Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' monitoring qiegħed isir biex jiġi assigurat li dawk il-barranin li tiskadilhom il-visa ma jibqux f'pajjiżna? Għandu mezz il-korp tal-pulizija biex jagħmel dan il-monitoring wara li tneħħiet is-sistema ta' l-embarkation cards?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-Pulizija kontinwament tagħmel spezzjonijiet għal persuni barranin li jkunu Malta mingħajr permess. Barra minn hekk is-sistema tal-mili t`embarkation cards għal barranin għada fis-seħħ.
Jista' il-Ministru jgħid jaqbilx li x-xtut Maltin mhumiex mgħassa biżżejjed u li jeħtieġ li tiġi nforzata s-sigurta' fix-xtut biex tiġi kkumbattuta aħjar l-importazzjoni tad-droga u t-traffikar tal-persuni? Jista' jgħid jekk il-pulizija tipprovdix servizz ta' għassa ma' l-ixtut Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta u għaldaqstant ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Infurmat ukoll, illi l-patrols effetwati mill-Pulizija jinkludu ukoll il-bajjiet.
Jista' il-Ministru jinterveni personalment biex Triq ir-Rumi, f'Wied il-Għajn tiġi rranġata għaliex din it-triq kienet inqalgħet biex saret trinka fiha u qatt ma ġiet irranġata sew bil-konsegwenza li llum din tħaffret u tinsab fi stat ħażin ħafna? Billi għall-mistoqsijiet oħra li jien għamilt fil-passat kont ġejt aċċertat li kienu se jittieħdu passi biex din it-triq tiġi rranġata u billi minkejja li għaddew snin baqa' ma sar xejn, possibbli jsir sforz biex qabel tidħol ix-xitwa din it-triq tiġi irranġata? Possibbli r-roads department jinnota li din hi triq dejqa u ma tinvolvix ħafna xogħol u li f'din it-triq minbarra residenti jgħaddu minnha wkoll ħafna bdiewa bil-bejgħa tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari No.19907 u li m'hemm xejn aktar xi nżied magħha.
B'riferenza għal HAM 1/2000 datata 25.02.2002 li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li nħarġet mis-senior manager finance tal-housing authority, tista' l-awtorita' twieġeb formalment għall-ittra li bagħat l-avukat tal-ħanut nhar l-14.03.2002 taħt ir-rifernenza 3560/02/RM fejn qed jiġi mitlub li:
''tal-ħanut jiġi allokat akkomodazzjoni alternattiva adegwata għall-bżonnijiet tan-negozju tiegħu, jekk hemm bżonn anke f'parti oħra taz-zona ta' żvilupp u jekk dan ma jkunx possibbli illi jitnaqqas l-ammont tal-kera proposta fl-istess ittra u dan
in vista
li is-Sur Bartolo bħalissa jħallas biss Lm60 ċens fis-sena għall-post minnu okkupat kif ukoll billi il-persuna konċernata mhijiex f'pożizzjoni li tħallas l-ammont rivedut 'il fuq tal-kera kif ukoll il-prezz stmat għall-bejgħ tal-post in kwestjoni'' anke peress li l-persuna in kwestjoni ma għandha ebda dħul finanzjarju ieħor apparti n-negozju msemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-re-allokazzjoni tal-ħwienet li ser jiġu effettwati mill-proġett ta' l-Imsida qed jiġu diskussi mill-Bord dwar l-Urban Renewal.
Ninsab infurmat li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi diskuss mill-imsemmi Bord u l-persuna konċernata ser tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi fil-futur qarib.
B'riferenza għall-applikazzjoni HA 97/99, li dwarha ġie ffirmat anke l-konvenju, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-awtorita' qiegħda tonqos milli tonora l-istess konvenju u jiġi ffirmat il-kuntratt definittiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna li jiġi ppublikat l-Avviż Legali li permezz tiegħu l-fond in kwistjoni jiġi trasferit mid-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-Awtorita'.
Meta jiġi ppubblikat dan l-Avviż, l-Awtorita' tibgħat għall-persuna konċernata biex isir il-kuntratt finali.
B'riferenza għall-fatt illi l-kunsill skolastiku skola primarja B ta' B'buġia għandha bħala depożitu s-somma t' Lm1500, jista' il-Ministru jgħid:
a) x'inxtara, jekk inxtara, għall-użu ta' l-istudenti b'dawn il-flus;
b) jara li xejn minn dawn il-flus ma jintefaq jekk mhux għall-użu dirett ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Settembru 2002, il-Kunsill Skolastiku ta' l-Iskola Primarja B ta' Birżebbuġa nefaq il-flejjes għall-użu ta' l-istudenti kif se nsemmi:
Addozzjoni ta' Ċiefa mill-Bird Life Malta Lm 5.00
u xiri ta' Ċief Soft Toy
Tazzi u Platti tal-Plastic għall-Farewell Party Lm 12.21
tas-sitt Sena
Ċertifikati għat-tfal tas-Sitt Sena Lm 36.97
Manutenzjoni tas-Sala ta' l-Iskola Lm 65.97
Siġġu għal tifel bi bħonnijiet speċjali Lm 3.95
Kiri ta' apparat tas-Sound għal tliet Performances Lm132.25
ta' Jum il-Premjazzjoni
Kiri tas-Siġġijiet għal tliet Performances ta' Jum Lm 55.30
il-Premjazzjoni
Minkejja dawn l-ispejjeż, matul il-perjodu msemmi, il-fond tal-Kunsill Skolastiku ta' din l-Iskola żdied minn Lm1543.95 għal Lm1970.02.
Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm illi t-toroq f'Ħal Għaxaq fil-kontrada tal-Millieri, tal-Qattus u toroq oħra bħal Triq Telleritu jinbdew stante illi fit-tweġiba għall-mistoqsija simili kienet pożittiva, iżda sal-lum għadu ma nbeda xejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31453
Għar-rigward ta' l-impjegati ta' l-ex DCA li kienu ma' l-MIA u li fi Frar li għadda għażlu li jmorru lura mal-gvern, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ġewx mgħotija l-arretrati ta' kemm damu ma' l-MIA?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-MIA onorat l-obbligi kollha skond il-Ftehim Preliminari ta' April 1998 mal-ħaddiema li kienu magħha mill-1 ta' Mejju 1998 sad-19 ta' Frar 2002 u li għażlu li jmorru lura mal-gvern. Dawn il-ħaddiema ma kinux intitolati għal arretrati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid:
a) kemm
mobile phones
l-awtorita' tad-djar xtrat tul dawn l-aħħar erba' snin?
b) x'ditta huma?
c) in-numru ta' persuni li qegħdin jagħmlu użu minnhom?
d) kemm minn dawn il-persuni huma ntitolati għal mobile cards?
e) fuq liema bażi tali persuni ġew assenjati l-użu ta' mobile phones?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dawn l-aħħar erba' snin l-Awtorita' tad-Djar xtrat 10 mobile phones kif jidher hawn taħt:
1) Erba' Alcatel;
2) Tnejn Motorola;
3) Tlieta Nokia;
4) Wieħed Panasonic.
Seba' persuni qegħdin jużaw dawn il-mobile phones. Persuna waħda hija ntitolata għall-mobile card darba fix-xahar.
Dawn l-uffiċċjali jużaw il-mobile phones għaliex hu bżjonnjuż għax-xogħol tagħhom.
Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq Lampuka, Paola bejn il-ħanut 'Di Milano' (kantuniera ma' Triq Joseph Stivala) u l-kantuniera bejn Lampuka Street, Paola u Triq tal-Borġ, Paola?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
X'inhi l-proċedura sabiex l-Enemalta tagħmel tajjeb għall-ħsarat kaġunati f'proprjeta' privata minħabba l-ġbid tal-wires ta' bozza tad-dawl elettriku mdendla f'nofs it-triq, dejjem biex jiġu evitati kawżi fil-qorti u stante li l-ħsara ġiet ikkonfermata minn perit li saret ħtija tal-ġbid tal-wires imsemmija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proċedura f'każi bħal dawn hi li wara li jiġi ppruvat li ħsara hija kaġun ta' l-apparat tal-Korporazzjoni, tittieħed azzjoni biex il-ħsara ma tkomplix u tissewwa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw din is-sena sabiex jibdew il-kors tal-Liġi u l-kors tal-Mediċina fl-universita' ta' Malta f'Ottubru 2002? Kemm minn dawn huma nisa u kemm irġiel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' applikazzjonijiet li saru għall-kors tal-Mediċina u tal-Liġi huwa dan:
Kors Irġiel Nisa Total
M.D. 51 76 127
B.A. Legal & Humanistic Studies 50 87 137
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' asfaltar ta' toroq f'Ta' Xlejli fil-Gudja, fuq liema suġġett jien ili nagħmel domandi f'dan il-parlament peress li l-istat ta' dawn it-toroq huwa atroċi u perikoluż ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li wara diversi laqgħat li saru mill-uffiċjali tal-Ministeru, mal-Kunsill Lokali Gudja dwar ftehim ta' xogħol fil-Gudja, il-kuntratt ta' ftehim bejn iż-żewġ naħat mistenni jiġi ffirmat iktar tard dan ix-xahar. Tajjeb wieħed ifakkar li t-toroq imsemmija, minkejja li issa ser isiru mill-Gvern Ċentrali skond il-ftehim li ser jiġi ffirmat mal-Kunsill Lokali, kienu toroq li meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kienu diġa' asfaltati.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35625, ċioe' jgħid jekk hux minnu li qed isir fencing madwar dock 2 u dock 3 tat-Tarzna ta' Bormla? X'inhi r-raġuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minħabba raġuni ta' sigurta' qed isir fencing madwar il-baċir numru tlieta fit-Tarzna ta' Bormla.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni għall-għajnuna għall-irranġar ta' strutturi perilolużi f'H'Attard SHA 88/2002, peress li dawn l-istrutturi huma fi stat imminenti ta' kollass?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant fl-aħħar ta' Awissu 2002. Fit-2 ta' Settembru 2002, l-Awtorita' bagħtet għad-dokumenti biex tagħmel il-means test meħtieġ. L-Awtorita' għadha qed tistenna żewġ dokumenti mingħand il-banek biex tkun tista' tagħmel dan il-means test.
Jista' il-Ministru jara li l-arkata li hemm mal-ġenb tal-kappella fil-Kunċizzjoni, l/0 Rabat, tiġi rranġata minnufih għax din l-arkata, li għandha valur storiku, tinsab fi stat perikoluż, bir-riskju li taqa' u tikkawża ħsara lil terzi persuni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-arkata msemmija ġiet spezzjonata minn uffiċjali tat-Taqsima tar-Restawr u qed tiġi stabbilita l-kawża tal-ħsara biex wara jkun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid illum kemm hemm ħabsin? Kemm minn dawn qegħdin hemm wara sentenza tal-qorti u kemm hemm fuq arrest preventiv? Kemm minn dawn huma nisa? Kemm hemm barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-30 ta` Settembru 2002, in-numru ta` priġunieri kien ta` 285. It-tagħrif mitlub dwarhom hu kif ġej:-
Irġiel - 272
Nisa - 13
Maltin - 188
Barranin - 97
Sentenzjati - 197
Taħt arrest preventiv - 88
Dawk il-priġunieri li jkunu qegħdin jiskontaw xi sentenza iżda jkunu ukoll taħt arrest dwar xi reat ieħor jidhru bħala sentenzjati.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li titwaħħal bozza f'side street li r-residenti li hemm fiha, li l-indirizz qed jintbagħat separatament, ilhom joqogħdu hemm 20 sena u għadhom sal-lum fi triq mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili. Minħabba n-numru ta' talbiet ta' din ix-xorta u minħabba fatturi oħra, mhux possibbli li l-Korporazzjoni tintrabat b'dati.