Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż din is-sena u fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi ġew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż fl-aħħar ħames snin huwa kif se nsemmi:
Sena Numru ta' studenti
1997 - 30,059
1998 - 27,995
1999 - 35,451
2000 - 40,673
2001 - 47,464
2002 - L-istatistika għad trid tinġabar
Dawn l-istudenti jiġu minn dawn il-Pajjiżi:-
Germanja
Italja
Franza
Awstrija
Żvizzra
Zvezja
Spanja
Norway
Russja
Czech Rep
Slovenia
Finlandja
Netherlands
Korea
Libya
Belgium
Turkija
Danimarka
Polonja
Ungerija u oħrajn
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni b'diżabilita' li talbu għas-sussidji fuq il-vetturi/karozzi privati ġodda tagħhom li xtraw sabiex ikunu moqdija aħjar? Kemm minnhom ġew approvati u/jew għadhom pendenti u kemm ġew rifjutati? Jista' jikkunsidra li jitħaffu l-proċeduri tat-talba f'dan ir-rigward, minħabba n-natura ta' l-urġenza tal-każ, ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Eżenzjonijiet mid-dazju fuq karozzi għal persuni b'diżabilita' jingħataw mill-Ministeru tal-Finanzi fuq rakkomandazzjoni tat-tobba ta' l-Occupational Health Unit fil-Ministeru tas-Saħħa. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tikkordina dan il-proċess. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li fit-23 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni reċeviet l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, liema applikazzjoni ġiet referuta lill-Occupational Health Unit. Il-Kummissjoni qed tistenna risposta minn din il-Unit biex tkun tista' tkompli tipproċessa dan l-applikazzjoni.
B'riferenza għat-tweġiba tal-Viċi Prim Ministru f'mistoqsija 35270 u l-fatt li fil-final draft tan-National Plan for the Adoption of the Acquis, eżattament f'paġna 143, jingħad il-kliem ''the adoption of internal prices of several commmodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta's international competitiveness, particularly in the industrial and toursim sectors'', jista' l-Ministru jinfurmani kemm fil-fatt hija ż-żieda antiċipata fil-pensjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema sabiex tkopri dan l-għoli tal-ħajja li l-popli tal-gżejjer tagħna sa jkun suġġett għalih bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kif qed jintqal fil-final draft tal-NPAA?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru mill-Gvern Malti dwar din il-materja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-sentenza li kkwota l-Onor. Membru itkellem dwar "domestic cost" fil-kuntest tal-kompettitivita' tal-prodott Malti. Dan ifisser li l-kuntest huwa għal kollox differenti minn dak li qiegħed jistaqsi l-Onor. Membru, għaliex zidiet fil-pagi u fil-pensjonijiet jingħataw skond il-mekkaniżmu li jistabilixxi r-rata ta' l-għoli tal-ħajja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-konsiderazzjonijiet tal-Ministeru dwar il-pożizzjoni ta' l-impjiegi tal-ħaddiema fl-industriji ta' l-ikel, tax-xorb u tat-tabakk fid-dawl ta' l-aħħar stqarrija ppubblikata mill-federation of industries dwar it-tneħħija tal-protezzjoni ta' l-industriji ta' l-ikel, tax-xorb u tat-tabakk lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikklarifika l-Mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35269 u nżid dan il-kliem mill-final draft tal-NPAA f'paġna 143 fejn jingħad ''the adoption of internal prices of several commodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta's international competiteveness, particularly in the industrial and tourism sectors''?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-NPAA ma jagħmel ebda referenza għall-bidliet fil-prezzijiet għall-konsumatur fejn jidħlu ħwejjeġ ta’ l-ikel.
Fil-kapitlu dwar it-Tassazzjoni (p.111), fir-rigward tal-liġi dwar il-VAT, l-NPAA jgħid li bidliet f’din il-liġi “are deemed to have important social implications and a number of special arrangements have been requested”. Fil-fatt fil-Position Paper dwar it-Tassazzjoni, Malta qed titlob sabiex prodotti ta’ l-ikel jibqgħu fl-istat preżenti fejn huma eżenti mit-taxxa, fil-finijiet tas-Sitt Direttiva tal-Komunita’ Ewropeja 77/388/EEC. Il-kapitlu dwar it-Tassazzjoni għadu ma ġiex magħluq, għaldaqstant l-impatt ta’ xi bidla li jista’ jkun hemm fuq prezzijiet ta’ l-ikel fuq l-industrija tat-turiżmu għadu ma jistax jiġi kkalkulat.
Bl-istess mod, il-kapitlu li jitratta l-Agrikoltura fl-NPAA jirreferi biss għall-levies u tariffi applikabbli skond id-direttivi li jikkonċernaw il-prodotti lokali u / jew importati. Filwaqt li l-NPAA jispeċifika (p.143) illi “[t]he adopton of the internal prices of several commodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta’s international competitiveness particularly in the industrial and tourism sectors”, id-dokument ikompli biex jiċċara’ illi “Malta is seeking specific supply arrangements to source products at international market prices through the exemption from customs duties on products imported from third countries and / or specific support for specific Community products” (NPAA 2002, 143-144). L-istess bħall-kapitlu dwar it-Tassazzjoni, il-kapitlu dwar l-Agrikoltura għadu qiegħed jiġi nnegozjat, u għad ma hemm xejn definit fejn jidħlu impatti fuq l-industrija tat-turiżmu.
B'riferenza għall-mistoqsija 35408, kemm fil-fatt huwa n-numru ta' mobile phones?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' mobile phones fil-Ministeru huwa ta' 48.
Din il-figura tinkludi l-Ambaxxati kollha tagħna li qegħdin barra minn Malta (38).
B'riferenza għall-mistoqsija 35407, kemm kien in-numru ta' mobile phones fil-fatt?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ “mobile phones” hu ta’ 48 li minnhom 23 huma proprjetà tal-Gvern. 25 “mobile phones” ohra huma proprjetà ta’ l-ufficjali tad-Dipatiment tal-“Management Efficiency Unit” u ta’ l-“Internal Audit” li tinghatalhom “top-up card” mid-Dipartiment.
Universita' ta' Malta — Traffic Calming u Management
Question
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi ta' traffic calming u management fil-bypass taħt l-universita' (lejn B'Kara) peress li tintuża minn ħafna studenti u residenti bil-periklu għalihom għax m'hemmx traffic lights u zebra crossing li jgħinu pedestrians jaqsmu? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku jixtieq jiġbed l-attenzjoni li d-disinn tal-Junction inkorpora fiħ pedestrian subway li ssolvi l-problema tan-nies li għandhom bżonn jaqsmu għan-naħa l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar tqassim ta' pitazzi fl-iskejjel governattivi? Dawn huma mħallsin minn fondi pubbliċi? Jixtruhom l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-parti l-kbira ta' l-istudenti li jattendu fl-iskejjel primarji tal-gvern jingħataw numru ta' pitazzi b'xejn matul is-sena skolastika. Din hija prerogattiva tal-kap ta' l-iskola u l-ispiża ta' dawn il-pitazzi titħallas mill-vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni msejjaħ 'materials and supplies' li tingħata kull sena lil kull kap ta' l-iskola. L-istudenti qatt ma jħallsu għal dawn il-pitazzi.
Jista' il-Ministru jgħid liema oġġetti konnessi mal-Gran Mastru Wignacourt intbagħtu għall-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn? Fejn intbagħtu? Kemm sewa x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uniku oġġett mill-Armerija tal-Palazz konness mal-Gran Mastru Wignacourt li ntbagħtet għar-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn kien plakka żgħira dekorattiva tal-ħadid meħuda mill-armatura ċerimonjali ta' l-istess Gran Mastru. Din il-plakka intbagħtet fil-'Conservation Department' tar-'Royal Armouries', ġewwa Leeds f'Ingilterra biex isiru provi preliminari għall-proġett ta' restawr fuq din l-istess armatura li sar hawn Malta.
Ix-xogħol ta' restawr fuq din il-plakka ma sewa xejn għalix l-istess restawr kien sponsorjat mir-"Royal Armouries'.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fil-junior lyceum subien tal-Ħamrun biex l-istudenti ma jibqgħux iġorru basktijiet tqal esaġerati b'dannu għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha ġew mogħtija t-Time Table biex jimxu fuqha u jevitaw li jġorru affarijiet żejda. L-istudenti jiġu mfakkra regolarment li m'għandhomx iġibu affarijiet żejda l-iskola. F'każijiet eċċezzjonali l-istudenti jiġu mogħtija permess biex ma jġibux xi kotba. L-iskola għandha wkoll numru ta' lockers, iżda mhux biżżejjed għal kull student.
Jista' il-Ministru jgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel sekondarji ġenerali u fil-junior lyceum? F'liema suġġetti? Kemm hemm tfal fil-klassijiet milquta? X'passi qed jittieħdu biex f'kull każ jinstabu l-għalliema meħtieġa għax irrapurtawli li hemm każi fejn mill-bidu tas-sena skolastika hemm studenti li m'għandhomx għalliema f'ċerti suġġetti?
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-awtoritajiet għall-ħarsien tal-wirt storiku biex jiġi żgurat li l-kurituri tal-palazz presidenzjali ma jintużawx bħala kċina f'ikliet statali biex jiġu evitati li ssir ħsara lill-wirt storiku ta' dan il-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Uffiċċju tal-President jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm spiżeriji liċenzjati f'Malta u Għawdex separatament? Kemm hemm applikazzjonijiet f'kull gżira? Meta l-aħħar li ngħatat liċenzja biex tinfetaħ spiżerija? Hemm xi ħsieb li jerġgħu jibdew jingħataw liċenzji ta' din ix-xorta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li bħalissa hawn 198 spiżerija liċenzjata f'Malta, li 6 minnhom huma veterinarji, u 13-il spiżerija f'Għawdex. Id-Dipartiment għandu 289 applikazzjoni għal spiżeriji ġodda f'Malta u 18 oħra f'Għawdex. L-aħħar liċenzja li ngħatat biex tinfetaħ spiżerija kien fil-15 ta` April 2002.
Teżisti friża amministrattiva għall-ħruġ ta` permessi ġodda, għalkemm jeżistu każi speċifiċi fejn ħruġ ta` liċenzji xorta jiġu kkunsidrati. Għalkemm fl-1998 ma ħarġu l-ebda liċenzji, fl-1999 inħarġu permessi għal żewġ spiżeriji ġodda, waħda l-Imtarfa u l-oħra l-Gżira (spiżerija għall-użu veterinarju), waqt li fl-2000 ħareġ permess wieħed, ġewwa l-Qala, Għawdex.
Peress li jidher li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku qed jiżdiedu u konsegwentement anke l-imwiet, jista' il-Ministru jgħid qattx saru xi studju/i biex ikun magħruf kif u għaliex qed isiru ċerti inċidenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda taħdem mal-pulizija (Sezzjonijiet ta' traffiku w ta' IT) biex tirrevedi w taġġorna s-sistema ta' rapporti ta' l-inċidenti fit-toroq.
Ir-raġuni ta' dan l-eżerċizzju hu biex jgħaddi nformazzjoni aktar dettaljata u relevanti lid-disinjatur tat-toroq sabiex ikun mgħaruf xi jwassal għal inċidenti tat-traffiku.
Fil-futur qarib hu mistenni li l-Awtorita' tuża sistema ta' geographical information sabiex tidentifika black spot u xi defiċjenzi fid-disinji tat-toroq, sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jonqos il-periklu. Barra minnhekk informazzjoni bħal din tkun ta' għajnuna għal Awtorita' biex timmira għal dawk in-nies li jagħmlu użu minn dawn it-toroq għall-kampanja edukattiva u taħriġ kif ukoll biex tiżvilupppa policy tat-trasport iżjed addattata għal dan il-għan biex tgħin jitnaqqsu inċidenti tat-traffiku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew iffirmati kuntratti ma' għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-aħħar riżoluzzjoni parlamentari fejn ingħataw art pubblika? Jista' jgħid ukoll meta ġew iffirmati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 16-il għaqda sportiva iffirmaw kuntratti (10 ta' ċens u 6 ta' kera) biex jingħataw art pubblika wara li għaddiet l-aħħar riżoluzzjoni parlamentari. Id-dettalji huma kif se nsemmi:
Għaqda Data tal-Kuntratt
Kera:
Floriana Basketball Club Awissu 2002
Floriana Boċċi Club Awissu 2002
Floriana Football Club Awissu 2002
Young Stars Hockey Club Awissu 2002
Assoċjazzjoni Sport Floriana Awissu 2002
Buġibba Boċċi Club Awissu 2002
Ċens:
Malta Amateur Athletic Association Awissu 2002
Għaqda Sajjieda u Dilettanti Buġibba Awissu 2002
Marsa Sports and Country Club Awissu 2002
Pieta` Boċċi Club Settembru 2002
Qrendi Boċċi Club Settembru 2002
Malta Young Sailors Club Settembru 2002
Malta Playing Fields Association Settembru 2002
Sta Lucia Boċċi Club Ottubru 2002
Melliaħa Sports Club Ottubru 2002
Żejtun Red Stars S.F.C. Ottubru 2002
Jista' il-Ministru jgħid meta ser tibda topera l-MFSA mill-aspett regolatorju, fejn tieħu funzjonijiet li fil-preżent jinsabu għand l-MSE, is-CBM u l-MFSC?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li MFSA issa tinsab imwaqqfa bis-saħħa tal-avviż legali 277 ta' l-2002. Infatti, il-liġi, cioe' l-att XVII ta' l-2002, ilha fis-seħħ mill-ewwel ta' Ottubru 2002.
F'dik id-data, l-MFSA saret responsabbli għas-superviżjoni ta' l-istockbrokers u għal dawk li l-liġi ssejjaħ 'recognized investment exchanges' li waħda minnhom, infatti l-ewwel waħda, hija l-Malta Stock Exchange, cioe' il-Borża. Din issa qabdet it-triq sabiex sa lejn il-bidu tas-sena d-dieħla issir biss operatur ta' borża, u ma tibqgħux aktar awtorita' regolatriċi. Għaldaqstant, hu maħsub ukoll li r-responsabilitajiet ta' Listing Authority, li bħalissa għadhom għand l-MSE, jgħaddi għand l-MFSA fis-sena il-ġdida.
Meta jitwettaq dan il-pass, l-MFSA tkun ġiet żviluppata f'sens sħiħ bħala l-unika awtorita' regulatriċi għas-settur tas-servizzi finanzjarji ta' Malta, skond il-programm li kien oriġinarjament imniedi fl-1994.
Infakkar illi diġa mill-ewwel ta' Jannar ta' din is-sena, ġiet trasferita lill MFSA (dak iż-żmien kienet għada MFSC) ir-responsabilita' għas-superviżjoni tal-banek. Qabel dik id-data, din ir-responsabilita' kient taqa' taħt il-Bank Ċentrali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett ta' l-entratura tal-Malta racing club? Min ser iħallas? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġux tenders? Jekk iva, min kienu u kemm kienet il-kwotazzjoni tagħhom? Xi kriterju ntuża sabiex saret l-għażla?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tiġi verifikata u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiebja li hemm fi Triq it-Tiben biswit Triq il-Faxxina, Swieqi għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-awtorita` ta' l-ippjanar u tad-dipartiment tat-toroq? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi iż-żewġ ġwiebi fil-viċinanza tal-post indikat, ċioe` fi Triq i-Tiben biswit Triq il-Faxxina, huma koperti bil-permess ta` żvilupp meħtieġ, PA 4412/93, maħruġ fil-31 ta` Jannar 1995. Dan il-permess jispeċifika il-bini ta` żewġ ġwiebi fuq kull naħa ta` Triq it-Tiben.