Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36180 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ilma tat-Tisqija — Zejtun

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux possibbli li d-dipatiment ta' l-agrikoltura u s-sajd jinvestiga ilment li wasalli minn diversi bdiewa li main ta' l-ilma tat-tisqija li kien ħiereġ mill-ġibjun tal-Ħabel l-Abjad, f'Tal Kotob, Żejtun ġie magħluq minħabba xi ħsarat li kellu? Billi konsegwenza ta' din id-deċiżjoni numru sostanzjali ta' bdiewa baqgħu bla ilma, possibbli jittieħdu passi biex din il-ħsara tissewwa? Jista' il-Ministru jinvestiga l-fatt li minn meta sar dan il-main, il-bdiewa kienu ilhom jilmentaw ma' l-awtoritajiet konċernati li kien hemm din il-ħsara, liema ħsara tħalliet tiddeterjora sakemm issa sitt snin wara dan il-main ingħalaq? Jista' jinformani meta se jissewwa dan il-main biex il-bdiewa li diġa` għandhom l-uċuh tar-raba' fosthom patata tax-xitwa u ful ma jsoffrux danni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-main ta' l-ilma tat-tisqija li ħiereġ mill-ġibjun ta' Ħabel l-Abjad ingħalaq sakemm tissewwa l-ħsara li hemm fil-main fi Triq Xrobb l-Għaġin, Misraħ Strejnu limiti taż-Żejtun, u li minbarra l-ħela ta' ilma, kien qiegħed jikkawża ħafna inkonvenjenzi lir-residenti tal-lokal. Peress li t-tiswija tal-main trid issir mid-Dipartiment tad-Drenaġġ, saret talba biex il-ħsara tissewwa kemm jista' jkun malajr.
Leg 9 PQ #36181 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Persuna b'warrant ta' tabib

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinvestiga u jinformana jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament hijiex reġistrata bħala tabib u għandhiex il-warrant meħtieġ biex taħdem ta' tabib billi din qed tmur. bħala tabib. fid-djar ta' impjegsti ta' kumpannija partikolari li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu wkoll separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mir-Reġistru Mediku għas-sena 2002, jirriżulta li l-persuna huwa tabib bin-numru tar-reġistrazzjoni 793 u ilu rreġistrat bħala tabib mill-25 ta` Frar, 1974.
Leg 9 PQ #36182 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Naxxar — Vjal 21 ta' Settembru

Question

B'referenza għall-file no 325/10/2000 u file no 130/4413/86, jista' il-Ministru jinforma meta l-bozoz li kien hemm ħdejn il-monument fi Vjal il-21 ta' Settembru Naxxar se jerġgħu jitwaħħlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-talba magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Leg 9 PQ #36183 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru tas-Saħħa

L-Isptar Mater Dei — Ċumnija

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'użu se jkollha ċ-ċumnija li għadha kif inbniet fl-isptar Mater Dei? Jista' jiżgura lill-Kamra u lill-pubbliku li din mhix ċumnija ta' inċeneratur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-imsemmija ċumnija hija struttura neċessarja f'dak li huwa magħruf bħala Utility Building (Block F) li jinkorpora fih installazzjonijiet mekkaniċi bħal boilers u generators. It-tul taċ-ċumnija (li huwa ta` 42 metru), kif ukoll il-kulur kienu t-tnejn approvati mill-MEPA fit-30 t'Awwissu 2000. Sptar Mater Dei se jkollu sistemi moderni ta` kif jiddisponi mill-iskart li jeskludu l-użu ta` inċineratur.
Leg 9 PQ #36184 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru tas-Saħħa

MRI — Ħsara

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet il-ħsara li kien hemm fl-MRI? Meta hemm il-ħsieb li titranġa? U x'passi ttieħdu biex il-pazjenti jibqgħu jinqdew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-MRI unit waqfet taħdem kif avżat fis-27 ta` Settembru 2002 minħabba ħsara fis-sistema magnetica ta` din il-unit. Qegħda issir ħidma esstenzjali ta` tiswija tas-sistema. Fejn meħtieġ hemm arranġamenti speċjali biex pazjenti jista` jsirilhom MRI f'post ieħor f'Malta. Tul il-ġimgħat li ġejjin ser isiru extra sessions ta` MRI anke fil-Ħdud hekk kif l-MRI fid-dipartiment tar-Radjoloġija terġa` taħdem sewwa.
Leg 9 PQ #36185 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel t'Għada — Pembroke

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 35659, jista' il-Ministru jgħid min kien is-sub-contractor li għamel ix-xogħol tal-kumpannija Kalaxlokk fil-junior lyceum Sir Adrian Dingli, Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

Stante li r-relazzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada hi mal-kumpanija Kalaxlokk Co. Ltd biex, mhix il-prattika li jinġabru dettalji ta' sotto-kuntratturi ta' kuntratturi prinċipali li jkunu ħadu xogħol.

Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru, 1998 sal-lum, kull sena separatament? Jista' jagħti d-dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Qormi — Qormi Road - Central Strip

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir il-landscaping matul is-central strips f'Qormi Road, Ħal Qormi, kif imwiegħed f'mistoqsija parlamentari preċedenti? Meta ħarġet it-tender u min kienet l-aġenzija li rebħitha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt id-Direttorat tat-Toroq jieħu l-passi neċessarji dwar din l-area.
Leg 9 PQ #36190 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Applikazzjozni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm il-progress ta' l-applikazzjoni quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35732.

Furjana — Triq Sant'Anna - Crash Barriers

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-iron barriers li saru fis-central strip, minn Portes des Bombes san-niċċa ta' Sant'Anna, Furjana, huma estetikament mhux xierqa ma' triq prinċipali bħal din? Ta' min kien il-parir ta' dawn il-crash barriers? Hemm alternattiva oħra li ssir xi ħaġa aktar ta' dekor?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ħejjiet proġett biex tiġi rranġata Triq Sant'Anna fil-Furjana u l-barriers imsemmija se jiġu nkorporati f'dan il-proġett.
Leg 9 PQ #36194 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħaż-Żebbuġ — Dawl fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex huwa daqshekk diffiċli biex il-lampi f'Ħaż-Żebbuġ, indikati hawn taħt jiġu replaced jew ikunu funzjonabbli? 37, Triq il-Parroċċa; Il-fanali fid-dħul taċ-ċimiterju fi Triq l-Infetti.

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa saret.
Leg 9 PQ #36201 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Self-employed/Self-occupied

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb l-ewwel parti ta' mistoqsija parlamentari 36046, cioe` peress li t-tagħrif huwa mitlub fl-interess pubbliku, iwieġeb mistoqsija 35853 cioe', peress li l-liġi tas-sigurta' soċjali tipprovdi għall-ħlas ta' bolla tat-tieni klassi minn min jaħdem għal rasu u min għandu xi dħul minn investimenti u dan l-aħħar id-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ xi karti biex jitlob dawn it-tip ta' bolli, jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus minn mindu ħarġu dawn il-karti, u kif inhuma maqsumin, self-employed u self-occupied?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul Settembru, d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħareġ demand notices (SSC1) lill-dawk il-kontributuri li jħallsu bolla tat-tieni klassi u li jaħdmu għal rashom (self-occupied) u li għandhom kontribuzzjonijiet mhux imħallsa għas-snin 1999 - 2001. Sa l-ewwel ġimgħa ta' Ottubru nġabru Lm85,000 minn dawn l-arretrati.

Self-employed/Self-occupied

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36046 li oriġinarjmanet saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe`: Wara li d-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ karti għal ġbir ta' bolli tat-tieni klassi, self-employed u self-occupied, u jien informat li ħafna nies qed imorru fid-dipartiment u qed jintalbu japplikaw għal ċertifikat ta' eżenzjoni, jista' jgħid għaliex nies li qed imorru fl-uffiċċji distrettwali qed jgħidulhom li dawn m'għadhomx jeżistu? Peress li qatt ma kien hemm emenda ta' dan it-tip fil-liġi, hemm xi ħsieb li ssir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal perjodu qasir, applikazzjonijiet għal eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ma kienux qed jiġu proċessati. Madanakollu dan il-proċess reġa beda u applikazzjonijiet qed jintlaqgħu għal perjodu mill-1 ta' Jannar, 1998. Din l-applikazzjoni tista' ssir f'xi Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #36205 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Self fuq l-Isptar il-Ġdid

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36062 u jgħid kemm kien hemm garanziji ġodda min-naħa tal-gvern matul is-sena 2002 sabiex ikopru self minn entitajiet, awtoritajiet, organizzazzjonijiet u fondazzjonjijiet ikkontrollati mill-gvern? Ser isir jew sar xi self minn barra l-pajjiż in konnessjoni ma' l-isptar il-ġdid? Jekk iva, għal kemm jammonta dan is-self? Ser ikun garantit mill-gvern

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm disa' (9) garanziji li nħarġu mill-Gvern favur istituzzjonijiet finanzjarji għal self magħmul jew krediti meħuda minn entijiet pubbliċi bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena. Tlieta (3) minn dawn il-garanziji huma tiġdid ta' oħrajn li għalqu: il-kumplament huma garanziji ġodda. L-'exposure' tal-Gvern b'dawn il-garanziji telgħet bi Lm15.3 miljuni.
Leg 9 PQ #36207 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kopja ta' Ittra ta' Rakkomandazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija 34884 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-imsemmija ittra ta' rakkomandazzjoni billi fir-risposta ma saret l-ebda referenza għaliha?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhux ser inpoġġi d-dokument fuq il-Mejda peress li t-tqegħid ta' kopja ta' l-ittra ta' rakkomandazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra jista' joħloq preċedent stante li korrispondenza bħal din mal-PSC hi meqjusa konfidenzjali.

Aġenzija Appoġġ — Xiri ta' Art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-aġenzija Appoġġ xtrat proprjeta' fi G'Mangia sabiex tużaha bħala uffiċini tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm inxtrat din il-proprjeta? X'inhu x-xogħol li jrid isir u kemm hu stmat il-valur tiegħu sabiex din il-proprjeta' tiġi konvertita għall-użu ta' l-aġenzija? X'inhu n-numru li se jaħdmu f'din il-proprjeta' meta tkun lesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Appoġġ ma xtratx proprjeta' iżda kriet blokk ta' appartamenti wara sejħa għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Il-kirja tkopri perijodu ta' ħamsa u għoxrin sena. F'din il-proprjeta' mistennija jkun hemm jaħdmu madwar 80 impjegat li bħal issa qegħdin mifruxa f'seba' postijiet differenti. Meta l-Aġenzija tibda topera mill-post il-ġdid, in-nefqa tal-kirja ta' din il-proprjeta' fis-sena ser tkun anqas minn dak li jintefaq f'kirjiet mill-Aġenzija preżentement.

Pensjonijiet — Attard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk il-pensjoni li qiegħda tieħu l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex korretta minħabba li tidher li hi anqas minn żewġ terzi mill-paga li kien jieħu qabel ma rtira?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-Quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Leg 9 PQ #36210 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura

Birgu — Triq La Vallette - Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35984 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u jgħid kif wara sentejn għadhom ma ttieħdu ebda passi biex tiġi solvuta l-problema li qed ikollhom il-familja li d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, ta' drenaġġ li qed jinfed għar-residenza tagħhom mit-triq La Vallette Birgu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li peress li l-problema ġejja mill-kaxxa tar-residenti, dawn iridu jiġu ċċekkjati mid-Dipartiment tas-Sanita'. Dan irriżulta minn investigazzjoni li saret mid-Dipartiment tad-Drenaġġ b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Sanita'. Filfatt fit-3 ta' Ġunju wara li kienet saret spezzjoni bis-CCTV fil-main tad-drenaġġ u ma nstabet l-ebda ħsara fih, il-ħaddiema tad-Dipartiment fetħu żewġ kaxex privati quddiem tas-Sanita' u f'każ instab illi kien hemm l-'interception chamber' imkissra u fil-każ l-ieħor instab illi kien hemm 'stoppage'. Tas-Sanita' kien infurmat biex jordna lis-sidien jirranġaw dawn il-ħsarat u biex jagħmel testijiet fir-residenzi l-oħra.

H'Attard — Imdina Road - Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jivverifika minn fejn ġejja r-riħa qawwija tad-drenaġġ li hemm fl-inħawi ta' Imdina Road, H'Attard viċin l-isptar Monte Carmeli u jara li din ir-riħa tiġi eliminata peress li hi ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ġie ċċekkjat il-main tad-drenaġġ fi Mdina Road, Attard u l-'flow' tad-drenaġġ għaddejja regolari. Biex tispiċċa r-riħa msemmija, se jiġu ssiġillati l-manhole covers fil-ġranet li ġejjin.

Riżorsi u Infrastruttura — Riċeviment

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-raġuni għar-riċeviment li sar fil-ministeru fid-9 ta' Ottubru 2002, f'nofsinhar? Kemm ġie jiswa dan ir-riċeviment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li r-riċeviment imsemmi, li sar fin-nofs siegħa waqt il-ħin tal-break, inżamm bħala ġest ta' ringrazzjament għan-nies professjonali u tekniċi minn diversi dipartimenti u aġenziji governattivi li taw kontribut siewi biex ingħalaq il-kapitlu dwar l-ambjent. Dan ir-riċeviment sewa Lm430.