Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36105 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Qort ta' Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jgħid x'inhi r-raġuni li fil-qorti ta' Għawdex qed jirrenjaw kaos u konfużjoni sħaħ, b'nuqqas kbir ta' staff, bir-reġistru l-ġimgħa l-oħra għal ċerti ħinijiet magħluq peress li ma kien hemm l-ebda persuna biex tirċievi l-atti ġudizzjarji, b'persuni li jkunu jridu jaraw xi file jistennew għall-ħinijiet twal u l-head fl-istess qorti kontinwament u pubblikament fi ġlied fil-bini tal-qorti għaliex ħadd ma jrid ibaxxi rasu wieħed għall-ieħor, b'eżempju ħażin li qiegħed jingħata anke lill-pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Leg 9 PQ #36107 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Indikazzjoni ta' Passaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35592, jista' il-Ministru jindika fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, fejn jeżisti l-passaġġ indikat fil-mistoqsija? Jista' jikkonsidra mill-ġdid t-tweġiba li ta peress li ma tidhirx li hija korretta? Fejn hija l-prattika normali tax-xogħol u l-electricity supply reg. kif indikat fir-risposta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #36115 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Karozzi tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala Ministru għandi żewġ karozzi uffiċċjali. It-tnejn jaħdmu bil-'petrol' li jingħata minn pompi tal-'petrol' privati u li ma jitħallewx il-Ministeru.
Leg 9 PQ #36116 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Karozzi tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd għandu karrozza waħda, dik uffiċjali. Din tingħata petrol mingħand Gaetano Camilleri Petrol Service Station fiż-Żurrieq. Il-vettura tiġi ggaraxxjata għand ix-xufiera uffiċjali tal-Ministru.
Leg 9 PQ #36120 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ċittadinanza

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li huwa mizzewweg cittadina Maltija, li żżewgu fit-13 ta' Ġunju 1999, li huwa wkoll ħallas l-applikazzjoni tiegħu fis-26 ta' Ottubru 1999, l-ammont ta' Lm 17 għall-aplikazzjoni taċ-ċitadinanza, (receipt number P 177347) għadu sal-lum ma ircieva l-ebda risposta?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ m`għandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31022.
Leg 9 PQ #36131 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Casual Typists

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jinformani jekk il-casual typists impjegati mal-gvern u li ilhom hekk għal żmien twil, hemmx il-ħsieb li jsiru tal-post fil-futur qarib? Kemm hemm casual typists impjegati mas-settur pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li kont tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 35810. In-numru ta’ “Casual Typists” huwa ta’ 122.
Leg 9 PQ #36132 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Żejtun - Triq id-Dwiemes

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex applikazzjonijiet pendenti għall-bini f'biċċa art li hemm quddiem il-ġnien li hemm fi Triq id-Dwiemes, Żejtun? Din l-art (ta' quddiem il-ġnien) għadha green area?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jimmarka fuq site plan il-post li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #35384 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tat-Turiżmu

NTO

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’kienu għas-sajf u x’inhuma għall-ħarifa l-inizjattivi ta’ pubbliċita’ li l-NTO qed tieħu ġewwa r-Renju Unit u s-swieq prinċipali Ewropej? Jista’ jgħid jekk saritx xi analisi tar-riżultat milħuq dwar l-inizjattivi pubbliċitarji li ttieħdu s-sena l-oħra u x’kien ir-riżultat milħuq? Jista’ jagħti xi informazzjoni? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport analitiku, jekk sar, dwar l-effett tat-tneħħija tat-TOSS? Jista’ jgħid jekk l-effett tat-tneħħija tat-TOSS ġiex adegwatament kompensat b’xi inizjattivi ġodda u jekk iva, jissostanza dan b’rapporti jew statistika?

Response (REFALO, MICHAEL)

Jien infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu organizzat kampanja ta’ pubbliċita’ li kienet tinkludi reklamar, parteċipazzjoni fil-fieri, program ta’ relazzjonijiet pubbliċi, għajnuna lit-tour operators, promozzjoni ta’ konferenzi w Incentive & Special Interest Travel. L-uffiċini barranin ta’ l-MTA ħadu inizjattivi oħra fosthom workshops speċjalizzati, żjarat f’Malta minn aġenti ta’ l-ivvjaġġar barranin u laqgħat ta’ informazzjoni dwar il-prodott Malti għal tour operators u aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli fit-turiżmu internazzjonali fis-sena 2002, il-budget tal-MTA żdied sostanzjalment u laħaq is-somma ta’ aktar minn 7 miljun lira Maltin. Ir-riżultati ta’ din l-attivita’ kollha jiġu mkejla matul is-sena kollha u l-Awtorita’ tinsab konvinta li Malta laqgħet għaċ-ċirkostanzi diffiċli tas-sena 2002 aħjar minn destinazzjonijiet oħra. Wieħed mill-iktar swieq li rpilja malajr hu s-suq Ingliż u jidher ċar li aktar ma daħal l-istaġun tas-sajf irnexxielna kważi nilħqu l-volum tas-sena l-oħra, partikolarment f’Ġunju, Lulju u Awissu, u dana meta fl-2001 is-suq Ingliż kien miexi tajjeb ħafna. L-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu tinsab konvinta li l-flus li qabel kienu jintefqu għas-sussidju tat-TOSS issa qed jintefqu b’mod aħjar u li d-deċiżjoni li jitneħħa s-sussidju kienet għaqlija u fuq kollox deċiżjoni kummerċjalment korretta.
Leg 9 PQ #35409 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-mobile phone tal-Ministeru u tas-segretarjat privat bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħlasijiet li saru mill-Ministeru ta' l-Agrikultura u s-Sajd għas-servizz ta' mobile phones mill-Ministru u s-Segretarjat Privat tiegħu, kif ukoll mis-Segretarju Permanenti, minn Jannar sa Awissu ammontaw għal Lm2,008.39c. Dan ikopri wkoll il-kont tal-mobile għal ex-Segretarju Permanenti.

Ilma tat-Tisqija

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34706, jista' jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkolu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35136 (Seduta 789).
Leg 9 PQ #35453 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ilmenti

Question

Jista` il-Prim Ministru jinvestiga l-ilmenti ġenwieni tar-residenti ta` Baħar iċ-Ċagħaq li tagħhom qed nibgħat kopja separatament? Jista` jara li l-ilmenti ta’ dawn ir-residenti jiġu mismugħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jaghmel il-Mistoqsija lil Ministru koncernat.
Leg 9 PQ #35454 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista’ il-Ministru jinvestiga l-ilmenti ġenwieni u l-iżvantaġġ kbir li se jsofru r-residenti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li tagħhom qed nibgħat kopja separatament u petizzjoni ffirmata mill-istess residenti? Jista` jassigurani li jinstab site ieħor sabiex dawn ir-residenti ma jsofrux id-danni msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35437, ninsab infurmat illi kontra kif qed jingħad mir-residenti, l-applikazzjoni u l-permess li nħareġ ma jkoprix l-għeluq b`fence tal-parti t`isfel tal-masġar iżda biss il-parti ta` fuq fejn hemm il-bini ta` żmien l-Ingliżi u fejn jużaw l-iscouts. Is-sit li jinkludi fih il-passaġġ li qed jagħmlu referenza għalih ir-residenti, ġie mikri lil lis-Scouts għall-camping permezz ta` Riżoluzzjoni tal-Parlament li għaddiet b`mod unanimu fit-28 ta` Mejju ta` din is-sena. L-Scouts kienu ilhom jagħmlu użu minn dan is-sit għal ħafna snin. Jien infurmat ukoll illi fil-fatt diġa` jeżisti passaġġ tar-riġel ieħor xi sittin metru aktar l`isfel minn dan l-istess passaġġ.

Għargħur — Triq il-Caravaggio

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli li qed isofru r-residenti Għargħawrin meta għandhom l-aċċess imblukkat fi Triq Caravaggio u kawża ta’ dan it-traffiku qed jinġema` fil-pjazza tar-raħal u jkun ta’ inkonvenjent kbir kif ukoll ta’ periklu għat-tfal u l-anzjani, jista` il-Ministru jara li jinħarġu t-tenders meħtieġa ħalli tiġi estiża din il-parti tat-triq fil-Għargħur? Jekk fl-affermattiv, meta? Jista` jassigurani li x-xogħlijiet ikunu lesti sal-festi tal-Milied li ġejjien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 16511.

Baħrija — Triq Prinċipali

Question

Jista` il-Ministru jgħid x’ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fit-triq prinċipali tal-Baħrija? Jista` jara li din it-triq tingħata wiċċ tarmak qabel il-11 ta’ Novembru li ġej ħalli għall-festa ta’ San Martin ir-residenti u l-Maltin li jidħlu l-Baħrija għall-festa u matul ix-xitwa li ġejja jsibu triq tajba u mhux kollha ħofor u skossi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari numru 35358.
Leg 9 PQ #35578 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Taħdidiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx għaddejjin it-taħditiet bejn it-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u l-awtoritajiet ta' l-universita' dwar min għandu d-dritt li jmexxi l-pixxina u faċilitajiet oħra tal-madwar? Kemm saru laqgħat s'issa matul din is-sena u meta saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31901.
Leg 9 PQ #35579 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Formazzjoni tal-Kumitat

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu fformat il-kumitat tat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm minnhom għandhom salarju/allowance? Għandhom xi benefiċċji oħra? Jista' jagħti d-dettalji tas-salarji, allowances u benefiċċji oħra ta' kull uffiċjal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali huwa ffurmat hekk: Is-Sur Maurice Gruppetta - Chairman Is-Sur Joe Cassar - Segretarju tal-Bord Is-Sur Franco Azzopardi - Direttur tal-Finanzi Is-Sur Peter Bonello - Membru Is-Sur Robert Ebejer - Membru Informat ukoll li ċ-Chairman jirċievi remunerazzjoni ta' Lm750 fix-xahar u bonus ekwivalenti għal 10% tal-cash surplus tas-sena finanzjarja preċedenti. Il-membri l-oħra tal-Bord jirċievu remunerazzjoni ta' Lm1000 fis-sena.
Leg 9 PQ #35580 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Żjajjar Kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni issa rigward studenti li l-għalliema tagħhom iridu jeħduhom fuq żjajjar kulturali wara d-deċiżjoni ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu li timmulta għalliem li kien qed jispjega dwar monument storiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Fi stqarrija pubblika l-MTA insistiet li qatt ma kienet u lanqas hi l-politika jew il-prattika ta' l-Awtorita` li tieħu passi kontra membri tal-professjoni ta' l-għalliema li jkunu qed jieħdu ħsieb studenti ta' l-iskejjel primarji, sekondarji u terzjarji fuq żjarat kulturali f'mużewijiet u postijiet storiċi.
Leg 9 PQ #35581 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Trasport ta' tfal — Superviżjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex obbligatorju li jkun hemm superviżjoni ta' adulti fuq vannijiet/buses li jintużaw biex iġorru t-tfal lejn u mill-iskola? Min huwa responsabbli jekk jinqala' xi inċident?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux obbligatorju li jkun hemm superviżjoni ta' adulti fuq vannijiet/buses waqt il-ġarr lejn u mill-iskola, ħlief waqt ġarr tat-tfal bi bżonnijiet speċjali. Meta kien hemm superviżjoni ta' adulti mat-tfal waqt il-ġarr lejn u mill-iskola, dan kien organizzat mill-Kunsill Skolastiku mill-istess ġenituri.

Liċenzji tas-Sewqan — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat biex tagħmel it-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm saru minn dawn it-testijiet? Kemm-il persuna għaddiet? Meta xi ħadd jeħel minn dan it-test meta jerġa' jissejjaħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' persuni li applikaw għat-test tas-sewqan fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002, kemm saru testijiet u kemm il-persuna għaddiet huwa kif ġej: Numru ta' Applikazzjonijiet 5,361 Numru ta' testijiet li saru 5,805 Numru ta' persuni li għaddew mit-test 5,262 Il-proċeduri wżati mid-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet (D.L.T.) meta xi ħadd jeħel mit-Test tas-sewqan huma dawn: a) jekk l-applikant qiegħed ma' skola tas-sewqan, din terġa tissottometti nominazzjoni lid-D.L.T. għal test ieħor. Id-data tiġi ffissata mill-istess skola tas-sewqan. b) jekk l-applikant qiegħed ma' instructor privat, jirċievi appuntament ieħor mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli. c) f'każ li l-applikant jeħel mi-test orali (l-aħħar parti tat-test), kemm jekk qiegħed ma' skola tas-sewqan jew instructor privat, jirċievi appuntament għal test orali biss mid-D.L.T. fl-eqreb data possibli.
Leg 9 PQ #35583 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ġnus Magħquda

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi kuntatti bejn il-Gvern Malti u dak ta' l-Istati Uniti dwar il-problema ta' l-Iraq? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx xi forma ta' pressjoni fuq l-Istati Uniti biex qabel ma tieħu xi azzjoni militari din tagħmlu taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda?

Response (BORG, JOE)

Meta indirizzajt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-15 ta' Settembru li għadda, kont sħaqt f'isem il-Gvern Malti, l-Gvern Iraqin għandu jonora l-obbligi tiegħu kollha taħt ir-riżoluzzjonijiet relattivi tal-Kunsill tas-Sigurta'. Sostnejt ukoll l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li: "The International community should spare no effort in exploring all political and diplomatic options that would or could assist in resolving the issue. Malta is in agreement with the Secretary General that if Iraq fails to meet its obligations, the Security Council, as an organ primarily entrusted with the responsibility for the maintenance of international peace and security, must shoulder and face its responsibilities. The Security Council has to ensure compliance with its own resolutions in the interest of the international rule of law." Irrid ngħid illi dan il-messaġġ tal-Gvern Malti twassal għand dawk il-pajjiżi, inkluż l-Istati Uniti, li staqsew dwar x'pożizzjoni qed tieħu Malta f'din iċ-ċirkostanza.