Ċittadini tal-UE — Reġistrazzjoni ta' kumpanniji f'Malta
Question
B'riżultat tal-ftehim milħuq mal-UE, jista' l-Ministru jikkonferma jekk ċittadin tal-UE jistax jirreġistra kumpannija f'Malta skond il-provvedimenti tal-Companies Act, 1995? Billi l-kumpannija tkun Maltija, jikkonferma mal-wording tad-deroga li l-kumpannija ma jkollha ebda restrizzjoni dwar l-għadd ta' proprjetajiet li tista' takkwista?
Għawdex — Heliport - Ħaddiema li jaħdmu fil-fire section
Question
Taħt liema dipartiment se jaqgħu is-16-il ħaddiem tal-MIA (ex AFM) li jaħdmu fil-fire section fil-heliport f'Għawdex u llum, milli jidher, jitħallsu mill-MIMCOL?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li b'riżultat tal-privatizazzjoni ta' l-MIA, bħalissa qed jiġi studjat il-mod li bih jista' jsir ir-ristrutturar tal-Heliport f'Għawdex. Fil-preżent qed jiġu evalwati numru ta' possibiltajiet dwar kif jista' jsir dan ir-ristrutturar filwaqt li jitħarsu l-interessi tal-ħaddiema kollha nvoluti.
Sakemm isir dan ir-ristrutturar, il-ħaddiema msemmija qed jitħallsu mill-MIA.
Billi l-Ministru ftit ilu għarraf lill-Kamra li kien se jippubblika tagħrif u dettalji dwar l-andament tal-IRS, investment registration scheme, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji relevanti?
Response (DALLI, JOHN)
Qieghed npoggi fuq il-mejda tal-kamra t-tgharif mitlub.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-għażla ta' principals mas-Settur Pubbliku, liema għażla kellha ssir b'interviews li saru u ntemmu f'Novembru, 2002?
Billi l-proċess ta' l-għażla ta' principals li sar b'eżami fl-istess żmenijiet intemm u diġa' ġew ippubblikati r-riżultati, x'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien?
Meta hu maħsub li jiġu pubblikati r-riżultati ta' dawn l-interviews?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li r-rizultat ta’ l-intervisti ghall-kariga ta’ “Principal” minn fost “management graduates” sejjer ikun ippubblikat fi zmien qasir.
Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg, Drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi W295 (Seduta 596 tas-17/09/01) u mistoqsija parlamentari oħra tiegħi 37609 (Seduta 833 ta' l-10/12/02), jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender ġietx aġġudikata?
Min hu l-kuntrattur li ħa din it-tender?
Billi dan ix-xogħol kien imwiegħed li jitlesta fis-sena 2002 (pq W295) u wara ntqal li se jibda "fil-bidu tas-sena li ġejja" jiġifieri din is-sena (pq 37609), jista' l-Ministru jgħid meta se jibda u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-tender għal din il-biċċa xogħol inħarġet, għalqet u issa qegħda ssir l-aġġudikazzjoni tagħha. Peress li hemm xi problemi mal-kuntrattur li qiegħed jiġi irrikmandat, l-aġġudikazzjoni ħadet daqxejn aktar milli suppost.
Din il-problema tal-għażla tal-kuntrattur hija mistennija tkun riżolta din il-ġimgħa stess biex b'hekk it-tender tkun aġġudikata.
Ix-xogħol huwa mistenni li jitlesta fiż-żmien li hemm stipulat fil-kuntratt.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 38216, jista' l-Viċi Prim Ministru jfisser il-frażi "talbiet pendenti" għax mill-informazzjoni li għandi jidher li hemm ħafna iktar każi "awaiting" minn erbgħa?
Jista' jgħid minn liema pajjiżi hemm it-talba ta' l-addozzjoni tat-tfal għal erbgħa talbiet pendenti?
Minn liema pajjiżi nġabu tfal għall-addozzjoni matul dawn l-aħħar erbgħa snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-erba' talbiet pendenti msemmija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38216 huma talbiet ta' adozzjonijiet ta' tfal Maltin li d-dipartiment ġie mgħarraf dwarhom mill-Avukat li ressaq ir-Rikors fis-Sekond'Awla.
Id-Dipartiment jiġi nfurmat mill-Avukat li jressaq Rikors fis-Sekond'Awla tal-Qorti Ċivili dwar talba tal-applikanti biex jadottaw minuri (skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Ċivili). Għaldaqstant, id-Dipariment mhuwiex f'pożizzjoni li jgħid in-numru ta' każijiet ta' adozzjonijiet pendenti fil-Qorti ta' Malta qabel ma jirċievi l-ittra msemmija mingħand l-Avukat tal-applikanti li ser jaddottaw.
Matul dawn l-aħħar erba' snin il-pajjiżi li minnhom inġabu tfal għal adozzjoni kienu Renju Unit, Pakistan, Albania, Rumanija, Filippini, Kolombja, Kenya u Marokk.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jinqabdu ħaddiema barrani llegalment fuq xi sit ta' xogħol mill-ispetturi ta' l-ETC jittieħdux proċeduri kkontra min iħaddem dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta-ħaddiema barranin jinstabu jaħdmu f'Malta illegalment, l-uffiċċjali tal-ETC jgħaddu l-każijiet immedjatament lill-Pulizija.
Il-Pulizija ttellagħhom il-Qorti immedjatament. L-uffiċjali tal-ETC ġeneralment jintalbu jitilgħu wkoll il-Qorti bħala xhieda kontra l-persuna akkużata. Kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddimhom, jiġu mmultati skond il-liġi, jekk jinstabu ħatja.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser tinxtgħel id-daħla għall-Kottonera peress li ilha mitfija xhur sħaħ? Jaqbel il-Ministru li d-daħla prinċipali għat-tlett ibliet ma' għandhiex tkun fi dlam ċappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nassigura lill-Onorevoli Membru, li kuntrarjament għal dak li kienet tagħmel l-amministrazzjoni laburista, hija l-politika dikjarata tal-Gvern preżenti li kemm jista' jkun idawwal il-pajjiż.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla qed ikun hemm ilmenti dwar ħafna nemus fil-kmamar? X'ser isir sabiex dan l-inkonvenjent jitneħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li dan l-ilment li qiegħed isemmi mhuwiex relatat biss għad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla iżda għar-residenti kollha ta' dawk l-inħawi għaliex il-kawża ta' dan l-ilment m'għandu x'jaqsam xejn mad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla. Biss qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji biex dan l-inkonvenjent jispiċċa.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Information Managment Unit
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus sabiex twaqqaf l-Information managment Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali l-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Information Management Unit fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jieħu ħsieb it-tmexxija ta' sistemi ta' l-informatika, tat-taħriġ fl-użu tas-sistemi u l-informatika in ġenerali u ta' l-operat kollu tas-sistemi fi ħdan id-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Fost l-oħrajn din il-Unit li tħaddem fiha 23 persuna, hija responsabbli mill-ħruġ ta' 'l fuq minn 1.8 Miljun cheque u nofs miljun ittra lill-benefiċċjarji tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, b'valur ta' aktar minn Lm200 Miljun kull sena. Barra minn hekk, fi ħdanha, jitmexxa l-programm tal-e-Government, filwaqt li jsir is-support tekniku kollu għall-aktar minn 800 impjegat li jħaddem u jaħdem permezz ta' kompjuter.
Minħabba s-sensittivita' u l-importanza nazzjonali tas-sistemi li jitħaddmu f'dan iċ-Ċentru, inħasset il-ħtieġa li jiġu implimentati sistemi ta' sigurta' massima sabiex jibqa' assigurat li ma' jsirux ħsarat, sabotaġġi jew indħil li jistgħu b'xi mod jew ieħor jikkompromettu l-integrita' u l-kontinwita' tal-benefiċċji soċjali lill-pubbliku.
Għaldaqstant, fl-2001 inħarġu żewġ tenders pubbliċi li kienu jinvolvu x-xiri, tal-installazzjoni u tal-commissioning ta' numru ta' sistemi avvanzati ta' sigurta'. Il-valur ta' dawn it-tenders kien ta' Lm34,300.83.
Minħabba li ried isir ħafna xogħol ta' ristrutturar sabiex jiġu nstallati dawn is-sistemi, kellhom jitbiddlu wkoll is-sistemi ta' l-elettriku u s-sistemi tad-data network. Il-Unit għaldaqstant ġiet ri-organiżżata u refurbished bi spiża ta' Lm12,964.15. Fil-maġġoranza assoluta tiegħu, x-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid jekk art f'San Ġiljan immarkata fuq dokument li qed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija hijiex art tal-Gvern? Jista' jgħid jekk din l-art ħarġitx b'tender jew le u jekk fl-affermattiv meta? Jista' jgħid ukoll minn min intrebħet din it-tender jekk huwa l-każ u għal-liema prezz? Jista' jgħid x'kien il-prezz mitlub fit-tender maħruġa mid-dipartiment ikkonċernat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jidher li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija proprjeta` tal-Gvern, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor. It-Taqsima ma ħarġet l-ebda tender fuq il-proprjeta` in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk art f'San Ġiljan immarkata fuq dokument li qiegħed nibgħat separatament ma din il-mistoqsija hijiex art tal-Gvern? Jista' jgħid jekk din l-art ħarġitx b'tender jew le u jekk fl-affermattiv meta? Jista' jgħid ukoll minn min intrebħet din it-tender jekk huwa l-każ u għal-liema prezz? Jista' jgħid x'kien il-przz mitlub fit-tender maħruġa mid-dipartiment ikkonċernat?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li l-art f`San Ġiljan li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt hija proprjeta` tal-Gvern. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern kienet qasmet din l-art fi tnax-il plot differenti bi skop li dawn ikunu jistgħu jinbiegħu. Fil-fatt minn dawn il-plots it-Taqsima ħarġet disgħa għall-bejgħ bit-tender, tnejn tħallew għal żmien iżjed opportun, u waħda nbiegħet direttament lil Enemalta sabiex tinbena substation. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi, skond kif applikabbli, id-dati ta` meta nħarġu it-tenders, min rebaħ it-tender, il-prezz tal-art u meta ġie iffirmat il-kuntratt.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex żewġt irħamiet tat-taraġ, waħda fl-indana t'isfel u l-oħra quddiem bieb numru 8 fi Block B triq Bertha K . IIg, Ta' Ġiorni jiġu mibdula peress li jinsabu imkissrin b'periklu għal min juża l-istess taraġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Cameron Gżira partikolarment għan-nies li joqogħdu fil-fond numru 5 tiġi msewwija mill-aktar fis possibli biex jitneħħa l-inkonvenjent eżistenti kif ukoll bi prekawzjoni għas-saħħa pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-ħsara fir-residenza numru 5, Triq Cameron Gzira tinsab fil-lower house drain u mhux problema konness mal-main tal-gvern. Madankollu d-Dipartiment ipprova jgħin lill-individwi konċernati billi bgħattna bowser biex nippruvaw niftħu lis-stoppage. Madankollu jidher illi hemm ħsara fil-lower house drain u l-istoppage ma nfetaħx. Għalhekk il-ħsara għandha tissewwa mill-individwi konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għamlitx xi studju tal-impatt tal-bill boards fuq il-livell tas-sewwieqa fit-toroq? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sarux studji speċifiċi dwar l-impatt imsemmi. Iżda qabel ma` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tawtorizza billboards kummerċjali, tiżgura li dawn mhux se jitqiegħdu f`postijiet li jkunu ta` periklu għas-sewwieqa bħal, ngħidu aħna, f`roundabouts jew f`salib it-toroq. Billboards oħrajn, bħalma huma dawk politiċi, ma jeħtiġux awtorizzazjoni mingħand l-Awtorita`. Billi uħud minn dawn qegħdin f`postijiet li jistgħu jkunu ta` tiġrib għas-sewwieqa, l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħda wkoll tiddiskuti ma` l-Aworita` dwar it-Trasport sabiex tinstab soluzzjoni usa` għall-problema.
X'kien l-ammont totali fi flus li ntlagħbu fuq il-logħob kollu organizzat mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-2002?
Response (DALLI, JOHN)
Ngharraf lill- Onorevoli Interpellant li id-dhul totali fi flus mill-loghob kollu organizzat mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fl-2002 kien ta’ Lm22,365,310.