Jista' il-Ministru jgħid għalfejn ħaddiema li jaħdmu fil-land registry - u li wħud minnhom ilhom hemm aktar minn għaxar snin u li ngħataw taħriġ speċifikat għal dan ix-xogħol - se jkollhom jerġgħu japplikaw għax-xogħol u jiġu suġġetti għal interview ma' applikanti oħra miċ-ċivil u minn parastatali oħra?
Jista' jgħid ukoll għalfejn dawn il-ħaddiema se jitpoġġew fuq performance agreement (skond ċirkolari MPO175 u 176 200) meta dawn huma biss minn skala 9 'il fuq?
Response (BORG, TONIO)
It-talba għar-reorganizazzjoni fir-Reġistru ta` l-Artijiet ilha pendenti s-snin. Fl-1999 ġiet approvata allowance għal impjegati tar-Reġistru. Din l-allowance ingħatat bħala miżura temporanja sakemm tinstab soluzzjoni permanenti.
Peress li dawn l-impjegati huma mħalltin bejn tekniċi u klerikali u peress li l-policy tal-Gvern hija li ma jinħolqux gradi ġodda, inħarġu ċ-ċirkolarijiet imsemmija. Ovvjament iċ-ċirkulari ma tistax tkun limitata għal dipartiment wieħed imma huwa daqstant ovvju li t-taħriġ li ngħataw u l-esperjenza li għandhom ipoġġuhom f`vantaġġ u mhux fi żvantaġġ.
Jista' il-Ministru jara li l-health authorities jinvestigaw il-miżbla li hemm qrib l-istabiliment Golden Harvest fil-Gżira?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-investigazzjonijiet neċessarji minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika saru fl-24 ta` Ottubru 2002 fil-post indikat, jiġifieri f'Misraħ Turu Colombo, Gżira.
Ġie nnotat akkumulu ta` skart fuq il-bankina quddiem il-'Golden Harvest' u ġie infurmat is-sindku tal-Kunsill Lokali Gżira, sew verbalment, kif ukoll bil-miktub sabiex dan l-iskart jitneħħa mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatagħlu l-benefiċċju supplimentari? X'tibdil kien hemm fiċ-ċirkostanzi li seta wassal għal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix intitolata għall-Allowance Supplimentari għax ma tissodisfax it-test tal-meżżi.
Ninsab infurmat ukoll li ma kienetx intitolata għal din l-Allowance lanqas is-sena l-oħra għall-istess raġuni.
Jista' il-Ministru jgħid fejn qegħdin jitħallsu l-liċenzji ta' hawkers li jarmaw fuq il-monti peress li l-pulizija mhux qed taċċetta ħlasijiet ta' dawn il-liċenzji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li dawk il-hawkers li jarmaw fuq il-monti li kienu mdaħħlin fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, intbagħtilhom l-avviż tal-ħlas għal din is-sena mis-Sezzjoni għall-Liċenzji tal-Kummerċ. Dawn jistgħu iħallsu l-liċenzji tagħhom għand il-Kunsill Lokali.
Qed isir ix-xogħol biex dawk il-hawkers li ma irċevewx l-avviż tal-ħlas jiddaħħlu fis-sistema kemm jista' jkun malajr biex ikun jista' jintbagħtilhom l-avviż tal-ħlas.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-multa li weħel il-Gvern Malti fl-1988 mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel project life sabiex isir state of the Environment Report? Min kienu l-uffiċjali pubbliċi li ħadu flus bħala kumpens minn dan il-proġett? Mil-liema fondi tħallset u min għamel tajjeb għal din il-multa? Jittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra xi ħadd?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat mill-uffiċjali tal-Ministeru li taħtu kien jaqa` d-dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent li l-Gvern Malti ma weħel l-ebda multa mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel proġett taħt il-'Life Programme' biex isir li State of the Environment Report. Li ġara kien li ġiet rifuża s-somma ta` Euro 74,777.50 għaliex l-Awduturi tal-Unjoni Ewropea ma qablux li r-rati li ġew użati biex jiġi valutat ix-xogħol li sar minn konsulenti maltin in konnessjoni ma` dan ir-rapport, ikunu fuq l-istess livell tar-rati li tħallsu lill-konsulenti barranin.
L-ebda uffiċjal pubbliku ma ħa flus bħala kumpens għal dan il-proġett.
Is-somma li ġiet rifuża tħallset mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent.
Ma kienx il-każ li jittieħdu passi dixxiplinari kontra xi ħadd.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li sar f'dawn l-aħħar xhur minn ftit 'l isfel mill-istabiliment Apple's Eye għal bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tal-MEPA?
Jekk fin-negattiv, jista' il-Ministru jgħid x'azzjoni qed tieħu l-MEPA kontra dan l-abbuż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taraġ imsemmi huwa mingħajr permess u għalhekk ħarġet ordni ta` infurzar numru ECF 466/00. Infurmat ukoll illi saret applikazzjoni fit-termini ta` enforcement li dan żamm l-esekuzzjoni ta` l-avviż ta` l-infurzar. F`dan l-istadju il-MEPA ma tistax tieħu azzjoni oħra sakemm tiġi deċiża l-applikazzjoni b`mod finali.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Għajn Tuffieħa - Taraġ għal Bajja
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kiosk imsejjaħ Internet Cafe fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa hux kopert bil-permess tad-dipartiment ta' l-artijiet?
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-taraġ li jagħti għal dan l-istess kiosk għandux il-permess tal-kummissarju ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Fil-każ tal-kiosk bħal kiosks l-oħrajn kollha jinħareġ permess kull sena biex dan il-kiosk jiġi operat fix-xhur tas-Sajf. Ninsab infurmat illi ma inħareġ ebda permess mill-Kummissarju tal-Artijiet għat-taraġ li jagħti għal dan il-kiosk, u dan ser jiġi investigat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm u min kienu l-uffiċjali pubbliċi jew uffiċjali tal-planning directorate li ħadu flus bħala kumpens għal xogħol li għamlu fil-proġett National Communication for Malta under the United Nations framework for climate change?
Response (BORG, TONIO)
Il-MEPA ma għandha l-ebda obbligu li tħallas l-ebda flus bħala kumpens lil uffiċjali pubbliċi jew uffiċjali tal-Planning Directorate, għal xogħol li għamlu fil-proġett National Communication for Malta under the United Nations framework for climate change. L-uffiċjali involuti huma Henrietta Debono (uffiċjal pubbliku) u Adrian Mallia (uffiċjal tal-MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali mis-settur pubbliku li jaħdmu bħala konsulenti mal-Malta University Services fil-qasam ta' studju ambjentali u Environment Impact Assessments rispettivament.
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm s'issa uffiċjali pubbliċi li talbu li jitilqu mill-MEPA jew li aċċettaw il-proposti tagħha? Kemm minnhom se jiġu rilaxxati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 130 uffiċjali pubbliċi tal-MEPA li 94 minnhom aċċettaw il-proposti ta` l-Awtorita` tagħha taħt perjodu ta` prova filwaqt li 36 għadhom m`aċċettawx il-proposti. Hemm 14 li talbu ir-revocation tad-detailing tagħhom filwaqt li 3 diġa` ġew rilaxxati.
Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-membri li għamlu aġġudikazzjoni biex jilħaq fil-kariga d-direttur tad-direttorat għall-ħarsien ta' l-ambjent tal-MEPA? X'kienu l-kriterji u fuq liema merti ntgħażel min intgħażel? X'kienu r-riżultati peress li xejn ma ġie ppubblikat? Kemm kien hemm u min kienu l-membri ta' l-aġġudikazzjoni li huma esperti jew konversanti mal-konvenzjonijiet u trattati internazzjonali, reġjonali jew ta' l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw l-ambjent? U kif dawn taw il-marki? Kif ingħataw il-marki fuq l-kwalifiki personali?
Response (BORG, TONIO)
Is-selezzjoni ta' l-applikanti ghall-kariga ta' Direttur tad-Direttorat ghall-Harsien ta' l-Ambjent fil-MEPA saret f''zewg fazijiet. L-ewwel fazi kienet tikkonsisti f-"short-listing" ta l-applikazzjonjiet kollha. Il-bord li ghamel l-ghazla kien jikkonsisti minn Victor Torpiano (chairman), Alfred Mangion (membru), Peter Zammit (membru) u Profs. Rev. Peter Seracino Inglott (konsulent). Dan il-bord wasal ghall-"short-list" u ipproceda
bl-ewwel intervista.
Wara dan il-process, intghazlu hames kandidati li l-bord deherlu li kellhom jigu intervistati ghat-tieni darba. Il-membri tal-bord ghat-tieni intervista kienu: Andrew Calleja (Chairman), Victor Torpiano (Deputy Chairman), Louis Cassar (Member of MEPA Board), Rev. Alfred Darmanin (advisor) u Philip Tortell (konsulent). L-esperti teknici fuq il-bord kienu Louis Cassar u Philip Tortell.
L-applikanti ghall-kariga ta' Direttur fid-Direttorat ghall-Harsien ta' l-Ambjent riedu jkollhom esperjenza fit-tmexxija ta' processi u progetti f'organizzazzjoni multi-dixxiplinarja u riedu jkunu kapaci sew f'immaniggjar tar-rizorsi, specjalment dawk umani. Riedu wkoll ikollhom kwalifici akkademici relatati u kellhom jipprovdu vizjoni u direzzjoni biex jibnu organizzazzjoni kapaci li tilhaq il-miri ta' l-obbligi
tad-direttorat. Riedu wkoll ikunu familjari ma' l-oqsma relatati ma' l-isfera ta' l-ambjent nazzjonali.
Il-bord ikkonsidra il-kapacitajiet tal-hames applikanti fl-isfond ta' dawn il-kriterji u l-Inginier Ray Piscopo gie rrakkomandat bhala l-ahjar kandidat. Il-bord tal-MEPA qabel ma din ir-rakkomandazzjoni u approva il-hatra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-talba li għamlet il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, lid-dipartiment ta' l-artijiet (L749/61) sabiex takkwista art viċin id-dar tagħha ma ġietx milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Il-persuna li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt għandu kirja fuq l-art in kwistjoni. It-talba tiegħu ġiet irrifjutata għaliex l-istess art kienet ġiet esproprjata mingħand terzi persuni.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36223, jista' il-Ministru jgħid illum il-ġurnata liema huma l-ispeċi ta' għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba kif provdut bil-liġi u r-regoli Maltin?
Jista' jgħid ukoll liema speċi ta' għasafar ikunu jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba f'eventwalita` ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, skond il-ftehim milħuq fil-kapitlu dwar il-kaċċa u l-insib ma' l-istess Unjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jista` l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perijodu tas-sena qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid min huwa awtorizzat li jiffirma u jagħti permessi ġodda għall-hearse u t-taxis?
Jista' jgħid ukoll huwiex il-ħsieb tal-gvern li jżid dawn it-tip ta' permessi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha l-poter li toħroġ dawn il-permessi. Fir-rigward tal-hearses jeħtieġ ukoll permess mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi l-Onor. Interpellant ghar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35692.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jiġi ffinalizzat it-trasferiment tal-liċenzja tan-negozju Ref: TL/A/31/02 li issa ilha diversi xhur b'inkonvenjent kbir għall-applikant?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-trasferiment tal-liċenzji tan-negozju imsemmija fil-fatt ġie finalizzat u l-applikant ser jiġi infurmat dwar dan.
Billi Wied is-Sewda, bejn Birkirkara, Balzan, Attard, Qormi u Żebbuġ huwa l-uniku post li baqa' fl-arja ċentrali ta' Malta li tista' issejjaħlu "naturali", jista' il-Ministru jikkonsidra żewġ proposti? L-ewwel waħda li jiġi dikjarat zona rurali ta' konservazzjoni u jiġi ttrattat hekk billi jitnissel programm ta' infrastruttura u aċċess għall-pubbliku. It-tieni billi jitnaddaf sew mill-ammont kbir ta' żibel li hemm għax il-post qed jiġi ttrattat qisu miżbla u l-gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex id-dumping jieqaf.
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Wied is-Sewda diġa` huwa inkluż bħala Arja ta` Konservazzjoni Rurali u għalhekk mhux permess żvilupp ħlief għal dawk ix-xogħlijiet li għandhom x`jaqsmu mal-preservazzjoni tal-ħamrija u l-immaniġġjar ta` l-ilma. Partijiet minn Wied is-Sewda huma elenkati u protetti bħala Arji ta` Importanza Ekoloġika ta` Livell 4. Hemm ukoll siti arkeoloġiċi, fosthom oqbra Puniċi u ċisterna Rumana.
Rigward it-tindif minn skart, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-proposta lill-Ministru responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Jista' il-Ministru jgħid liema studji dwar setturi industrijali li saru mill-IPSE ġew iffinalizzati s'issa? Jista' jgħid kemm u liema huma dawk l-istudji li għadhom proġettati u meta hu proġettat li jiġu ffinalizzati?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudji li ġew iffinalizzati s'issa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-istudji dwar is-setturi industriljali li saru mill-IPSE u ġew finalizzati huma dawn:
Rapport dwar is-settur ta' l-għamara
Rapport dwar is-settur ta' l-inbid
Rapport dwar is-settur tal-frott ipproċessat u l-ħaxix
Rapport dwar i-settur tal-ġojjellerija
Rapport dwar is-settur ta' l-istampar
Rapport dwar is-settur tal-materjal tal-bini - metalli bażiċi
Rapport dwar is-settur tal-materjali tal-bini - prodotti minerali mhux metalliċi
Hemm proġettat studju dwar "rapport dwar is-settur ta' l-ifran". Huwa maħsub li dan l-istudju jiġi finalizzat fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jiċċekkja jekk huwiex veru li hawn xi Taljani li qed jabbużaw jinżlu bil-karozzi jbigħu l-ħwejjeġ bil-wholesale lill-ħwienet? Dawn għandhom permessi jagħmlu hekk, jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-Sezzjoni għas-Servizzi tal-Kummerċ ma kellha ebda rapport dwar xi każ bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Meta s-Sezzjoni jaslilha rapport ta' din i-xorta, dan jiġi mgħoddi mill-ewwel lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tittieħed azzjoni immedjata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħruġ ta' l-exhaust mill-vetturi jaqax taħt l-operat tal-gwardjani lokali fejn dawn jistgħu joħorġu taħrika għal dan l-att ta' ħsara kemm għall-bniedem kif ukoll għall-ambjent?
Jista' jgħid ukoll fuq min taqa' din ir-responsabbilta' jekk ir-risposta hija fin-negattiv?
Jidhirlux il-Ministru li dan l-att jaqa' taħt il-ħarsien tal-gwardjani lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-hrug ta' l-exhaust mill-vetturi fill-fatt huwa wiehed mir-reati li jaqghu taht il-kompetenza tal-gwardjani lokali. Din il-funzjoni giet delegata lill-gwardjani lokali permezz ta' Avviz Legali 32 ta' l-2000.
Il-Gvern Malti ssieħeb ma' l-Unjoni Ewropea biex is-sena 2003 tkun is-Sena Ewropea tal-persuni b'diżabilita'. Jista' il-Ministru jgħid x'qed jippjana l-ministeru tiegħu għal din is-sena biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-diversi entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni, minn żmien għal żmien, jieħdu inizjattivi b'risq il-persuni bi bżonnijiet speċjali:-
Awtorita' dwar it-Trasport: Id-diversi direttorati f'din l-Awtorita' jkollhom diskussjonijiet kontinwi mal-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita'. Fost dawn hemm l-ippjanar u disinjar ta' toroq, bankini, pedestrian crossings u faċilitajiet ta' parkeġġ. Wieħed irid isemmi wkoll li l-karozzi tal-linja l-ġodda huma maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobilta'.
Awtorita' Marittima ta' Malta: Bħalissa din l-Awtorita' qed tieħu ħsieb il-proġetti taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex, fejn qed jinbnew faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer. Fost dawn il-faċilitajiet hemm il-bini ta' żewġ Terminals li ġew disinjati b'mod li jkun hemm aċċessibilita' għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Minbarra hekk, l-uffiċini l-ġodda ta' l-istess Awtorita' qed jiġu disinjati b'tali mod li jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni: Għalkemm il-funzjoni ta' din l-Awtorita' hija waħda regolatorja, madankollu hi tara li l-Operaturi fis-settur tal-Komunikazzjoni jaqdu l-obbligi tagħhom lejn dawn il-persuni. Fost dawn, l-Awtorita' ħarġet dokument ta' konsultazzjoni dwar l-Obbligi ta' Servizzi Universali (Universal Service Obligations) fejn qed jiġi propost li l-Operaturi jkunu obbligati joffru diversi servizzi. Fost dawn hemm servizzi għal nies għomja, jew torox kif ukoll għal nies oħra b'xi forma ta' diżabilita'. L-Operaturi jkunu obbligati li joffru dawn is-servizzi bi prezzijiet raġonevoli. Dan id-dokument wieħed jista' jarah fuq il-website ta' l-istess Awtorita'.