Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li l-għassa tal-pulizija ta' Bormla jkollha żieda fil-pulizija billi qed ikun hemm diffikulta` sabiex ikun hemm pulizija l-ħin kollu waqt id-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti ta' l-iskola G Despott, Verdala li qiegħda fuq arterja prinċipali li terġa' jiżdidilha l-volum billi arterji oħra jingħalqu billi jkun hemm tfal ta' skejjel oħra ħerġin? Jista' jara wkoll li jkun hemm makna tal-fotokopji u tal-fax aktar aġġornati maż-żmenijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma` l-iskola imsemmija qed ikun hemm Pulizija waqt id-dħul u ħruġ ta` l-istudenti. Biex ma jkunx hemm, irid jinqala xi ħaġa urġenti li tkun tenħtieġ il-preżenza tal-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda talba f`dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-Għassa.

Kalkara — Fortizza tas-Salvatur

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jsiru trattativi mas-sidien preżenti sabiex il-Bieb u l-fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara, li kien mogħti lil terzi b'ċens perpetwu u li sussegwentement infeda fis-snin tmenin taħt amministrazzjoni Laburista , jingħata lura billi dan jinsab abbandunat totalment u qed issirlu ħsara kbira?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tal-Artijiet lest li jitratta mas-sidien jew jakkwista lura il-proprjeta` sabiex tiġi restawrata taħt il-Kapitolu 88 "Ordinanza dwar l-Akkwist tal-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi" meta jiġi mitlub li jagħmel dan.
Leg 9 PQ #36329 Sitting 803 2002-10-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar matul is-sajf fl-iskola primarja ta' Bormla u kemm flus intnefqu? Jista' jiġi indikat kemm hemm tfal subien u bniet jattendu din l-iskola, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Sedua oħra. Informat li fl-iskola Primarja ta' Bormla hemm dawn it-tfal jattendu: Subien Bniet Total Klassijiet Year 1 23 15 38 3 Year 2 16 21 37 2 Year 3 37 28 65 4 Year 4 18 25 43 3 Year 5 26 25 51 3 Year 6 45 28 73 4 Total 165 142 307 19

Dipartiment tad-Drenaġġ — Bormla - Ilma tax-Xita

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra fuq ix-xogħol li sar riċentement mid-dipartiment tad-drenaġġ f'Bormla wara l-aħħar xita? Jista' jiġi indikat jekk dan l-ilma tax-xita huwiex jinġabar separatament u jinten?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tad-Drenaġġ riċentament f'Bormla wara l-aħħar xita, huma biss f'manutenzjoni tad-Drenaġġ permezz tal-bowsers.

Birgu — Couvre Porte

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ix-xogħol li sar fuq il-belveder quddiem Couvre Porte, Birgu, u kemm flus intnefqu sa issa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isir pavimentar tal-belvedere ta' Couvre Porte, Birgu. Dan huwa proġett importanti ħafna peress li dan huwa punt kruċjali għat-turiżmu fil-Kottonera. Dak li qed isir huwa biss l-ewwel parti minn proġett ta' titjieb li ser jgħaqqad din il-parti ma' Triq Boffa li diġa kienet riabilitata (flimkien mal-Kunsill Lokali). Fil-belvedere qed isir pavimentar u ser jitwaħħlu siġar. Aktar tard se jsir id-dawl ukoll. Il-proġett ta' din il-fażi huwa stmat li jiswa mal-ħamsin elf lira u diġa sar madwar nofs ix-xogħol previst.

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuna li qed insemmi separatament se tirċievi l-pensjoni wara li għaddiet bord ta' l-invalidita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Leg 9 PQ #35781 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent tajr ferut din is-sena? Kemm hemm illum? Kemm mietu, kemm intelqu u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Mhux normali li tajr ferut jinġieb lid-Direttorat għall-Ħarsien ta` l-Ambjent. Il-pubbliku is-soltu li jirrikorri għas-servizzi volontarji mogħtija minn għaqdiet ambjentali u dawk favur l-annimali, fosthom Birdlife Malta u International Animal Rescue.
Leg 9 PQ #35782 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Arretrati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' flus li l-gvern għandu jħallas lit-taxpayers li ħallsu income tax żejjed?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li l-Gvern għandu jagħti lit-taxpayers huwa ta' Lm15,425,357.
Leg 9 PQ #35784 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

AIDS — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet għall-AIDS din is-sena? Kemm kienu fil-pożittiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' testijiet għal HIV antibodies li saru fid-Dipartiment tal-Patoloġija ġewwa l-Isptar San Luqa minn Jannar sa l-aħħar ta' Settembru 2002 jammontaw għal 3,733. Minn dawn 22 irriżultaw fil-pożittiv. Ir-riżultati pożittivi ma humiex kollha każijiet ġodda ta' HIV iżda jinkludu wkoll re-testing.

Gwardjani Ċivili

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm weġġgħu gwardjani ċivili din is-sena waqt il-qadi ta' dmirijiethom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Gwardjani Lokali, ir-risposta hija li matul din is-sena kien hemm sitt (6) Gwardjani Lokali li weġgħu waqt il-qadi ta` dmirijiethom. Fil-każi kollha sar rapport lill-Pulizija.
Leg 9 PQ #35817 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut ta' l-Arti u d-Disinn

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda s-sena akkademika din is-sena għall-istudenti ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn f'Targa Gap? X'inhuma l-problemi konnessi mal-ftuħ tas-sena akkademika 2002 - 2003 f'dan l-istitut tal-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qed jitneħħew il-perikli kollha mis-soqfa eżistenti ta' l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn f'Tarġa Gap. Qed isir kull sforz biex l-istudenti kollha jirritornaw Tarġa Gap fl-iqsar żmein possibbli. Sadanittant biex tittaffa' l-problema, il-125 student full-time ta' l-Istitut qed jattendu temporanjament ma' l-għalliema kollha fl-Istitut Marittimu, il-Kalkara.
Leg 9 PQ #35818 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Istitut għall-Istudji Turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu f'xi kors jew ieħor ta' l-istitut għall-istudji turistiċi? Kemm minnhom ġew aċċettati għal din is-sena akkademika li qed tibda?

Response (REFALO, MICHAEL)

Jien infurmat li kien hemm 446 li applikaw biex isegwu kors ta’ studji u taħriġ fl-ITS għal din is-sena akkademika. Minn dawn 409 resqu għall-interview u test. Instab li 38 ma kellhomx il-kwalifiki neċessarji, 22 irtiraw l-applikazzjoni, waqt li 100 ma għaddewx mill-interview u l-aptitude tests. Għalhekk 281 daħlu l-ITS. Minn dawn qed jattendu 256, kif ġej:- Hospitality Management 20 Hotel Operations 24 Accommodation Operations 32 Travel Agency Operations 15 Tour Guiding 21 Food Preparation & Service 69 Hotel Services 11 ESTS – Food Preparation & Service 60 ESTS – Hotel Services 4
Leg 9 PQ #35849 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Servizz tat-trasport skolastiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jitjieb is-servizz tat-trasport skolastiku kif rikmandat mill-uffiċċju Nazzjonali ta' l-awtorita' biex it-tfal ma jinġabrux kmieni wisq biex jittieħdu l-iskola jew tard wisq biex jittieħdu d-dar peress li qed jaslu lmenti dwar dawn in-nuqqasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qabel bdiet is-sena skolastika, f'Settembru tas-sena 2002, sar ftehim mat-tlett għaqdiet li jaħdmu x-xogħol tat-tfal ta' l-iskola biex it-trasport ma jibdiex iktar minn siegħa qabel tibda l-iskola u li jitwasslu d-dar mhux aktar tard minn siegħa wara li tkun spiċċat l-iskola. Bħal kull sena waslu xi lmenti fl-uffiċċju inkarigat li qed isegwi s-sitwazzjoni biex jara li l-ftehim jiġi onorat.
Leg 9 PQ #35852 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Studenti Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti għall-kors universitarju tal-mediċina u kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida? Kemm minnhom daħlu fuq bażi ta' probation, u b'liema gradi ta' riżultati daħlu dawn l-istudenti fuq probation? Tista' tagħti lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-kors tal-mediċina din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-Kors tal-Mediċina u Kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida daħlu 56 student Malti, minnhom 7 daħlu fuq bażi bi prova (probationary) b'dawn il-gradi: Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju B B A (student wieħed) B B C (student wieħed) A C A (tlett studenti) A C B (żewġ studenti) Id-deċiżjoni li jidħlu studenti bi prova (probationary) u l-kundizzjoni ta' kemm jistgħu jidħlu ttieħdet qabel ma kienu aċċettati l-applikazzjonijiet u qabel ma kienu magħrufa r-riżultati tal-Matrikola. L-istudenti bi prova ntgħażlu fuq kriterji preċedentament approvati mis-Senat li kienu kif ġew. Kategorija Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju 1 A A C 2 A B C 3 B B A 4 B B C 5 A C A 6 A C B 7 B C A 8 B C B Il-lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-Kors tal-Mediċina din is-sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35264, ix-xogħol jinkludu wkoll il-parti tal-bypass li ġġarfet? Jekk le, għaliex u meta sa jsiru x-xogħlijiet f'din il-parti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li hemm referenza għaliħ fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35264 ma japplikax ma' din il-parti tat-triq.
Leg 9 PQ #35859 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

UE

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex qed jinjora l-fatt li l-UE kkonfermat fir-rapporti tagħha li l-Gvern Nazzjonalista la għandu pjan għall-iżvilupp rurali tal-gżejjer u lanqas il-kapaċita' amministrattiva tant li jirriżulta li qed jitwettqu xogħlijiet ta' qerda tal-karatteristika rurali tal-ħitan tas-sejjieħ li nsibu fil-gżejjer tagħna, kif ġara u qed jiġri fil-bypass ta' l-Imtarfa kif ukoll f'dawk tan-Naxxar, ta' Burmarrad u tas-Salini, fost oħrajn? Għaliex qiegħda ssir din il-qerda tal-karatteristiċi rurali tal-gżejjer tagħna minkejja l-kritika ta' l-oppożizzjoni Laburista?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nissuggerixxi li l-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #35860 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li għall-estimi tal-budget li ġej jinkludi li jsir studju dwar il-possibilita' li l-iskejjel ta' l-Istat f'Malta u Għawdex kif ukoll il-bini li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu jiżviluppaw sors ta' l-enerġijia solari sabiex tissostitwixxi dik eżistenti? Kemm, fil-fatt, kienet in-nefqa globali għall-kontijiet ta' l-ilma u tad-dawl ta' l-iskejjel kollha u tad-dipartiment w entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'Għawdex matul is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għadu qed jiġi konsidrat kemm hi vijabbli l-istallazzjoni ta' sistemi li jutilizzaw l-enerġija solari. Rigward it-tieni parti tad-domanda nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 9 PQ #35861 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Kuntrabandu

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35037, kif jispjega l-fatt il-Ministru li ma jafx b'ilmenti ta' kuntrabandu meta saħansitra jidhru avviżi fil-ġurnali lokali sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar oġġetti li jinsabu għall-bejgħ bil-kuntrabandu fil-gżejjer tagħna?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm il-mistoqsija nru. 35037 kienet tirreferi għall-kuntrabandu ta' xorb alkoħoliku, qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant issa qed jirreferi għall-avviżi li dehru fil-gazzetti dwar kuntrabandu ta' sigaretti kontrafatti. Bħal ma jsir dejjem id-Dwana qiegħda attenta għal dan it-tip ta' kuntrabandu u taħdem mill-qrib mal-partijiet kollha konċernati biex dan il-fenomenu jitrażżan kemm jista jkun.