Kors għall-Ċertifikat fil-qasam tal-Quantity Surveying
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-kors għall-ċertifikat fil-qasam tal-quantity surveying li kienu jattendu ħdax għalih u li beda s-sena li għaddiet? Se jiġi assorbit mill-kors għal diploma li għalih l-MCAST se jiċċarġja Lm175 fis-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tal-Quantity Surveying kienu jattendu għalih ħdax-il student. Dawn l-istudenti qegħdin isegwu l-kors ta' Draughtsman bħala main kors.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll l-MCAST baqgħu mexjin fuq l-istess linji ta' qabel u kull min kien beda l-kors ta' Draughtsman baqa' sa' l-aħħar dħul tal-kors mad-Diviżjoni (ie. 2000-2001). Kienu offruti l-kors fil-Quantity Surveying li tiegħu kien jingħata ċertifikat u ta' dan ma jsir ebda ħlas. Dan ser jibqa' jsir sakemm jispiċċaw l-aħħar grupp (11).
Il-Qasam tal-Quantity Surveying sar qasam professjonali u b'taħriġ separat. Għalhekk wara l-ewwel sena mit-twaqqif ta' l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-bini u Kostruzzjoni fl-MCAST, rajna l-importanza ta' dan il-qasam, u rnexxielna nġibu mezz kif nistgħu nibdew minn din is-sena Kors fil-livell ta' Diploma fil-Quantity Surveying. Dan ser isir b'għajnuna minn barra.
Għalhekk l-applikanti għall-Kors tad-Diploma jistgħu jkunu kemm studenti li segwew jew qed isegwu l-kors ta' Draughtsman, li numru konsiderevoli minnhom huma minn dawk il-ħdax li semma' l-Onor. Membru.
Il-ħlas ta' Lm175 huwa għal kull min applika għall-kors tad-Diploma li ser isir fil-għaxija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' stupru din is-sena? Kemm kellhom eta' dawk stuprati u ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm ġew solvuti minn dawn il-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sat-30 ta` Settembru 2002, kien hemm 10 każijiet ta` allegazzjonijiet ta` stupru rappurtati lill-Pulizija. Disa` persuni tressqu l-Qorti fuq dawn l-akkużi.
L-etajiet kienu jvarjaw minn 12-34 sena. Tliet każijiet għadhom qed jiġu investigati. Kien hemm żewġ każijiet oħra (barra l-10 każijiet), fejn il-kwerela ġiet irtirata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdet droga din is-sena u x'tip kienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta` droga li nqabdet mill-Pulizija matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena huwa kif ġej:
Cocaine 4kg413grms
Heroin 624.18grms
Cannabis plants 12 plants
Cannabis grass 844.95grms
Cannabis resin 8kg620.5grms
Cannabis seeds 43 seeds
Ecstacy 975.5 tablets
DHC 85 tablets
Methadone 230ml
Hallcion 59 tablets
Anabol 13,000 tablets
Ocymetholone 30 tablets
Stanozolol 1,255 tablets
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni, fuq każi ta' dixxiplina quddiem il-PSC? Għaliex ittellgħu u x'kien l-eżitu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi ghall-kazijiet tad-dixxiplina li gew riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul din is-sena.
Kif diga` wegibt drabi ohra, il-kazijiet tad-dixxiplina gew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u ghalhekk dawn il-kazijiet m’ghadhomx jghaddu mill-Ufficcju tieghi.
Dwar id-Dipartimenti li jaghqu taht l-Ufficcju tieghi ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena s’issa kien hemm kaz wiehed li gie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dan il-kaz ghadu pendenti quddiem il-Qorti.
Fir-rigward tal-Ministri l-ohra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jaghmel il-mistoqsija tieghu lill-Ministri rispettivi.
Dwar il-kazijiet tad-dixxiplina li nbdew taht ir-Regolamenti ta’ l-1977 ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena s’issa kien hemm dsatax-il kaz li gew riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi t-taghrif l-iehor mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq storbju eċċessiv u x'weħħlu f'kull każ din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena kien hemm 1,502 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti bi ksur tal-paċi pubblika. Minn dawk li kellhom il-każ tagħhom deċiż, u li ġew misjuba ħatja, dawn weħlu pieni stabbiliti skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kemm inżammu ħlasijiet fuq proġetti tal-gvern, li tagħhom il-Ministeru tiegħek huwa responsabbli, talli x-xogħol li sar ma kienx tal-livell mixtieq? Jista' jagħti lista tal-kumpanniji/kuntratturi/individwi li ma tħallsux u kemm kien il-ħlas li nżamm? X'kien ix-xogħol li ma sarx kif suppost?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm każ wieħed fejn inżamm ħlas, li kien ta' Lm4706.74 għal xi xogħol fuq il-Promenade ta' Tas-Sliema. Ma naħsibx li jkun f'loku li nagħti d-dettalji ta' min hu l-kuntrattur, speċjalment meta l-istess kuntrattur qiegħed jirrimedja s-sitwazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inżamm ħlas lill-kuntratturi li għamlu xogħol fuq proġetti li l-Ministeru tiegħek huwa responsabbli għalihom fl-ewwel tmien xhur tas-sena? Jista' jgħid min huma? Kemm kien il-ħlas li nżamm u fejn kien ix-xogħol li ma sarx sew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu, dwar x'tip ta' ħlas qed jagħmel riferenza.
Jista' il-Ministru jgħid wara li l-Assistent Kummissjarju is-Sur Josie Brincat iltaqa' ma' rappreżentanti tal-NSTS dwar ħwienet tax-xorb f'Paceville li servew xorb lil tfal taħt l-eta', jista' jgħid x'passi ser tieħu l-pulizija speċjalment fejn kien hemm inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-12 ta` Settembru 2002, kienet issejħet laqgħa fil-Ministeru tat-Turiżmu li għaliha attendew fost oħrajn rappreżentanti tal-NSTS u l-Assistent Kummissarju J. Brincat. Infurmat ukoll illi din il-laqgħa kienet fuq tema ġenerali u ma kien hemm ebda rapporti la bil-miktub u lanqas verbali dwar xi ħwienet tax-xorb partikolari. Pero` kien ġie mwiegħed minn naħa tal-NSTS li din kellha tibgħat rapport, liema rapport s`issa għadu ma wasalx.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu għalliema ġodda mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni għal din is-sena skolastika? Għal liema suġġetti? Jista' jgħid jekk l-għalliema li iggradwaw din is-sena u li applikaw mal-gvern daħlux jaħdmu kollha jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 35628.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' tfal li qed jattendu l-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena skolastika? Jista' jagħti l-figuri mqassma f'kindergarten, primarji, eċċ? Kemm huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel ta' l-Istat huwa kif se nsemmi:
Settembru 2002
Subien Bniet Total
Pre-Primary 2590 2590 5180
Primarja 10720 9350 20070
Junior Lyceums 2770 4520 7290
Sekondarja 5550 4190 9740
Total 21630 20650 42280
Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti akkademiċi li saru resits tagħhom tas-SEC u tal-MATSEC? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għal kull suġġett? Kemm għaddew f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti ġodda għal xi kors fl-universita' din is-sena? Jista' jaqsamhom skond il-kors li ħadu u minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq Kelinu Cachia f'Ħal Tarxien ser tiġi asfaltata? Meta ser jitneħħa l-iskart li qed jiġġenera diversi insetti bil-konsegwenza li jistgħu jittieħdu xi infezzjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Fir-rigward ta' l-iskart fl-imsemmija triq l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iridu jkunu l-mezzi sabiex persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għall-Għajnuna tal-Mard hu regolat, minbarra l-aspett mediku, mit-test tal-mezzi.
Dan it-test tal-mezzi jinqasam fi tnejn. L-ewwel test hu dak tar-riżorsi kapitali u t-tieni wieħed jirrigwardja d-dħul fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant.
Ir-riżorsi kapitali ma jridux ikunu aktar minn Lm4,000 f'każ ta' persuna waħedha, u mhux aktar minn Lm7,000 f'każ ta' koppja. Jekk persuna tissodisfa t-test tar-riżorsi kapitali, ssir stima tad-dħul kollu fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant.
Id-dħul fil-ġimgħa ma jridx jeċċedi l-ammont ta' Lm9.30 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna waħedha, wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali fil-ġimgħa, relatata mal-każ li jkun. F'każ ta' koppja l-ammont stabbilit hu ta' Lm12.80 fil-ġimgħa wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali relatata mal-każ.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni għaliex numru ta' pulizija li ġew trasferiti għal ma' l-SAG, u minkejja li jaħdmu l-istess bħall-membri tal-SAG m'humiex jingħataw l-allowance ta' Lm45 fix-xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtina aktar dettalji sabiex inkun nista` nivverifika.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex mara armla tirċievi xi għajnuna sabiex tirranġa r-residenza tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha diversi skemi ta' sussidju għall-irranġar tad-dar.
Dawn huma:
Skema Z - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati Okkupati mis-Sidien;
Skema 5 - Suddidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Okkupati mill-Inkwilini jew Ċenswalisti;
Skema W - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Proprjeta' tal-Gvern.
Dawn l-iskemi jista' jibbenefika minnhom kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta ma' l-iskema rispettiva, immaterjalment mill-istat ċivili ta' l-applikant
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' tad-djar sabiex tinvestiga l-allegat riskju għal terzi persuni li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, li jirriżulta li hemm f'wieħed mill-maisonettes ta' l-awtorita' f'Ħad-Dingli, skond rapport li sar minn perit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi nvestigat flimkien mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u l-Awtorita' għall-Ippjanar u l-Ambjent.