Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35549, li oriġinarjament saret lill-ministru għall-agrikoltura u sajd, jista' jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' għat-Trasport hija responsabbli li tara li l-kanali ta' l-ilma tax-xita fit-toroq arterjali u distributorji jkunu ndaf ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel, filwaqt li l-Kunsilli Lokali għandhom l-istess responsabbilita' għall-kanali li jaqgħu fit-toroq l-oħra. Ix-xogħol fit-toroq arterjali u distributorji jsir għall-Awtorita' minn ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Peress li d-dettalji ta' kemm sar min dan ix-xogħol sa llum irridu jinġabru mingħand il-Kunsilli kollha u entitajiet oħra, din l-informazzjoni ma tistax tingħata għalisssa.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi, għad li r-risposta għall-mistoqsijiet preċedenti kienu posittivi, d-drenaġġ fi Triq Tilleritu, Għaxaq u l-akwata tal-madwar għadu sal-lum ma sarx?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan ix-xogħol jinkludi tħaffir ta' main twil, bini ta' Pumping Station ġdida u tħaffir għal rising main. Diġa' ntalbet l-easement ta' l-art u qed tiġi ppreparata l-applikazzjoni għall-MEPA tal-bini tal-Pumping Station. Meta dawn ikunu lesti, d-Dipartiment tad-Drenaġġ ikun jista' joħroġ it-tenders tal-katusi.
Dan huwa proġett estensiv ħafna u żgur li ma jistax isir din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm quantity surveyors impjegati mal-ministeru tiegħek? Min huma? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed? Kemm-il proġett ħadmu fuqu kull wieħed fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm ittieħed leave minn kull wieħed fl-istess żmien? Kemm ittieħed sick leave minn kull wieħed fl-istess żmien? Il-Ministru huwa sodisfatt bix-xogħol li qiegħed isir minn kull wieħed?
Jista' il-Ministru jagħti r-raġunijiet lil din il-Kamra għalfejn il-ħaddiema tal-pumping station tad-drenaġġ tal-Gżira sal-lum:
1) m'għandhomx
shower
meta d-diriġenti għandhom
2) tagħmir ta' protezzjoni għax-xogħol tagħhom għadu inadegwat
3) ma tħallsux l-allowance mogħtija speċjalment għad-drainage workers ma tħallsitx għax-xahar ta' Settembru 2002?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Pumping Station tad-drenaġġ tal-Gżira huma pump attendants illi x-xogħol tagħhom mhux f'kuntatt dirett mad-drenaġġ. Għalhekk dawn il-ħaddiema ma jirrikjedux li jkollhom showers. Fil-fatt fil-Gżira Pumping Station m'hemmx showers lanqas għad-diriġenti.
Rigward it-tagħmir ta' protezzjoni, il-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tad-Drenaġġ huma mgħammra b'dan it-tagħmir u ma jirriżultax illi hemm xi nuqqas ta' dan.
Rigward l-allowances dawn ser jitħallsu dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post vakanti ta' Inventory Officer fl-MCAST li għaliha kien hemm sejħa pubblika f'Awissu ta' din is-sena, ġietx okkupata jew le? Jekk fl-affermattiv, minn min, u xi kwalifiki għandu/ha l-persuna li ġiet ingaġġata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-post vakanti ta' Inventory Officer għadu ma nteliex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nri. 33233 u 33380, jista` l-Prim Ministru jgħid x'sar mid-disa` proposti li saru lill-Gvern għal Private Public Partnership fil-qasam tal-landscaping.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi d-disa’ proposti li saru lill-Gvern ghal “Private Public Patnership” gew evalwati u gew “shortlisted” tnejn.
Bhalissa ghaddejjin negozjati mal-“preferred bidder” kif ukoll ma’ rappre¿entanti tal-haddiema u dawn mistennija jigu konkluzi fi zmien qasir.
Jista' il-Ministru jindika meta huwa fi ħsiebu li jidħlu fis-seħħ l-emendi l-ġodda tal-kodiċi kriminali dwar l-arrest preventiv li jitnaqaas mis-sentenza ta' priġunerija?
Response (BORG, TONIO)
Qed isiru diskussjonijiet mal-Pulizija u l-awtoritajiet tal-Ħabs dwar dan is-suġġett.
Pulizija — Birkirkara - Persuna tgħix ġewwa karrozza
Question
Jista' il-Ministru jara li bniedem li qiegħed joqgħod u jorqod fil-karozza tiegħu (Yugo) u li qiegħed iħammeġ u jarmi mal-bibien tar-residenti fi Triq il-Kollegiata, Birkirkara, jiġi ikkurat għaliex ilu hemm xi erba' xhur? Diġa` sar rapport lill-pulizija u jidher li hu pazjent mentali.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-18 ta` Settembru 2002, il-Pulizija kellha rapport li kien hemm raġel għarwien f`karozza fi Triq il-Kolleġġata, Birkirkara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn ir-rapport kien ikkonfermat. Irriżulta illi dan ir-raġel huwa magħruf li għandu problema tal-alkoħol u huwa wkoll bla dar. Minn aktar stħarriġ sar magħruf li din l-istess persuna kienet taħt kura psikjatrika. In vista ta` dan kollu, il-Pulizija, dak il-ħin stess, talbet assistenza medika u dan ir-raġel ġie rikoverat fl-isptar Monte Carmeli. Jirriżulta ukoll illi dan ir-raġel kien ġie rilaxxat xi ġranet wara. Kif jidher ċar, il-Pulizija ħadet l-azzjoni meħtieġa minn naħa tagħha, u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Possibbli li l-awtorita` marittima tieħu passi immedjati biex jiġi aċċertat li l-fairway fil-bajja ta' Wied il-Għajn ma tkunx imblukkata peress li hemm sajjieda full-time b'lanċa kbira li ma jkunux jistgħu jgħaddu minħabba li l-fairway tkun imblukkata?
Possibbli l-Ministru ġentilment jinformana x'passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-awtorita` marittima?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talba li saret minn sajjieda full time sabiex ikun hemm fairway ġewwa l-bajja ta' Wied il-Għajn li minnha jkunu jistgħu jidħlu u joħorġu mill-irmiġġ tagħhom u jiżvolġu l-attivita' tas-sajd mingħajr tfixkil, qiegħda tiġi proċessata. Diġa ttieħdu ritratti mill-ajru sabiex jiġu jdentifikati aħjar l-ostakoli u qiegħed jitħejja pjan sabiex ikun hemm aċċess aħjar għal dawn is-sajjieda bl-inqas spostamenti possibli ta' rmiġġi oħrajn. Jonqos biss xi konsultazzjonijiet ma' l-istess sajjieda u dalwaqt toħroġ Notice to Mariners li tistabbilixxi l-kriterji tal-fairway f'din il-bajja.
Jista' il-Ministru jgħid kif wara sentejn għadu ma ttieħed ebda passi biex tiġi solvuta problema li qed ikollhom il-familja li d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, ta' drenaġġ li qed jinfed għar-residenza tagħhom mit-triq La Vallette Birgu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nissuġerixxi li tali mistoqsija tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' konsulenti li ġew ingaġġati mill-fondazzjoni skejjel ta' għada? X'tip ta' xogħol ingħataw u fuq liema skala u x'kienet il-fee li tħallset?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-konsulenti ngaġġati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada huma kif se nsemmi:
Konsulent Kumpanija Skola
Mr Anton Valentino Architectural Consultants Sir Adrian Dingli, Pembroke
Services Secondary School, Karwija
u proġetti oħra fl-iskejjel
Mr George Management Consultant - Diversi
Papagiorcopulo FTS
Mr Maurice Galea Contracts Consultancy Diversi
Services
Ir-rata ta' ħlas lil dawn il-konsulenti hija ta' Lm10.00 fis-siegħa inkluż il-VAT.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kuntratturi kollha li ngħataw xogħol mill-fondazzjoni skejjel ta' għada sabiex jirranġaw skejjel, inkluż dettalji ta' l-iskola, ix-xogħlijiet li saru u l-valur tax-xogħol li sar?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 35660.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala talba li kienet saret aktar minn għaxar snin ilu mill-propretarji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, ta' plots 1-6, Għar Barka H.O.S. Rabat għal xiri ta' art li hemm wara l-plots tagħhom, għada ma ġietx milqugħa sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba li kienet saret aktar minn għaxar snin ilu mill-propretarji tal-plots 1-6, Għar Barka H.O.S. Rabat, għax-xiri ta` art fuq wara il-plots tagħhom ma ġietx milqugħa minħabba li l-art qiegħda barra l-iskema tal-iżvilupp u li il-kuntratt tal-akkwist tal-art mas-sidien privati għadu ma sarx.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress, wara l-laqgħa li saret xhur ilu mal-Kunsill Lokali Żabbar, dwar l-istat ħażin tat-toroq fl-area ta' St.Peter's?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 35298.
Jikkonferma il-Ministru li l-bini ta' appartamenti fin-naħa tat-Toqba tal-Birgu ma' kellhomx jaqbżu il-livell ta' Triq il-Ħabs l-Antik, Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi livelli jew għoli ta' bini fi kwalunkwe żvilupp huma regolati mill-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux permess li faċċata ta' bini fil-Kottonera jinbena tal-bricks flok tal-ġebla Maltija?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm bħala regola ġenerali, il-bini kollu għandu jinbena bil-faċċata tal-ġebla Maltija, il-MEPA tista` teżenta lil xi ħadd milli jibni l-faċċati bil-ġebla Maltija. Fil-każ tal-Kottonera, il-bini li qiegħed isir bħala parti mill-iżvilupp tal-Kottonera Waterfront ser jinkesa bit-travertine.
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-sular ta' appartamenti ġew approvati fil-kuntratt oriġinali tal-proġett tal-Kottonera, liema appartamenti qed jinbnew fin-naħa tat-Toqba tal-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi n-numru ta' sulari ta' appartamenti fil-Proġett tal-Kottonera huma regolati mill-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.