Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-karozza assenjata lili bħala Ministru hija Honda Accord u li kienet nxtrat fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Petrol jittieħed mingħand France Petrol Station, Fgura u mingħand Rizzo Service Station, B'Kara.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu karozza Peugout 406, b'magna diesel u Kia Avella, b'magna petrol. Il-fuel għal dawn il-karozzi jittieħed mingħand Skan Service Station, u mingħand St Joseph Petrol Station, it-tnejn f'Sta Venera.
Bħal fil-każ ta' kull Ministru u Segretarju Parlamentari ieħor, preżenti u passati, dawn il-karozzi huma għad-dispożizzjoni tiegħi u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi, 24 siegħa kulljum.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru għandu żewġ karozzi uffiċjali. It-tnejn jaħdmu bil-petrol li jingħata minn pompi tal-petrol privati u li ma jitħallewx il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (REFALO, MICHAEL)
Hemm żewġ karozzi li huma għad-dispożizzjoni tiegħi u t-tnejn li huma jaħdmu bil-petrol li jittieħed mill-pompa ta’ MISS Ltd f’Manoel Island. Iż-żewġ karozzi jittieħdu d-dar wara l-ħin tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jara li jissewwa l-fanal, li ilu mkisser, mal-bozza li hemm f'nofs Triq St Albert, Gżira (in-naħa t'isfel) quddiem block B, Pinto buildings)
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Żejtun — Persuna li weġġgħet fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' il-Ministru ġentilment jivverifika għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma reġgħetx ġiet imsejħa biex tidher quddiem il-bord wara li fit-8 ta' Ġunju 2001 kienet weġġgħet fuq il-post tax-xogħol u spiċċat rikoverata l-Isptar San Luqa?
Billi l-aħħar darba li dehret quddiem il-bord kien f'Ġunju ta' din is-sena, meta hu ppjanat li terġa' tissejjaħ quddiem il-bord?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Possibbli Enemalta ġentilment tiċċekkja żewġ bozoz li hemm fi Triq Tar-Rumi, Wied il-Għajn għaliex dawn qed jintfew u jixgħelu minħabba xi ħsarat li fihom?
Billi din hi triq imwarrba, possibbli dawn jiġu rranġati fl-iqsar żmien possibbli għax kelli lmenti mir-residenti li joqogħdu fl-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid hemmx il-ħsieb li ssir Triq il-Barumbara, Ħaż-Żabbar għax minkejja li hi ferm abitata għadha fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-Triq hija asfaltata u x-xogħol ta' resurfacing li għandha bżonn din it-triq jaqa fl-ambitu ta' xogħol ta' manutenzjoni li jagħmel il-Kunsill, għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34771 u ċioe jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 15-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li għal dak li għandu x’jaqsam mat-Tour Operators Margin Scheme, din se tidħol fis-seħħ hekk kif Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea. Din hija taxxa fuq il-marġni tal-qliegħ ta’ packages mibjugħin minn tour operators, bir-rata tkun ta’ 17.5%. Din l-iskema tapplika għal kull tour operator Ewropew li jbiegħ package li jkun se jiġi kkunsmat f’destinazzjoni li hija fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Waqt li din l-iskema se tidħol fis-seħħ mad-dħul eventwali ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, se jkun hemm tnaqqis fit-taxxa magħrufa bħala Air Passenger Duty b’effett mill-1 ta’ Novembru 2002. It-taxxa ta’ l-Air Passenger Duty fuq bejgħ ta’ economy seats ser tonqos b’75%, waqt li dik fuq premium seats se tonqos b’50%. B’hekk ir-rata ta’ din it-taxxa fuq bejgħ ta’ seats se tiġi konformi ma’ dik ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni.
Jista` il-Ministru jwieġeb PQ 34996? Jista` jgħid kemm swew dawn il-bordijiet lill-Kaxxa ta’ Malta preferibilment sena b’sena matul dawn l-aħħar 3 snin cioe` 1999, 2000 u 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tat-talba tal-kumitat tan-nar tal-Mellieħa sabiex ikollhom sit/post fejn jistgħu jaħdmu n-nar ta' matul il-festa ta' Maria Bambina? Huwa possibli li tiġi milqugħa din it-talba u jekk fl-affermattiv jista' jara li t-talba tiġi milqugħa immedjatament?
Response (BORG, TONIO)
Minn riċerka li saret fit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma jirriżultax li l-Kumitat tan-Nar tal-Mellieħa għamel xi talba għal xi post jew sit partikolari minn fejn ikunu jistgħu jaħdmu n-nar ta` matul il-festa ta` Marija Bambina.
Jista` il-Ministru jgħid x’inhija l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-BSE u x’inhija s-sitwazzjoni f’pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Gvern ħa kull prekawzjoni biex jitneħħa kull riskju li tidħol il-marda f'Malta. Isiru wkoll testijiet fuq bażi regolari biex il-konsumatur ikun protett.
Is-sitwazzjoni preżenti f'Malta hi li wara tmintax-il xahar ta' testijiet ma nstabet l-ebda traċċa tal-marda tal-BSE fil-merħliet f'pajjiżna.
Jista` il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti li hemm fil-kulleġġ tal-biedja u kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema, għalliema u persuni responsabbli mit-tmexxija tal-kulleġġ b’mod inġenerali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li hemm fil-Kulleġġ tal-Biedja huwa 32. Il-Kulleġġ huwa mmexxi minn kap. In-numru ta' għalliema fil-Kulleġġ hu ta' 4. Ħames visiting lecturers jagħtu tletin lezzjoni bejniethom. In-numru tal-ħaddiema l-oħra f'dan il-kulleġġ huwa 3. Dawn iwettqu x-xogħol ta' skrivan, messaġġier u purtinara.
Peress li Malta ma tibbenefikax mis-sussidji fuq il-produzzjoni bħala membru sħiħ ta' l-UE u ma tipproduċix prodotti bħalma huma zokkor, qmuħ, ċereali, laħam, butir, eċċ, jista' il-Prim Ministru jinfurmani għaliex il-gvern qed jinnegozja ma' l-UE sabiex il-kontrolli fuq l-importazzjoni ta' prodotti bħal dawn ikunu eżentati biss fuq l-importazzjoni attwali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuggerixxi li l-Onor Interpellant jaghmel il-mistoqsija tieghu lill-Ministru responsabbli.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija l-pożizzjoni tal-gvern dwar l-aħħar inċidenti li reġa' kellhom s-sajjieda Għawdxin mas-sajjieda Tuniżini? X'kienu l-iżviluppi li saru wara l-aħħar każ li kien tressaq mill-koperattiva tas-sajjieda f'Ottubru tas-sena l-oħra dwar l-istess ħniżrijiet li saru fil-konfront tas-sajjieda tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li mill-istaġun tas-sena l-oħra (2001) sal-lum kien hemm korrispondenza bejn il-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd, il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u t-Taqsima għall-Kontroll u l-Konservazzjoni tas-Sajd dwar il-kwistjoni. Il-kwistjoni kienet ġiet ittrattata ukoll waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fit-Tuneżija f'Ottubru tas-sena l-oħra.
Diskussjonijiet oħra saru bejn it-Taqsima għall-Kontroll u l-Konservazzjoni tas-Sajd u d-Dipartiment tas-Sajd Tuneżin waqt laqgħa bilaterali li saret f'Malta f'Marzu ta' din is-sena. Waqt din il-laqgħa, waħda mis-soluzzjonijiet li kienu proposti kienet li noffru l-esperjenza tagħna biex l-Awtoritajiet tas-Sajd Tuneżini jkunu jistgħu jorganizzaw is-sajd tal-lampuki bil-kannizzati b'mod simili għal dak li nagħmlu Malta. Il-ħsieb kien li jekk is-sajjieda Tuneżini jkollhom il-kannizzati tagħhom, dawn ma jagħmlux aktar ħsara fil-kannizzati tas-sajjieda Maltin.
Il-minuti ta' dik il-laqgħa ġew iffirmati u irritornati f'April, iżda minn dakinhar ma saretx talba mill-Awtoritajiet Tuneżini biex ngħinuhom jorganizzaw dan is-sajd minn naħa tagħhom.
Id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima għall-Kontroll u l-Konservazzjoni tas-Sajd kiteb lid-Direttur Ġenerali tas-Sajd Tuneżin fis-27 ta' Awissu.
Id-Direttur tas-Sajd Tuneżin wieġeb lejn l-aħħar ta' Settembru fejn infurmana li huma għamlu kampanja qabel ma beda l-istaġun fost is-sajjieda tagħhom fejn dawn ġew imħeġġa biex joperaw waqt li jkunu fuq il-baħar fi spirtu ta' rispett lejn sajjieda oħra, kemm Tuneżini kif ukoll barranin.
Barra minn hekk, huma qassmu ċirkolari lill-uffiċċju reġjonali tagħhom biex dawn jagħtu aktar attenzjoni lill-operat tas-sajjieda fuq il-baħar biex waqt il-ħidma tagħhom josservaw ir-regolamenti internazzjonali tas-sajd u b'hekk tiżdiet id-dixxiplina fuq il-baħar.
Jien infurmat ukoll li bdew isiru t-tħejjijiet għal laqgħa oħra bilaterali mat-Tuneżija. Din il-laqgħa hi ppjanata li ssir dan ix-xahar.
Minn Awissu 'l hawn saru tliet rapporti ta' inċidenti, tnejn diretti lit-Turretta u wieħed lid-Direttur tas-Sajd. Fit-13 ta' Settembru 2002 u fis-17 ta' Settembru 2002, ajruplan tal-Forzi Armati mar fuq il-post u ttieħdu anki ritratti. Sa issa għad m'hemmx evidenza fotografika tas-sajjieda Tuneżini jistadu fuq kannizzati. Li hemm huma ritratti ta' dgħajjes Tuneżini jbaħħru.
Tajjeb li jingħad ukoll li dawn l-inċidenti ta' sajd fuq il-kannizzati Maltin isiru f'ibħra internazzjonali u għalhekk l-liġi Maltija ma għandhiex ġurisdizzjoni, iżda Malta u l-pajjiżi l-oħra jridu jsibu qbil bejniethom volontarjament biex isolvu kwestjonijiet ta' din ix-xorta. Ikun fl-interess ta' kulħadd li dan il-qbil isir madwar il-mejda.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-awtorizazzjoni mogħtija mill-ministeru tiegħu lill-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada biex din tkun tista' tissellef mill-APS Bank?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35665.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' xogħlijiet u pagamenti billi juri meta saru u lil min mill-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada fil-perjodu 1 ta' Jannar 2002 sal-lum fir-rigward tal-liċeo tas-subien f'Kordin u ta' l-iskola primarja ta' Tal-Pieta' filwaqt li jgħid ukoll x'pagamenti huma antiċipati li jsiru xahar b'xahar mil-lum sal-31 ta' Diċembru 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għad irid jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' xogħol li permezz tiegħu l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada mpjegat messaġġier magħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tal-Kuntratt mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatistika miġbura mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, skola skola, sena b'sena, hekk kif kienet fl-aħħar ta' Ġunju 2002, subien u bniet għalihom għall-iskejjel kollha statali f'Malta u Għawdex kif ukoll lista ta' l-impjegati kollha, skola skola, sena b'sena, għal dawk li jaħdmu ġo klassi wkoll għal dawk li mhux assenjati klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif miblub irid jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi jistgħu jittieħdu f'Pembroke fejn inħawi differenti qed jimtlew bi skart fuq art mhijiex mibnija, kif ilmenta f'ittra lill-awtoritajiet is-sindku tal-lokal (16 ta' Settembru 2002, 46/3016/02/0/131/132/288)?
Response (BORG, TONIO)
Hekk kif lill-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jirriżultalha li xi ġmiel jew siwi ta` xi żona huwa imħassar bid-dehra jew kundizzjoni ta` xi art, l-Awtorita` tista` tinnotifika lil sid l-art jew lil min jokkupha b`avviż sabiex jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara li tkun speċifikata fl-ordni. Minn naħa tiegħu il-Kunsill se jkun imfakkar li għandu juża ukoll is-servizz tal-Wardens sabiex issir sorveljanza fl-area fejn allegatament qed jintefa` l-iskart.
L-ittra ma rreferiet għal ebda każ speċifiku għaldaqstant il-Kunsill se jkun mitlub jinforma lill-Aworita`, bil-każi speċifiċi u bl-ismijiet u l-indirizzi tas-sidien tal-art rispettivi sabiex l-Awtorita` tieħu l-azzjoni.