Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li ħadu d-dual citizenship, u mill-liema pajjiżi huma fiż-żmien ta' bejn il-25/06/02 sa' l-aħħar ta' Settembru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta sejrin jinbdew x-xogħlijiet fi Triq magħrufa bħala x-Xagħra tal-Bandieri f'San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-area inkwistjoni hi milquta minn diversi problemi, fosthom dik li m'hemmx triq ippjanata, u għalhekk hu diffiċli li jsir xogħol ta' bini tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-pensjoni tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament bħala anness nru. 1, tinqasam f'żewġ partijiet indaqs waħda lilu u oħra lill-martu li isimha wkoll qiegħed jintbagħat separatament bħala anness nru. 2, peress li dawn ilhom separati de facto għal snin twal u peress li huwa wkoll ma għadux joqgħod fid-dar matrimonjali fejn tgħix hi, liema indirizz qiegħed ukoll jintbagħat separatament bħala anness nru. 3?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tagħha.
Peress li l-liġi tas-sigurta' soċjali tipprovdi għall-ħlas ta' bolla tat-tieni klassi minn min jaħdem għal rasu u min għandu xi dħul minn investimenti u dan l-aħħar id-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ xi karti biex jitlob dawn it-tip ta' bolli, jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus minn mindu ħarġu dawn il-karti, u kif inhuma maqsumin, self-employed u self-occupied?
Wara li d-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ karti għal ġbir ta' bolli tat-tieni klassi, self-employed u self-occupied, u jien informat li ħafna nies qed imorru fid-dipartiment u qed jintalbu japplikaw għall-ċertifikat ta' eżenzjoni, jista' il-Ministru tas-sigurta' soċjali jgħid għaliex nies li qed imorru fl-uffiċji distrettwali qed jgħidulhom li dawn m'għadhomx jeżistu? Peress li qatt ma kien hemm emenda ta' dan it-tip fil-liġi, hemm xi ħsieb li ssir?
Response (DALLI, JOHN)
Qabel ma jinħela ħafna ħin u flus biex tinġabar l-informazzjoni mitluba, jista l-Onorevoli Interpellant jinfurmani għal liema raġuni għandu bżonn din l-informazzjoni ?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Parlament bl-aħħar żviluppi li kien hemm fir-rigward tar-riżultati li qed jikseb id-dipartiment tas-servizzi soċjali fl-investigazzjonijiet tiegħu dwar allegati abbużi fit-teħid ta' pensjonijiet, benefiċċji soċjali u children's allowances?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet li qed jagħmel id-dipartiment rigward l-allegati abbużi fit-teħid ta' pensjonijiet, benefiċċji soċjali u children's allowances qed iħallu r-riżultati li għalihom kienet maħluqha is-sezzjoni. Minn Jannar ta' din is-sena ġew investigati 117 il-każ ta' persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali, 90 każ ta' persuni li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja u 269 każ ta' persuni li jirċievu l-għajnuna medika. Dawn kienu kollha każijiet fejn instabu li l-persuni konċernati kellhom flejjes fil-bank li ma kienux dikjarati. Kien hemm ukoll 205 każijiet li ġew riveduti biex jiġi assigurat li kollox baqa' kif aġġustat. Barra minn hekk is-sezzjoni għamlet diversi spezzjonijiet li minnhom irriżulta li 46 każ instabu li l-pożizzjoni fil-kompożizzjoni tal-familja ma kienetx kif dikjarata u għalhekk twaqfitilhom l-għajnuna. Qed isiru investigazzjonijiet fuq numru ta' talbiet qabel ma jinħariġilhom il-benefiċċju u b'hekk jiġi evitat li dawn il-persuni jkollhom jirrifondu benefiċċji li jkunu tħallsu u li ma kienux dovuti lilhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien it-total ta' persuni u l-ammont ta' flus li rċevew f'pensjonijiet tas-sigurta soċjali u pensjonijiet oħra, benefiċċji soċjali, allowance tat-tfal, għajnuna lill-persuni b'diżabilita' eċċ, fl-aħħar ta' kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jara jekk hux possibli li l-MEPA tgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn Triq id-Dwiemes, Żejtun li qed issir bħalissa se tiġi dejqa madwar 18-il pied meta l-kumplament tat-triq hi ferm aktar wiesgħa? Billi lir-residenti qalulhom li din ġiet ippjanata hekk mill-MEPA, hemm raġuni għaliex din il-parti żgħira tat-triq se tiġi daqstant dejqa? X'inhi r-raġuni li l-bankina f'dil-parti dejqa tat-triq se tiġi wiesgħa għal aktar minn metru fuq kull naħa tat-triq? X'passi ttieħdu wara petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fil-parti ta' din it-triq u li ġiet ippreżentata lill-MEPA li lmentaw fuq il-fatt li quddiemhom it-triq se tiġi daqstant dejqa? Kif għadha ma saritx it-triq, possibli jittieħdu passi immedjati biex din il-parti tat-triq titwessa ftit ieħor għax hemm min għandu inġenji kbar li ma jistax joħroġhom mill-garaxx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Il-parti d-dejqa ta` Triq id-Dwiemes, Żejtun ġiet skemata fl-1997, wara talba mis-sidien kollha ta` l-art. Il-wiesgħa tat-triq għandu jkun ta` 8m (26 pied) li jitkejjel minn faċċata għall-faċċata. Dan sar fuq talba ta` dawk li kienu proprjetarji ta` l-art fl-1997. Dwar il-wiesgħa tal-bankina, hija prattika li dawn jiġu ddisinjati b`wisgħa ta` 1.5m (5 piedi) biex ikunu jistgħu jimxu n-nies minn fuqhom mingħajr ma jkollhom jinżlu fil-karreggata. Sabiex titwessa` t-triq, irid ikun hemm qbil mis-sidien kollha kkonċernati, biex jitressaq l-allinjament tal-bini lura. Dwar il-kwistjoni ta` l-inġenji l-kbar, il-MEPA ser tinvestiga l-każ, għaliex il-permessi tal-bini kollha li ħarġu fuq din il-parti tat-triq, kellhom kundizzjoni li l-garaxx jintuża biss minn karozzi privati. Għalhekk, jekk hemm min għandu nġenji kbar fil-garaxx, dan mhux qed isir skond il-permess ta` l-iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn Triq id-Dwiemes, Żejtun li bħalissa qed tiġi rranġata se tiġi dejqa madwar 18-il pied meta l-kumplament tat-triq hi ferm aktar wiesgħa? Hemm raġuni għaliex f'din il-parti żgħira tat-triq li se tiġi daqstant dejqa ma ttiħidx imqar pied minn kull naħa tal-bankina la darba hemm bankina wiesgħa aktar minn metru fuq kull naħa tat-triq? X'passi ttieħdu fuq petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fil-parti ta' din it-triq li lmentaw fuq il-fatt li quddiemhom it-triq se tiġi daqstant dejqa? Kif għadha ma saritx it-triq, possibli jittieħdu passi mmedjati biex din il-parti tat-triq titwessa' ftit ieħor għax hemm min għandu nġenji kbar li ma jistax joħroġhom mill-garaxx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi fil-parti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ix-xogħol sar skond il-linja mogħtija mis-surveyors ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u jirrifletti l-iskema tal-bini f'dik iż-żona. Biex il-linja tat-triq tinbidel u t-triq tkun tista' titwessa hemm proċeduri li jsiru mis-sidien tal-propjeta' li tagħti fuq it-triq ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u li s'issa għad qatt ma saru.
Jista` l-Ministru jara jekk hux possibli li jittieħdu passi immedjati biex munzell ta' fdalijiet ta' tarmac li kien fadal żejjed u li tħallas fi Triq Monsinjur Sidor Formosa, F'Tal-Plier, Ħaż-Żabbar jiġi mneħħi għaliex diġa` hemm min qed ikompli jitfa` ż-żibel u l-imbarazz fuqu.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-Awtorita' tat-Trasport għaddiet l-informazzjoni lill-Kunsill ta' Ħaż-Żabbar, sabiex isir it-tindif u jkun żgurat li ma jintefax skart ieħor, peress illi t-tindif tat-toroq lokali jsir mill-Kunsill.
B'riferenza għall-mistoqsija 34782, jista' il-Ministru jinfurmani x'sussidji ta' flus ingħataw sabiex dawn il-produtturi tat-tjur jaġġornaw mar-regoli ta' l-UE matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm minn dawn is-sussidji ta' flus ingħataw mill-Gvern Malti u kemm mill-UE? Kemm kienet l-għajnuna globali għall-produtturi Għawdxin u kemm għall-Maltin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-produtturi tat-tjur bdew jieħdu sussidju għar-ristrutturar mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena taħt l-iskema SMPPMA. Dan il-pakkett ta' għajnuna qed ikun negozjat ukoll ma' l-Unjoni Ewropea. L-Onor. Interpellant għandu jifhem li l-għajnuna mill-UE għall-biedja tiġi bis-sħubija u mhux billi nibqgħu barra kif irid l-istess Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija 34783, jista' il-Ministru jindika liema minn dawn il-kundizzjonijiet ta' kontrolli speċjali fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta' l-ikel u tal-biedja se jaffetwaw b'mod negattiv u/jew pożittiv lill-Maltin u l-Għawdxin qabel u wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jgħid għal liema kundizzjonijiet ta' kontrolli speċjali fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta' l-ikel u tal-biedja qiegħed jirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsija 34786, jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni jew aġenziji li pprovdew servizzi professjonali u x'natura ta' servizzi jinvolvu dawn is-servizzi professjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-servizzi professjonali kienu servizzi ta' periti minn David Xuereb & Associates u l-Perit Joseph Camilleri.
Jista' il-Ministru jara li jiġu investigati u rimedjati l-ilmenti tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li l-ħsarat f'oġġetti domestiċi u inkonvenjent kbir li qed ikolhom kawża ta' qtugħ fil-provvista tad-dawl u minn provvista ta' dawl baxx? Jista' jara li din il-problema tiġi rimedjata immedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, irriżulta li kien hemm bżonn ta' manutenzjoni. Dan ix-xogħol sar u l-provvista ta' l-elettriku ġiet għan-normal kif stabbilit mir-regolamenti ta' l-elettriku.
Jista' il-Ministru jinfurmani fejn twaħħlet l-irħama msemmija fil-mistoqsija 34786 u x'kienu x-xogħlijiet urġenti fil-Fiddien u kemm ħadu żmien, kif referuti fl-istess mistoqsija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-irħama, li fil-fatt hi plakka ta l-iStainless Steel, twaħħlet fil-post fejn kienet il-plakka oriġinali, bid-differenza li din ġiet ingastata fil-blokka tal-konkrit biex tkun diffiċli li terġa' tinsteraq.
Ix-xogħlijiet urġenti li saru fil-Fiddien fis-sena 2000 kienu t-tindif ta' l-ewwel żewġ diegi li kienu mtlew bin-naqal ta' maltemp preċedenti u li kien hemm il-periklu li dan jibqa' nieżel aktar 'l isfel fil-Wied. Dan kien jagħmilha aktar diffiċli biex jitnaddaf. Ix-xogħol dam sejjer sebat ijiem.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-gvern qed ineħħi l-protezzjoni tal-levies tal-biedja meta l-UE stess ħalliet u cioe' baqgħet timponi tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35275 waqt is-Seduta numru 793.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi kollha u l-proprjetarji li daħlu għall-proġett tal-MIDI għadhomx interessati? Jekk le, liema huma dawk li telqu għax m'għadhomx interessati fil-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi dan il-Ministeru m'għandu l-ebda nformazzjoni li hemm kuntratturi jew propjetarji li daħlu għall-proġett ta' Manoel Island u Tigne' li m'għadhomx interessati fil-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tunnel li sejra ssir ġewwa Tigne mill-MIDI hux sejjer isir skond l-istandards tas-safety equipment in road tunnels maħruġin mill-European Commission Energy & Transport? Kemm ser isiru emergency lanes or bypass? Kemm ser isiru emergency stations? Kemm ser isiru traffic surveillance? Kemm ser isiruventilation systems? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda l-pjanta ta' dan it-tunnel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34774 u 35265.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema oqsma u korsijiet hemm nuqqas ta' għalliema fl-istituti tal-MCAST, istitut b'istitut, suġġett b'suġġett? X'qed isir biex jimtlew dawn il-vakanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Kommunikazzjoni f'Malta kif ukoll fiċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex u fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ hemm nuqqas ta' għalliema fis-suġġetti tal-Matematika u l-Ingliż. Hemm ukoll nuqqas ta' għalliema fl-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika fis-suġġetti - Technical English u Electrical Technology.
Fl-Istitut Marittimu, fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn u fl-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni m'hemmx nuqqas ta' għalliema f'ebda suġġett ta' ebda kors. Iżda f'l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni jista' jiġri li xi korsijiet ser jibdew aktar tard peress li xi għalliema taw in-notice fejn kienu jaħdmu u jistgħu jiġu interpretati li huma neqsin.
Informat ukoll li saret sejħa oħra għal applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-vakanzi.