Jista' il-Ministru jara għaliex membri tal-korp tal-pulizija Għawdxin li jintbagħtu Malta għassa mar-refuġjati, qegħdin jiġu offruti lodging degradanti u mingħajr lanqas faċilitajiet fejn jieħdu shower?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-quarters provduti lill-membri tal-Korp tal-Pulizija Għawdxin li temporanjament qed ikunu xogħol mal-immigranti illegali f`Malta huma mgħammra bil-faċilitajiet sanitarji kollha, inkluż showers.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi taħdidiet bejn Malta/Libja u l-Italja dwar il-possibilita' li l-pipe tal-gas li sejjer jiġi installat fil-Mediterran tkun tista' tagħmel użu minnu Malta? Fiex kienu jikkonsistu dawn it-taħdidiet u x'riżultati kien hemm?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni Enemalta ma kinitx involuta fit-taħdidiet li qed jirreferi għalihom.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36241: B'referenza għal mistoqsija parlamentari dwar in-numru ta' inkjesti pendenti quddiem il-maġistrati, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru biex jiġu deċiżi fl-inqas żmien possibbli? Jidhirlu l-Ministru li dan id-dewmien ta' inkjesti qiegħed jikkaġuna delayed justice ma' min huwa konċernat? Jidhirlu li għandu jagħmel stqarrija fil-parlament dwar l-istatus ta' dawn l-inkjesti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern u l-Qrati huma istituzzjonijiet kostituzzjonalment separti f`kull demokrazija u l-Qrati, u ovvjament l-Gudikatura, jgawdu minn garanzija kostituzzjonali ta` indipendenza u awtonomija mill-Gvern.
Fil-prattika dan ifisser li ebda Ministru tal-Ġustizzja ma għandu l-poter jindaħħal, direttament jew indirettament, fil-mod kif jiġi mmexxi xi proċess legali, inkluz iżda mhux biss inkjesti, minn Maġistrat jew Imħallef.
Bħall-Onor Interpellant jien ukoll nixtieq li ma jkunx hemm ċertu dewmien żejjed fl-inkjesti iżda aktar milli nixtieq ma nistax nagħmel.
B'riferenza għal mistoqsija 35592, jista' il-Ministru jindika fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, fejn jeżisti l-passaġġ indikat fil-mistoqsija? Jista' jikkonsidra mill-ġdid t-tweġiba li ta peress li ma tidhirx li hija korretta? Fejn hija l-prattika normali tax-xogħol u l-electricity supply reg. kif indikat fir-risposta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li t-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 35592 kienet qed tirreferi għal post ieħor fil-viċinanzi. Dan irriżulta mill-informazzjoni mogħtija fuq il-pjanta li ġiet sottomessa. Jiena nfurmat li f'dan il-każ, l-arbli ma setgħux jitpoġġew b'mod differenti minħabba arbli oħra ta' l-istreet lighting li hemm fl-inħawi.
L-istima li nħadmet għas-servizz mitlub fil-farmhouse bejn Haż-Żebbuġ u s-Siġġiewi saret skond l-Electricity Supply Regulations.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jitlestew il-pedestrian crossings fi Triq Hompesch Fgura b'mod partikulari dik ta' quddiem il-knisja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat iili x-xogħol għat-twaħħil tal-
pedestrian crossings
msemmija ser jinbeda fi żmien qasir.
Dan ix-xogħol ma nbediex qabel minħabba illi kien hemm xogħol li qed isir fuq stallazzjonijiet bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir mill-opri tal-baħar li fuqhom qed jiġu l-klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-opri tal-baħar li fuqhom jiġu l-klandestini jiġu esebiti fil-proċeduri quddiem il-Qorti bħal kull oġġett ieħor li jkun ġie użat biex jitwettaq reat bih. Wara li l-Qorti tordna l-konfiska, ir-reġistratur tal-Qorti jiddisponi minnhom skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid x'riskji qed ikunu invouti fihom il-Maltin (pulizija, suldati, infermiera u persuni ċvili) meta qed jiġu f'kuntatti ma' klandestini u l-oġġetti li jġibu magħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għad-domanda parlamentari 36499.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li se jitlesta x-xogħol kolu fi Triq Hompesch Fgura? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħljiet kollha f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi x-xogħol huwa pratikament lest ħlief għal-bini tal-ġibjun li qed isir fil-ġenb ta' triq ħdejn Triq Kottonera u li x-xogħol fuqu hu mistenni li jitlesta f'Novembru.
Jiena nfurmat li s'issa għad mhux finalizzat il-kont tax-xogħol kollu.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36353, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-istaġuni tar-Rebbiegħa u l-ħarifa u cioe' Frar, Marzu, April, u Settembru, Ottubru u Novembru?
Response (BORG, TONIO)
Il-lista ta` speċi ta` l-għasafar li wieħed jista` jikkaċċja ser tibqa` kif kien qabel Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja.
Rigward l-għasafar li jistgħu jiġu minsuba, fil-ftehim milħuq dawn huma il-pluviera u il-malvizz fil-ħarifa, filwaqt li fil-ħarifa u fir-rebbiegħa ikunu jistgħu jiġu minsuba il-gamiema, is-summiena u kif ukoll il-verdun, l-ekru, il-ġojjin, il-gardell, l-isponsun, taż-żebbuġ u l-apparell.
Dan infatti ma jbiddel xejn minn dak li hu prattikat illum fil-kaċċa u l-insib tradizzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet hux qed jieħdu xi prekawzjonijiet sabiex jiġu evitati xi epidemiji li jistgħu jkunu qed jinġarru mill-klandestini li f'dawn l-aħħar ġimgħat qed jiġu f'pajjiżna fi kwantitajiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li "l-klandestini li jidħlu Malta qegħdin jiġu eżaminati kollha mit-tobba mal-wasla tagħhom. Dawn ukoll jittieħdilhom X-Ray tas-sider biex jiġu ċċekjati għal tuberkulosi akuta tal-pulmun. Sakemm isiru t-testijiet kollha u jiġi kkonfermat li ma humiex qegħdin ibagħtu minn l-ebda marda infettiva, dawn jinżammu f'postijiet speċifiċi".
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament u li hija marida b'mod akkut jerġa jiġi investigat mill-ġdid il-każ tagħha għall-assistenza finazjarja tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36234 f'Seduta Numru 803.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-platform tal-konkos li saret f'nofs Triq id-Dejqa wara l-Qorti, il-Belt, kenitx koperta bil-permessi tal-bini meħtieġa? Jekk fl-affermattiv x'inhu l-iskop ta' dan il-platform?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-'platform' tal-konkos indikata fl-interpellanza saret in konnessjoni ma` l-iżvilupp li ser isir fil-Qorti skond permessi maħruġa (PA 4276/01). Fil-fatt din il-'platform' hi sodda temporanja għal 'tower crane' li ser jitwaqqaf fuqha sabiex ikun jista` jsir ix-xogħol fuq l-imsemmi bini.
Jista' il-Ministru jara li s-sistema li ddawwal is-swar tal-Belt titranġa peress li hemm sezzjonijiet sħaħ tas-swar li mhumiex imdawwla b'mod partikolari fin-naħa ta' Marsamxett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni tas-sistema ta' floodlights kien waqaf għal xi żmien pero' issa qed jitkompla.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx extra capacity għall-cables ġodda li jistgħu jgħaddu minn Psaila Street,
B'Kara issa li din it-triq ġiet miksija mill-ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat iili waqt il-Co-Ordination Meetings li kienu saru waqt it-tmexxija tax-xogħol, il-utilities għamlu il-previżjonijiet tagħhom għal bżonnijiet ta' tkabbir li jista' jkollhom għas-servizzi tagħhom f'din it-triq u ħadu ħsieb li jpoġġu l-extra capacities li jista' jkollhom bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid jistgħux jiġu provduti lockers fi skola A. Cini Ħamrun, imqar għat-tfal b'diżabilita?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Amministrazzjoni ta' l-iskola Adelaide Ċini Ħamrun diġa` qegħda taħseb biex tipprovdi lockers fl-iskola. L-unika diffikulta` hi n-nuqqas ta' spazju fejn jitpoġġew il-lockers.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-detox hiex se tiġi trasferita f'post ieħor? Jekk fl-affermattiv fejn? Jikkunsidra l-Ministru li d-detox m'għandiex tiġi trasferita f'area residenzjali oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema ta' l-MIA humiex se jibbenefikaw mix-shares tat-3% offruti b'xejn, bħalma kien sar fl-amministrazzjoni ta' l-1996 fil-Maltacom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għall-finijiet ta' korrettezza għandu jingħad illi fil-każ tal-Maltacom fil-fatt ma kinux ingħataw ishma b'xejn lill-ħaddiema, iżda kienet ġiet kostitwita fondazzjoni tal-impjegati li xtrat 3% tal-azzjonijiet bi prezz li kien 10% inqas mill-prezz ta' l-offerta u liema għandu jitħallas lill-Gvern fuq medda ta' snin. Għalhekk mhux korrett illi xi ħadd jgħid illi ngħataw b'xejn 3% tal-ishma għax mhux il-każ. In oltre l-ħaddiema kienu ingħataw l-opportunita' illi ndividwalment jixtru numru ta' ishma fil-kummpanija bi skont ta' 5% mill-prezz ġenerali tal-offerta.
Fil-każ tal-MIA, wara konsultazzjoni mal-'unions' ġie deċiż li għandha ssir offerta ristretta għall-ħaddiema li jkollhom l-opportunita' li jixtru sa 900 sehem kull wieħed fil-kumpannija bi skont ta 5% fuq il-prezz ta' l-offerta pubblika. Din għandha twassal biex ikun hemm inċentiv sostanzjali biex il-ħaddiema jipparteċipaw b'mod individwali aktar milli b'mod kollettiv fl-intrapriża li jaħdmu magħha.