Jista' il-Ministru jgħid jekk hemx il-permessi meħtieġa biex Triq it-Tiben, Swieqi tingħalaq b'ċint fil-parti biswit Triq il-Faxxina u tgħalaq l-aċċess għall-kumplament ta' Triq it-Tiben li jwassal għal Triq il-Qasam?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill- Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemm'x il-ħsieb li l-liġi dwar it-trobbija tal-ħamiem fuq il-bjut ta' residenti tinbidel fis-sens li ma' tibqax l-anomalija, jew aħjar diskriminazzjoni, li teżisti bejn diversi lokalitajiet u l-lokal ta' Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema liġi qiegħed jirreferi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija marida b'mod akut, jerġa' jiġi mill-ġdid investigat u rivedut il-każ tagħha għall-assistenza finanzjarja tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, la mir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u lanqas mir-Reġistru Elettorali ma jirriżulta li fl-indirizz indikat joqgħod xi ħadd bl-isem u l-kunjom indikat.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36094 cioe', jgħid kemm ġew approvati working permits biex jiġu impjegati barranin fil-casinos Maltin tul l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol għamlu jew qed jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Tagħrif dettaljat - l-isem tal-persuna, il-post fejn taħdem, ix-xogħol li tagħmel u l-validita` tal-permess tax-xogħol (work permit) jidher fil-lista tal-Persuni Barranin li għandhom Liċenzja ta` Impjieg li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar (minn din is-sena l-lista qed tidher fuq l-Internet).
Ninsab infurmat li bħalissa hemm erbatax-il persuna barranija li għandhom liċenzja ta` impjieg biex jaħdmu fil-casinos li qed joperaw f`Malta.
Il-liċenzji msemmija ngħataw għal diversi tipi ta` xogħol li huma: Casino Manager, Assistant Casino Manager, Financial Controller, Slots Manager, Gaming Manager, Cash Desk Manager, Gaming Consultant, Surveillance Officer, Table Games Trainer, Dealer Inspector u Pit Boss.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36096 u cioe', jgħid x'inhi r-raġuni li persuni b'diżabilita' li jagħmlu użu mill-orthotics & prosthetics qed idumu ma' jsir bdil ta' l-istess orthotics & prosthetics (speċjalment fuq it-tfal) u qed issir dewmien fil-proċess biex issir it-tibdil u l-aġġustament tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċess huwa dak deskritt hawn taħt u allura wieħed jifhem ir-raġuni għad-dewmien.
a) Għal sitt darbiet fis-sena jew kważi kull sitt (6) ġimgħat Speċjalista fil-Prosthetics u żewġ technicians kwalifikati jiġu fid-dipartiment mill-Ingilterra għal 17-il ġurnata.
b) L-istess kull sitt (6) ġimgħat speċjalista ta` Orthotics u Technician kwalifikat jiġu fid-dipartiment għal 4 tijiem.
Fiż-żewġ każi fl-ewwel vista l-pazjent jiġi eżaminat u meħud il-qies jew issir il-forma tal-ġibs (cast) neċessarja.
PROSTHETICS
Fit-tieni vista l-pazjent jiġi “fitted” b’sieq jew id artifiċjali. Fil-kas ta` modular Prosthetics fl-istess vista jiġi iffitjat u mgħoti “l-artificial limb”. Fil-l-oħrajn l-artificial limb tiġi pruvata fuq il-pazjent u meħuda lura għall-aħħar xogħol fl-Ingilterra.
Fit-tielet vista l-pazjent jiġi mgħoti “l-artificial limb” kompluta u iffitjata bil-bżonnijiet kollha meħtieġa biex tkun tista` tintlibes.
Kull vista ta` l-ispeċjalista jiġu eżaminati:
a) Pazjenti ġodda
b) Pazjenti li jiġu iffitjati l-fittings neċessarji
c) Isiru Alterazzjonijiet limitati. (Fid-dipartiment m’hemmx makkinarju għal alterazzjonijiet kbar).
Alterazzjonijiet u tiswijiet żgħar isiru fid-dipartiment minn technician tad-dipartiment.
Hemm każi li wieħed jistenna biex jiġi provdut il-ħtiġijiet personali bejn sitt (6) ġimgħat u l-aktar f’każi ikkumplikati tnax (12)-il ġimgħa.
Pazjenti ġodda Orthotics f’din is-sena 2002 sa issa ammuntaw għal 730.
Id-dipartiment ta` l-Orthotics u Prosthetics jikkonsisti fi 3 impjegati.
ORTHOTICS
Il-pazjent fl-ewwel vista jiġi eżaminat u jittieħed il-qies meħtieġ. Fit-tieni vista ċertu Orthotics bħall-AFO, Scoliosis, Braces eċċ. jiġu iffitjati fuq il-persuna u mgħotija lill-pazjent. Xi Orthotics ikun hemm il-ħtieġa li jiġu iffitjati jintbagħtu lura l-Ingilterra għal “finishing” u mgħotija lill-pazjent fit-tielet vista tiegħu.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36056, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, miċ-ċentru Malti għar-restawr??
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ma ngħatat ebda kuntratt miċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Informat ukoll li Dr J. Cannataci (li ilu numru ta' snin appuntat Lecturer ma' l-Univeritsa`) jaqdi tlett rwooli fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr:
1. Minn Mejju 1999 bħala Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi, appuntat mill-Kunsill ta' l-Universita`, u għal-liema dmirijiet, s'issa qatt m'għadu rċieva ebda ħlas,
2. Minn Ottubru 2002 jagħti lectures fuq bażi part-time fil-Liġi tal-Wirt Kulturali u l-użu ta' l-informatika fil-Wirt Kulturali, għal-liema servizzi ma jirċievi ebda ħlas,
3. Minn Jannar 2002, bħala Direttur tal-Proġett IKONOS ta' l-Unjoni Ewropeja. Dan il-proġett kien idejat u ddiżinjat minn Dr Cannataci nnifsu u bis-saħħa tiegħu intrebaħ kuntratt sustanzjali mill-Unjoni Ewropeja. Minn Jannar ta' din is-sena, dawn il-fondi Ewropej jintużaw ukoll biex jiġu rimborsati numru tas-siegħat li Dr Cannataci jagħti lil dan il-proġett. Ir-rimbors isir lill-Malta University Services Ltd. Id-dettalji finanzjarji ta' dan l-arranġament diġa' ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17573 fis-Seduta Nurmu 341.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36055, jista' jgħid x'kienet l-ispiża tax-xogħol li sar sabiex jiġi rranġat il-post f'Bighi għaċ-ċentru Malti għar-restawr? Ix-xogħlijiet li saru mingħajr permess mill-awtorita' ta' l-ippjanar kienu tneħħew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża tax-xogħlijiet li saru s'issa sabiex jiġi rranġat il-post f'Bigħi għaċ-Ċentru Malti għar-Restawr huma dawn li ġejjin:
Lm
1999 35,637
2000 145,622
2001 174,634
2002 55,525 (sal-lum)
Ix-xogħlijiet li għalihom intalab il-permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar fl-1996, meta kien previst li ċ-Ċentru kellu jsir ġewwa Villa Bighi, u li saru bejn l-1996 u l-1998 qabel ma ntlaħaq ħareġ il-permess, ma tneħħewx u llum Villa Bighi qiegħda tintuża bħala s-sede tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija.
Ix-xogħlijiet li għalihom intalab il-permess ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar fl-1999 u li saru bejn Diċembru 1999 u Lulju 2000 qabel ma ntlaħaq ħareġ il-permess, la tkomplew u lanqas tneħħew peress li mistennija deċiżjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar fuq talba li x-xogħlijiet li saru skond l-applikazzjonijiet kif riveduti jiġu approvati mill-istess Awtorita`.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36054, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fiċ-ċentru Malti għar-restawr, kull sena separatament??
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fil-korsijiet universitarji huma:
B.Cons. (Hons)
1 sena - 13-il student
2 sena - 16-il student
3 sena - 4 studenti
4 sena - 13-il student
In-numru ta' studenti fil-korsijiet vokazzjonali huma:
Heritage Craftsmen (Stone)
Riffied - 9 studenti
Sewwej - 10 studenti
Mastru - 10 studenti
B'riferenza għal dak li jista' jkun eventwalita' ta' ħruq jew periklu ieħor ta' konsegwenzi ta' nar bl-użu ta' mobile phones fl-areas madwar il-petrol stations u postijiet oħra ta' użu ta' fuel, jikkonsidra l-Ministru li jsiru xi regolamenti jew avviżi ta' prekawzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-Taqsima tal-Petroleum tal-Korporazzjoni Enemalta ma tippermettix li jintużaw telefons ċellulari f'zoni fejn hemm fuels. Dan tagħmlu wkoll permezz ta' stickers li juru li l-użu tat-telefons ċellulari huwa ipprojbit.
Lix-xufiera ta' din it-taqsima, il-Korporazzjoni twissihom dejjem biex joqgħodu attenti waqt il-ħatt tal-prodotti fl-istations biex ma jkunx hemm min ipejjep jew juża t-telefon ċellulari.
Il-ħruġ ta' regolamenti hija prerogattiva ta' l-Awtorita' tar-Riżorsi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33256, jista' il-Ministru jaġġornani bil-lista ta' toroq li għamel il-gvern ċentrali f'Wied il-Għajn f'din il-leġislatura? Kemm kienet l-ispiża totali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq li saru f'Wied il-Għajn f'dawn l-aħħar erba' snin hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36052, jista' jgħid kemm kien ir-revenue taċ-ċentru Malti tar-restawr fis-sena 2001 u fis-sena 2002 sal-lum? Kemm għandu jiġbor flus iċ-ċentru għas-servizzi li pprovda lil terzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-'revenue' taċ-Ċentru Malti tar-Restawr għas-sena 2001 u 2002 sal-lum, huwa kif ġej:
Lm
2001 498,801
2002 540,423 (sal-lum)
Kien hemm 'revenue' ieħor, li huwa parti mill-proġett ta' l-E.U (IKONOS) li kien jammonta għal 921,997 Euros, liema 'revenue' huwa amministrat bħala kont separat, peress li jkopri wkoll spejjeż ta' entijiet oħra barra minn Malta.
Sal-lum, iċ-Ċentru għad fadallu jiġbor is-somma ta' Lm980 għas-servizzi li pprovda lil terzi.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36024, jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fil-MRC u x'inhu r-rwol ta' dawn l-impjegati? Kemm minn dawn l-impjegati huma barranin? Kemm jiġu visiting lecturers barranin matul is-sena? Kemm tħallsu l-impjegati barranin taċ-ċentru? Kif ġew impjegati l-ħaddiema Maltin fiċ-ċentru peress li darba waħda biss deher avviż għall-ingaġġ ta' ħaddiema fil-MRC? X'inhuma l-kwalifiki ta' l-impjegati akkademiċi taċ-ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati huma mqassmin kif ġej:
Full Time: 44 (MCR Staff 23 (8 Barranin) - Educ. Div. Staff 21)
Part Time: 42
L-impjegati barranin tħallsu hekk:
1999 Lm 23,819
2000 Lm 96,157
2001 Lm 95,110
2002 Lm115,935 (sal-lum)
Ir-rwol ta' l-impjegati jvarja, imma huwa mqassam bejn wieħed u ieħor hekk:
Amministraturi, lecturers, librar, skrivani, I.T. officer, xogħol ta' l-injam, technicians, security, cleaners, xogħol ta' dokumentazzjoni, restorers u conservators.
Ninsab informat ukoll li n-numru ta' visiting lecturers barranin kien kif ġej:
2000 - 3
2001 - 16
2002 - 6 (sal-lum)
Il-ħaddiema Maltin fiċ-Ċentru ġew impjegati b'wieħed mit-tlett metodi li se nsemmi:
1) permezz ta' avviżi fil-gazzetta tal-Gvern, ġurnali lokali u barranin
2) permezz ta' self ta' ħaddiema minn Dipartiment tal-Gvern,
3) permezz ta' talbiet għal ħaddiema lill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Żvilupp
Informat li mhux korrett dak li ntqas fil-Mistoqsija Parlamentari jiġifieri "peress li darba waħda biss deher avviż għall-ingaġġ ta' ħaddiema fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr". Saru diversi avviżi għal diversi tipi ta' ħaddiema mill-1999 sal-lum.
Il-kwalifiċi ta' l-impjegati akkademiċi taċ-Ċentru jiddependu fuq il-kamp ta' speċjalizzazzjoni ta' l-impjegat. Jekk l-impjegat ikun 'conservator-restorer" il-kwalifika minima normali hi dik imħabbru f'avviżi li deheru, jiġifieri t-titlu maħruġ mill-Istituto Centrale per il Restaruro ta' Ruma, jew l-Opificio delle Pietre Dure ta' Firenze, jew ekwivalenti. Jekk l-impjegat ikun lecturer f'kamp ieħor jew xjenzat jiġu applikati l-kriterji wżati mill-Universita` ta' Malta jiġifieri BA jew MA għal Assistant Lecturer, Dottorat għal Lecturer etc. Minbarra dawn il-kwalifiċi minimi, bosta impjegati għandhom kwalifiċi oħra li jinkludu titli akkademiċi, esperjenza, pubblikazzjonijiet etc.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36022, jista' jgħid kemm hemm laboratorji fil-MRC? Għal-liema skop jintużaw dawn il-laboratorji? Dawn il-laboratorji kollha qegħdin jintużaw u jekk fin-negattiv, għaliex m'humiex qegħdin jintużaw?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35537, jista' jgħid kemm hemm studenti li għandhom minn 14-il sena 'il fuq jattendu skejjel regolari u li għandhom:
a) diżabilita' fiżika
b) nuqqas ta' smigħ
c) nuqqas ta' vista
d) nuqqas mentali
e) aktar minn diżabilita' waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti bi bżonnijiet speċjali li għandhom minn 14-il sena 'l fuq li jattendu regolari fl-iskejjel ta' l-Istat, jitqassmu hekk:
16 b'diżabilita` fiżika
9 b'nuqqas ta' smigħ
8 b'nuqqas ta' vista
23 b'nuqqas mentali
8 b'aktar minn diżabilita` waħda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm tiswijiet ta' vapuri fil-MDD mill-Cosco-Tianjin li kienu jbaħħru fil-Mediterran skond il-ftehim ta' l-1993 bejn il-MDD u din il-kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sa llum, l-ebda vapur mill-Cosco-Tianjin ma issewwa fit-Tarzna ta' Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli l-Enemalta ssewwi bozza li hemm bil-ħsara fi Triq il-Vulkan, kantuniera ma' Triq Lia, f'Ħaż-Żabbar għax din il-bozza ilha xhur sħaħ bil-ħsara u minkejja diversi rapporti baqgħet bil-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli l-Enemalta taqla' żewġ arbli li hemm ħdejn ir-residenza li hemm ħdejn l-indirizz li qed nagħti under separate cover għax dawn huma ta' inkonvenjent għar-residenta kif ukoll għall-bdiewa li jaħdmu r-raba'?
Billi fil-passat għamilt mistoqsijiet parlamentari oħra dwar l-istess ilment u dawn l-arbli baqgħu fejn kienu, possibbli niġi infurmat x'passi se jittieħdu?
Possibbli ssir site visit biex jiġi deċiż x'xogħol huwa meħtieġ u meta se jsir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li wara investigazzjoni li saret fuq il-post ma jirriżultax li l-arbli imsemmija qed ikunu ta' inkonvenjent lir-residenti jew lill-bdiewa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni valida għaliex, meta jiġi ntavolat appell quddiem il-bord ta' kummissarji speċjali skond l-artiklu 67 ta' l-att ta' l-1981 dwar it-taxxa fuq dokumenti, ma tingħatax riċevuta jew acknowledgement ta' l-appell u d-dokumenti kontenuti mir-reġistru ta' l-istess bord? Jista' bl-intervent tal-ministru dan jibda jsir fil-futur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-appelli lill-Bord ta' Kummissarji Speċjali huma regolati bir-Regoli ta' l-1990 dwar Appelli lill-Bord ta' Kummissarji Speċjali għat-Taxxa fuq Dokumenti u skond l-istess regoli, is-Segretarju tal-Bord ikollu, mutatis mutandis dawk is-setgħat u d-dmirijiet kollha li bil-Kodiċi ta' Organizazzjoni u Proċedura Ċivili huma mogħtija jew imposti fuq ir-Reġistratur tal-Qrati Superjuri.
Għaldaqstant għar-rigward jekk tistax tibda tingħata riċevuta għall-appell li jkun sar lill-imsemmi Bord, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru tal-Ġustizzja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta fl-aħħar issewwi żewġ bozoz li hemm fi Triq Ħas-Sajjied, Żabbar ħdejn ir-residenza li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu under separate cover li ilhom maqtugħa ħafna u li minkejja diversi rapporti baqgħu ma issewwewx? Billi f'dawn l-inħawi joqogħdu għadd ta' anzjani, uħud minnhom li jgħixu waħedhom, possibbli li l-ministru jaċċerta li dawn il-bozoz jisewwew fl-iqsar żmien possibli?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtiega u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni daħlu fil-palazz ta' l-inkwiżitur tul din is-sena, sal-15 ta' Ottubru, 2002? Kemm kien hemm dħul minn dan? Jista' jiġi indikat ukoll jekk tul dan is-sajf sarx xogħol ieħor ta' restawr u jekk huwiex previst li l-faċċata tiegħu tiġi restawrata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li żaru l-Palazz ta' l-Inkwiżitur 'din is-sena sal-15 ta' Ottubru huwa ta' 30,000, li sarraf fi dħul ta' Lm5,800.
Ix-xogħol ta' restawr u rijabilitazzjoni li sar matul dan is-sajf kien:
* Tqegħid ta' ċangatura u tiswija tal-forn fis-sezzjoni tal-kċina li issa re-għet infetħet għall-pubbliku wara numru ta' snin.
* Tneħħija t'a art tal-konkos u tqegħid ta' ċangatura fil-bitħa interna tal-ħabs.
* Tkomplija ta' tindif ta' bjar.
* Tibjid, brix ta' ħitan u xogħol ta' tiswija u tisbih ġenerali f'ħafna postijiet.
* Ġie ppubblikat ukoll ktieb fuq il-ħabs tal-palazz li qed jinbigħ mill-post, kif ukoll brouchure ġdid.
* Il-faċċata
Wara diskussjonijiet preliminari, l-Awtorita` tat-Turiżmu, flimkien mas-sezzjoni tar-restawr tal-Birgu, se jibdew il-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta' l-Inkwiżitur. Bħalissa qed isiru l-preparamenti ġenerali. Ix-xogħol mistenni jibda tard din is-sena jew kmieni s-sena d-dieħla.