Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36213 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet ta' filgħaxija tal-computer

Question

Jista' il-Ministru jgħid skond mistoqsija 35675 l-istudenti humiex se jidħlu għall-course ta' Frar bil-next one on the list, jew iridux jerġgħu japplikaw mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta' "Computer Awareness" huwa kors qasir ta' erbatax-il ġimgħa. Għall-kors ta' Frar, li jkun repetizzjoni tal-kors li qed isir bħalissa, jidħlu fih dawk li qegħdin fuq il-'waiting list' fuq sistema ta' "first-come-first-served".

Valletta — Fond Alternattiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx offruta fond alternattiv għall-ħanut li qed jiġestixxi f'Pinto Wharf, Valletta? Jaf il-Ministru li s-sidien tal-ħwienet l-oħra kollha ġew akkomodati alternattivament minħabba l-proġġett tas-sea terminal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #36217 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Wied il-Għajn - Triq it-Tiben

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 36066, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fejn se jinbnew dawn it-tliet substations? Min huma l-iżviluppaturi f'kull każ? Fiex jikkonsisti l-proġett f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #36218 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Għasafar ta' l-Għana

Question

Jista' il-Ministru jsemmi liema għasafar ta' l-għana jistgħu jiġu mnasba fix-xahar ta' Marzu skond il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

L-għasafar ta` l-għana li jistgħu jiġu minsuba fix-xahar ta` Marzu huma il-verdun, l-ekru, il-ġojjin, il-gardell, l-isponsun, taż-żebbuġ u l-apparell.
Leg 9 PQ #36220 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Recording Studios

Question

Jista' il-Ministru jindika għalfejn ma teżistix level playingfield fil-qasam tar-recording studios b'tali mod li min m'għandux il-liċenzja jista' jikkompeti ma' min għandu, anke f'festivals nazzjonali Maltin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #36221 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Qorti ta' Għawdex — Kaos u Konfużjoni

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija 36105 cioe', jista' jinvestiga u jgħid x'inhi r-raġuni li fil-qorti ta' Għawdex qed jirrenjaw kaos u konfużjoni sħaħ, b'nuqqas kbir ta' staff, bir-reġistru l-ġimgħa l-oħra għal ċerti ħinijiet magħluq peress li ma kien hemm l-ebda persuna biex tirċievi l-atti ġudizzjarji, b'persuni li jkunu jridu jaraw xi file jistennew għall-ħinijiet twal u l-head fl-istess qorti kontinwament u pubblikament fi ġlied fil-bini tal-qorti għaliex ħadd ma jrid ibaxxi rasu wieħed għall-ieħor, b'eżempju ħażin li qiegħed jingħata anke lill-pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

L-amministrazzjoni tal-Qorti f`Għawdex m`hix responsabilita ta` dan il-Ministeru izda tal-Ministru għall-Għawdex u fil-fatt l-impjegati tal-Qorti f`Għawdex jirrispondu amministrattivament lis-Segetarju Permanenti fil-Ministeru għall-Għawdex. L-unika konnessjoni ma Malta għadha fil-qadi tad-doveri tar-Reġistratur skond u limitatament għal dak li joħroġ mill-liġi u anki hawn teżisti awtonomija fil-prattika. Peress illi l-kwistjonijiet kollha imqajjma mill-Onor. Interpellant huma materji t`amministrazzjoni ordinarja, l-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru għall-Għawdex.

Unjoni Ewropea — Fondi qabel Sħubija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa maħsub, stmat jew inkella deċiż li Malta tirċievi fondi ta' qabel is-sħubija u f'eventwalita` ta' sħubija ma' l-Unjoni Ewropea mill-budget ta' l-Unjoni, sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm huwa maħsub, stmat jew inkella deċiż li Malta tirrifondi jew tikkontribwixxi fondi qabel is-sħubija u f'eventwalita` ta' sħubija lill-budget ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena?

Response (BORG, JOE)

Peress li n-negozjati fuq dan is-suġġett għadhom għaddejjin, ma jkunx għaqli li wieħed jispekula f'dan il-mument. Malli dawn in-negozjati jingħalqu, il-poplu Malti jkun jaf eżatt kemm Malta ser tirċievi mill-Unjoni Ewropea wara s-sħubija, u kemm ser tikkontribwixxi. Li huwa magħruf s'issa huwa il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri, li l-ebda pajjiż membru ġdid m'għandu jikkontribwixxi aktar flus milli jaqla' fl-ewwel snin ta' l-isħubija, u li jkun fil-pożizzjoni ta' "net beneficiary" u li f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu ma tkunx agħar minn dik fis-sena immedjatament qabel is-sħubija. Ħuwa żgur ukoll li bl-'Isvizzerra fil-Mediterran' - jew il-'partnership' - li ħareġ bih il-Partit Laburista, Malta ma tkun intitolata għal xejn.
Leg 9 PQ #36223 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Għasafar

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-ispeċi ta' għasafar li llum huwa permess bil-liġi li jiġu kkaċċjati u minsuba f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll liema ser ikunu l-ispeċi ta' għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba bil-ftehim milħuq ma' l-Unjoni Ewropea wara eventwali sħubija ta' Malta fl-Unjoni, sena b'sena għall-ewwel għaxar snin

Response (BORG, TONIO)

Jista` l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perijodu tas-sena qed jirreferi.
Leg 9 PQ #36231 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' nies li applikaw għall-eżami għall-pulizija, ta' dawk li ġew aċċettati u xi kwalifiki kellhom dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 254 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għal dħul fil-kors ta` taħriġ għal kuntistabbli rġiel u nisa li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 ta` Settembru 2002. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu ipproċessati.

Tqegħid ta' Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36044 u jgħid kemm-il kilometru tarmak ingħata mill-gvern ċentrali f'Raħal Ġdid, Santa Luċija, Gudja, Raħal Ġdid ta' Lourdes u l-Marsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 36044.

MMA

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-awtorita` marittima ma ntervjenitx u ma ħadet l-ebda passi fil-każ li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ta' Malta hija konxja mill-problema u qiegħda tieħu l-passi kollha sabiex tiġi solvuta.

Qorti — Dewmien ta' Inkjesti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari dwar in-numru ta' inkjesti pendenti quddiem il-maġistrati, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru biex jiġu deċiżi fl-inqas żmien possibbli? Jidhirlu l-Ministru li dan id-dewmien ta' inkjesti qiegħed jikkaġuna delayed justice ma' min huwa konċernat? Jidhirlu l-Ministru li għandu jagħmel stqarrija fil-parlament dwar l-istatus ta' dawn l-inkjesti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f`xi seduta oħra.

Birkirkara — Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes

Question

Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lid-dipartiment tax-xogħlijiet biex jistħarreġ kif tista' tiġi rranġata r-rokna bejn Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes ġo B'Kara minħabba li wara li twaqqgħet dar, għadha maqlugħa f'nofs ta' triq roqgħa mdaqqsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-twaqqiegħ li sar fi Triq Bwieraq kien pass preparatorju sabiex it-triq tkun tista' tinfetaħ u qed isiru l-istejjem biex ikun jista' jinbena ġibjun taħt l-art f'din il-wesgħa, biex wara tiġi asfaltata t-triq.

Housing — Raħal Ġdid

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li titwaħħal l-opramorta ta' block C, unit 1, Government building, Church Avenue, Paola, peress li wara li sar xi xogħol fil-flats mill-kuntrattur, saru xi konsenturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #36244 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36119, cioe' jgħid kemm għandu karozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-segretarjat privat tal-Ministeru tiegħi b'kollox hemm seba' karozzi li jservu għall-użu uffiċjali u personali tiegħi, għall-bżonnijiet ġenerali tal-Ministeru, u skond il-linji gwida maħruġa mill-kabinett tal-ministri għall-użu personali ta' uffiċjali fis-segretarjat. Il-karozzi huma kollha petrol u ma hemm xejn stabbilit minn fejn il-karozzi għandhom jingħataw il-fuel.
Leg 9 PQ #36245 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tat-Turiżmu

MTA — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35524, cioe' jgħid mill-1998 sal-lum kemm ġew impjegati ħaddiema mal-MTA jew mad-dipartiment tat-turiżmu u mil-liema lokalita' kienu?

Response (REFALO, MICHAEL)

M’għandix x’inżid ma’ l-informazzjoni li diġa’ poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Utilities — Rapport

Question

B'referenza għat-tweġiba tiegħek tat-8/10/2002 għall-mistoqsija 35719 u għall-mistoqsija 34723 tal-15/07/02, kemm normalment jieħu żmien biex jasal ir-rapport mingħand l-utilities għand id-dipartiment konċernat? Liema huma s-sezzjonijiet li wieġbu s'issa? Min huma s-sezzjonijiet kollha li jiffurmaw l-utilities?

Response (GALEA, ĊENSU)

Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, jien infurmat li l-Utilities huma Drainage Department, Maltacom, Water Service Corporation, Enemalta u l-Melita Cable. Iż-żmien li jieħdu dawn l-Utilities biex jippreparaw ir-rapporti tagħhom ivarja skond il-komplessita tax-xogħol li jkunu jridu jwettqu, jew tas-servizzi li jkollhom fit-toroq li dwarhom ikun jridu jirrapurtaw. Fil-każ preżenti id-Dipartiment tad-Drenaġġ u l-Enemalta huma l-Utilities li għadhom ma għaddewx ir-rapport lid-Direttorat.

Self-Employed — Benefiċċji ta' mard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' self-employed li fis-snin 1998-1999-2000-2001 talbu għajnuna/benefiċċji ta' mard minħabba ċirkostanzi ta' ċertifikat mediku? Kemm kien l-ammont imħallas lil dawn is-self-employed fis-snin imsemmija? Kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tad-DSS għall-verifika ta' dan il-mard? Kemm kienu rrapportati abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika kif qed jitlob iżda mis-sena 1999 bdiet tinżamm biss statistika ta' kemm intilfu numru ta' ġranet xogħol minn persuni self employed minħabba mard. Din l-istatistika tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija. Dwar spezzjonijiet, għandu jingħad li hija proċedura tad-Dipartiment li persuni li jkunu għamlu numru ta' ġranet bis-sick leave, jintalbu jidhru quddiem panel mediku maħtur taħt il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-ħlas tal-benefiċċju jitkompla kemm il-darba l-panel mediku jkun tal-parir li l-persuna ma tkunx tista' taħdem minħabba l-kundizzjoni tagħha. Ninforma lill-Onor. Membru li ma tinżammx statistika ta' kemm isiru rapporti dwar abbużi, iżda f'kull każ id-Dipartiment jieħu dawk il-provedimenti li jidhirlu xierqa biċ-ċirkostanzi biex jiġi żgurat li dawk li jabbużaw jinqabdu.

Ta' Xlejli — Asfaltar ta' Toroq

Question

Fid-dawl tar-risposta li huwa tagħni għall-interpellanza tiegħi 35706, dwar l-asfaltar tat-toroq f'Ta' Xlejli, jista' il-Ministru jkompli jinformani dwar l-iskop li għalih ser jiġi ffirmat dan il-kuntratt ta' ftehim u sa meta ser ikun iffirmat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li dan hu proġett pilota u li l-iskop tal-ftehim hu biex ilaqqa l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali fi sħubija, sabiex toroq li l-Awtorita' kellha l-ħsieb li tagħmel aktar 'il quddiem ikunu jistgħu isiru issa mill-Kunsill u l-ispejjeż għalihom jiġu rifonduti fuq perjodu ta' tliet snin mill-fondi ta' l-Awtorita'.