall-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm 8,495 nisa li qed jirċievu pensjoni għall-irtirar filwaqt li hemm 1,712 mara li qed tirċievi pensjoni għall-invalidita'. In-numru ta' nisa li qed jirċievu pensjoni tar-romol hu 13,720. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, irrid ngħid li t-test tal-kontribuzzjonijiet li jiddetermina jekk persuna tikkwalifikax għall-pensjoni, jista' jvarja skond it-tip ta' pensjoni, d-data ta' l-irtirar tal-persuna konċernata kif ukoll il-perijodu u tip ta' kontribuzzjonijiet li jkunu jridu jiġu kkunsidrati. Dan it-test isir fuq bażi ndividwali filwaqt li jittieħdu in konsiderazzjoni dawn il-fatturi li semmejt u għalhekk mhux faċli li jingħad kemm huwa l-minimu ta' kontribuzzjonijiet meħtieġa biex persuna tikkwalifika. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari, jkun tajjeb li l-persuna konċernata titlob lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex isirilha stima tat-test tal-kontribuzzjonijiet biex tiġi gwidata skond kif meħtieġ.
Leg 9 PQ #35673 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet ta' filgħaxija tal-Computer

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiżdiedu l-courses addizzjonali ta' l-adults and evening courses No 130 tal-computer, peress li hemm adulti li baqgħu barra minħabba li għall-course jintgħażlu on a first come first served basis?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Kors numru 130 hu wieħed mill-korsijiet fil-'Computer Awareness' organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti. Barra minn dan id-Dipartiment jorganizza numru ta' korsijiet fil-'European Computer Driving Licence', fil-'Computer Studies' u fil-'Computer Aided Design'. Il-korsijeit huma kollha mimlija b'numru sabiħ fuq il-'waiting list'. Id-Dipartiment diġa` ħa l-passi biex jiżdiedu diversi minn dawn il-korsijiet. Jekk ikun possibbli tinfetaħ klassi oħra fil-'Computer Awareness' f'Raħal Ġdid fejn il-kors numru 130 qiegħed jiġi organizzat ukoll.
Leg 9 PQ #35674 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet ta' filgħaxija tal-Computer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk l-istudenti li applikaw għall-adults and evening course, course no. 130, tal-computer?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li applikaw għal kors numru 130 "Computer Awareness" organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hu ta' 61.
Leg 9 PQ #35675 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet ta' filgħaxija tal-computer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun hemm klassijiet għall-adults and evening course no. 130 tal-computer u kemm se jkun hemm f'kull klassi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kors numru 130 "Computer Awareness" organizzat mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti li jsir fil-Junior Lyceum ta' Raħal Ġdid hu kors ta' erbatax-il ġimgħa. Matul din is-sena hu ppjanat li jsiru żewġ korsijiet. Wieħed ser jibda issa u l-ieħor jibda fi Frar. F'kull klassi jiġu aċċettati sittax-il student biex kull student ikun jista' jaħdem fuq kompjuter. Informat ukoll li qgħedin isiru korsijiet fil-"Computer Awareness" f'għaxar lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex.
Leg 9 PQ #35676 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 35463?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mhuwiex il-ħsieb ta' l-Air Malta li timpjega fuq bażi permanenti lil dawk l-istewardesses li għal dawn l-aħħar erba' snin kienu mpjegati fuq bażi temporanja. Il-persuni li għalihom qed issir riferenza ġew impjegati fuq bażi permanenti b'effett mit-9 ta' Settembru 2002. Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpelant għat-tweġiba li tajt għall-ewwel parti ta' din l-istess mistoqsija. Dawn iż-żewġ persuni intgħażlu fuq bażi ta' anzjanita' fost il-Cabin Crew impjegati fuq bażi temporanja. Fil-fatt huma kien ilhom seba' u sitt snin jaħdmu fuq din il-bażi. Mhux minnu li l-Ground Staff ħadmu għal sena biss. Għalissa ma hemm ebda pjanijiet biex toħroġ sejħa interna għall-applikazzjonijiet jew biex isiru trasferimenti għall-Cabin Crew.
Leg 9 PQ #35677 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Statistics Authority Act 2002

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk nutara u avukati humiex tenuti li jimlew il-business statistics questionnaire li qed tintbagħat għall-fini tal-Malta Statistics Authority Act 2002, anke peress li n-nutara huma uffiċjali pubbliċi u bħala tali ma jingħaddux bħala business enterprise?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Business Register jiġi kkumpilat minn tagħrif li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jiġbor permezz tal-kwestjonarju msemmi mill-Onorevoli Interpellant. Il-metotoloġija tal-Eurostat li jsegwi dan l-Uffiċċju biex ikun ikkompilat il-Business Register tagħmel użu mill-klassifikazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi għall-fini ta' statistika ta' l-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-NACE, li taħt "Division 74": Other Business Activities jidħlu attivitajiet ta' natura legali. Għaldaqstant avukati u nutara għandhom jimlew il-kwestjonarju dwar business statistics.
Leg 9 PQ #35678 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Imtarfa — Art Pubblika

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux minnu li: (a) persuna residenti l-Imtarfa ngħatat art diġa` pubblika bi qbiela, fejn inbnew żewġ stalel u mansab kbir qalb il-bini; (b) jekk l-istess stalel għandhomx u humiex koperti b'permess tal-bini mingħand il-MEPA? (c) jekk minkejja rapporti minn diveri residenti fl-inħawi l-lands department ħax passi sabiex din l-art terġa' tiġi fil-pussess tagħha u kull aġir illegali jiġi ritratt; (d) jekk hux minnu illi anke l-kap ta' l-iskola għamel diversi rapporti fuq l-istess u sal-lum baqa' bla risposta effettiva? vide pjanti annessi

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja id-Dipartiment tal-Artijiet, ninsab infurmat kif ġej:- Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, ġiet mogħtija l-art b`kirja għal skop ta` ġnien, u mhux bi qbiela. Minn spezzjoni li għamel id-dipartiment, irriżulta illi fuq l-art imsemmija ma hemmx stallel u l-unika irregolarita` li hemm fuq din l-art, huwa mansab. L-istallel imsemmija jinsabu fuq art li qiegħda tiġi amministrata mill-Awtorita` tad-Djar. Kien hemm rapport wieħed biss minn persuna waħda. Id-dipartiment qiegħed jieħu l-passi neċessarji sabiex il-mansab jitneħħa. Ma jirriżultax mill- files illi l-kap tal-iskola għamel xi rapporti lil dan id-dipartiment, fuq dan il-każ. Infurmat ukoll illi l-Awtorita` Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar qed tinvestiga il-każ.
Leg 9 PQ #35679 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Rabat — Ċimiterju ta' Santa Margherita

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex iċ-ċimiterju ta' Santa Margherita fir-Rabat qed jinżamm magħluq (eg. l-Erbgħa 18 ta' Settembru sas-Sibt 21 ta' Settembru)? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu kkontrollati l-ammont ta' wirdien li qed ikun hemm fil-wiċċ u li l-istess ċimiterju jinfetah kuljum u mhux biss għal ftit minuti sakemm isir dfin jew waqt it-tindif?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat illi fis-17 ta' Settembru, ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa għamlu trattament ta' disinfestazzjoni fiċ-Ċimiterju msemmi. Fit-18 ta' Settembru, l-persuna nkarigata minn dan iċ-Ċimiterju irraporta 'sick', u għalhekk intbagħat ħaddiem ieħor sabiex indaddaf iċ-Ċimietrju minn xi wirdien li seta' kien hemm wara id-disinfestazzjoni. Dak inhar iċ-Ċimiterju infetaħ fl-10 ta' filgħodu. Dan l-istess persuna tqabbad ukoll sabiex jiftaħ u jattendi f'dan iċ-Ċimiterju sakemm il-persuna li normalment tiftaħ iċ-Ċimiterju jirritorna għax-xogħol. Wara t-18 ta' Settembru, iċ-Ċimiterju nfetaħ kuljum bejn is-7 ta' filgħodu u 2.15 ta' wara nofsinhar. Ninforma wkoll li f'dan iċ-Ċimiterju ssir disinfestazzjoni fuq bażi regolari sabiex jiġu kkontrollati n-numru ta' wirdien.
Leg 9 PQ #35680 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Inland Revenue — Capital Gains Tax Section

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 35464, filwaqt li ninforma lill-Ministru li MHUX VERU illi oħt it-taxpayer kienet residenti fil-post li nxtara ( u għalhekk min ta din l-informazzjoni li ngħatat lill-Ministru mhijiex korretta), ladarba l-claim tad-dipartiment ma wasletx għand it-taxpayer sa sena minn meta ġiet ippreżentata, ma jidhirlux il-Ministru li skond l-Att XVII ta' l-1993 l-istess kont addizzjonali kien preskritt bil-liġi? Jaħsibx il-Ministru illi wara li d-dipartiment kien ġie informat li din it-talba kienet preskritta allura l-ittra ta' l-24 ta' Ġunju 2002 ħarġet b'abbuż ta' poter?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li oħt ix-xerrej setgħet ma kinitx toqgħod fil-fond li nxtara u qed nipproduċi r-rapport tal-Membri tar-Revenue Security Corps – tat-31 ta’ Lulju, 2001 rigward il-każ in kwestjoni. “Taxpayer in question is presently living in England – (sister) refused the documents. She stated that she has nothing to do with her brother and added that she was not ready to make contact with him regards such matter. Taxpayers whereabouts not traced – documents undelivered – attached”. Minn dan ir-rapport il-Kummissarju wasal għall-konkluzzjoni erronja li oħt ix-xerrej kienet tabita fl-istess fond. Bir-rispett niġbed l-attenzjoni tal-Onoreveli Interpellant li ma saret l-ebda oġġezzjoni kontra l-imsemmi kont għax l-Onorevoli Interpellant b’ittra tas-7 ta’ Dicembru, 2001 waqt li kkonferma li x-xerrej kien ISSA beda joqgħod fil-proprjeta’ mixtrija, espressament iddikjara li l-istess ittra ma kinetx waħda ta’ oġġezzjoni imma sempliċiment Notifika ta’ Preskrizzjoni. Il-Kummissarju għalhekk, ma kellux għażla oħra, għajr li jipproċedi bil-ġbir tat-taxxa għax il-każ ma setax ikun ittratat bħala li jaqa’ taħt oġġezzjoni. Jekk issir oġġezzjoni kif stabbilit mill-liġi, il-mertu tal-każ ikun ittrattat bħal każi simili u jekk ikun ippruvat dak li qed jikkontendi l-Onorevoli Interpellant jibdew proċeduri biex il-kont ikun ikkanċellat. In-Notifika għall-fini tal-artikolu 51 tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, Kap 246, ingħatat lid-Dipartiment fil-15 ta’ Gunju, 2000 fejn kien indikat li l-indirizz tax-xerrej kien il-fond li nxtara bit-trasferiment in kwestjoni.
Leg 9 PQ #35681 Sitting 794 2002-10-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

AIP Permits — Xiri ta' proprjeta` minn Barranin

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ħarġu AIP permits għax-xiri ta' proprjeta` mill-barranin bejn l-1996 u s-sena 2002 (Settembru)? Kemm minn dawn kienu suġġetti għal self?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ permessi li nħarġu biex il-barranin ikunu jistgħu jixtru proprjeta’ immobbli hawn Malta hu kif sejjer jingħad:- 1996 - 269 1997 - 168 1998 - 153 1999 - 219 2000 - 295 2001 - 344 2002 (sa Settembru) - 290 Qatt ma kienet tinżamm statistika ta’ kemm minn dawn kienu soġġetti għal self.