Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35921 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Baħrin u Fiżjali Barranin

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' baħrin u fiżjali barranin li daħlu pajjiżna fuq vapuri tal-gwerra din is-sena?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi x'vapuri militari żaru 'l Malta din is-sena s'issa. Din l-iskeda tagħti tagħrif dwar il-perijodu tal-viżita f'kull każ, u n-numru ta' uffiċċjali u baħrin li jkun iddikjarat bħala li qed iservu fuq kull vapur partikolari. Fil-kolonna intestata 'Crew', l-ewwel figura turi n-numru ta' uffiċċjali, filwaqt li t-tieni figura tirreferi għan-numru ta' baħrin. Ma tinżammx statistika ta' kemm uffiċċjali u baħrin li jkunu fuq il-vapur konċernat attwalment jinżlu l-art waqt iż-żjarat qosra tagħhom.
Leg 9 PQ #36255 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-ministru oġġezzjona lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li jidderiġi l-orkestra nazzjonali fil-kunċert ta' l-Enemalta tant li wissa li jekk ma jinbidilx, hu kien se jxolji l-bord li jmexxi l-orkestra?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li diġa` tajt għal Mistoqsija Parlamentari 35416.

Ċirkewwa — Moll

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li sar s'issa fuq il-moll taċ-Ċirkewwa? Meta hu maħsub li l-proġett kollu jintemm? Kemm intnefaq fuq dan il-proġett s'issa? Kemm kien stmat li se jiswa meta ġie pproġettat? Se tinżamm din l-istima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol li diġa sar fuq il-moll taċ-Ċirkewwa huwa dan: Upgrading tal-mollijiet eżistenti, Xogħol ta' reklamar ta' art fejn ser jinbena s-Sea Passenger Terminal, Estensjoni tal-moll numru 1 ġewwa l-Imġarr Għawdex, Bini ta' moll ġdid numru 2 ġewwa ċ-Ċirkewwa, Xogħol ta' Traffic Management. Jiena nfurmat li l-proġett hu antiċipat li jitlesta fl-2004. S'issa intefqu Lm 4,950,000. Meta l-pjanti kienu ġew finalizzati, l-istima kienet ta' Lm 13-il miljun. S'issa l-indikazzjonijiet huma li l-istima sejra tinżamm. Kull sforz qiegħed isir biex din l-istima ma tinqabiżx.
Leg 9 PQ #36258 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SEC — Sillabu l-Ġdid

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu aċċettabbli li fis-sillabu SEC il-ġdid ta' l-istudji soċjali l-omosesswali u l-kriminali qed jitpoġġew fuq l-istess livell? Ma jaħsibx li dan imur kontra l-valuri ta' soċjeta' demokratika u miftuħa li jiċċelebra d-diversita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat mill-MATSEC Support Unit li l-omosesswali u l-kriminali jissemmew fis-sillabu tas-SEC fl-istudji soċjali tal-2004 fis-sezzjoni dwar l-integrazzjoni soċjali. Għalkemm jidhru fl-istess test tas-sillabu, qatt ma kien il-ħsieb li dawn il-kategoriji soċjali jitqiesu fuq l-istess livell jew li jkunu assoċjati flimkien. Ġejt infurmat ukoll li biex ma jkunx hemm xi dubju dwar dan, fis-sillabu tal-2005, li ser joħroġ dalwaqt, il-kategoriji imsemmija ser jissemmew taħt ittri separati.
Leg 9 PQ #36259 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Skola

Question

Tista' il-Ministru tgħid jistgħux jittieħdu passi biex it-tifel li ismu qed jintbagħat separatament, li suppost jattendi l-iskola primarja ta' Għajnsielem jerġa' jingħata l-persuna li kienet tieħu ħsiebu għax għandu bżonnijiet speċjali u issa ma jridx imur skola għax it-tneħħija u t-tibdil tal-persuna li kellha tgħinu ħarbtitu u affetwatu ħażin ħafna?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il­mistoqsija lill­Ministru konċernat.

Karozzi tal-Linja — Rotot

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-linja li llum qed joperaw fuq ir-rotot f'Malta u Għawdex? Kull meta jsiru testijiet fuq karozzi tal-linja biexjiġi żgurat li huma f'kundizzjoni tajba speċjalment dwar il-brejkijiet u kumdita' għall-passiġieri? Kemm il-karozza tal-linja ma tħallitx topera din is-sena s'issa għaliex kellha xi difett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li b'kollox hemm 508 permess għal-xarabank li jopera fuq ir-rotta f'Malta u 78 f'Għawdex. Kull sena jsir test fuq kull xarabank. Minbarra t-test tal-VRT din is-sena uffiċċjali ta' l-Awtorita' waqqfu minn fuq ix-xogħol tar-rotta tagħhom 115 xarabank sabiex jiġu ttestjati fuq dawn in-nuqqasijiet: Duħħan ġewwa x-xarabank Twieqi mingħajr packing Żebgħa Seats imqatta Dwal Qanpiena Ħsarat mekkaniċi Twieqi nieqsa jew miksurin Tqattir taż-żejt Minnhom, 18-il karozza tal-linja ma tħallewx joperaw f'Malta għall-perjodu ta' żmien minħabba l-problemi mekkaniċi li kellhom, li huma dawn; sakemm ġew irranġati 5 Ħġieġ nieqes jew imkisser 4 Duħħan eċċessiv 3 Seats imqatta 3 Kundizzjoni tal-body mhux adattat 2 Ħsarat mekkaniċi 1 Brejkijiet difettużi
Leg 9 PQ #36261 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Irtirar ta' Għalliema/Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema/kapijiet u assistenti kapijiet li se jispiċċaw bl-eta' f'din is-sena skolastika? Id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni qed tieħu ħsieb li oħrajn jiġu appuntati flokhom biex tiġi żgurata l-kontinwita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' mpjegati li se jispiċċaw bl-eta` ta' 61 sena f'din is-sena skolastika fil-gradi msemmija hu kif ġej: Għalliema 27 Kapijiet 12 Assistenti Kapijiet 13 Barra minn hekk, u sa fejn hu magħruf sa' llum, hemm ukoll 3 Għalliema, 2 Kapijiet u 3 Assistenti Kapijiet li għażlu li jirtiraw mis-servizz fl-eta` ta' 60 sena. Il-vakanzi fil-grad ta' għalliema jimtlew mill-waiting lists ta' l-għalliema prospettivi li ġew intervistati fis-Sajf li għadda. Fejn il-waiting list ta' suġġett tkun eżawrita, il-vakanzi jimtlew permezz ta' Supply Teachers. Sejħiet għall-applikazzjoni għar-reklutaġġ ta' Kapijiet ta' Skejjel f'Malta u Għawdex diġa` intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li qed tipproċessa l-pubblikazzjoni tagħhom. Assistenti Kapijiet ta' l-iSkejjel jimtlew mill-waiting list rispettiva tal-każ konċernat, jiġifieri lista ta' Assistenti Kapijiet għall-Skejjel Sekondarji Malta u Għawdex (skond il-proċedura ta' qabel l-aħħar ftehim mal-MUT) u lista ta' Assistenti Kapijiet għall-iSkejjel Primarji f'Malta u l-istess għal Għawdex.

Mosta Ring Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq il-Mosta Ring Road? Kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntratur s'issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa hu stmat li l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm567,570 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm350,720 filwaqt illi l-ammont Lm141,892 ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm898,000 u għalhekk jirriżulta illi sa llum tlesta 63% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt hu maħsub li jitlesta fi Frar 2003.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-triq li tagħti mis-Salini sa San Pawl tat-Targa? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm900,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm691,000 filwaqt illi l-kumplament ġie miżmum bħala retention skond il-kuntratt. Il-Kuntratt hu stmat li ser jiswa Lm1,690,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 53% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-Direttorat tat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Imtarfa Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta fuq it-tieni fażi tal-bypass ta' l-Imtarfa sal-lum? kemm hu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-bini mill-ġdid tat-triq ta' l-Imtarfa hu maqsum f'żewġ sezzjonijiet. Bħal issa għadu kif sar ix-xogħol tal-bini tar-retaining wall fuq l-ewwel sezzjoni jiġifieri mir-roundabout sat-triq ta' l-istazzjon. Dan Ix-xogħol hu stmat li jiswa Lm320,000 u li minnhom s'issa tħallsu Lm155,000. Il-Korporazzjoni tad-Drenaġġi u l-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma qedgħin jikkunsidraw jekk jistgħux javvanzaw il-proġetti tax-xogħol tagħhom ta' tqegħid ta' mains f'din it-triq u għalhekk risposta għall-kumplament tal-mistoqsija tkun tista' tingħata hekk kif dawn iż-żewġ entitajiet jieħdu d-deċiżjonijiet taghhom.

Triq ta' Burmarrad

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' xogħol li tlesta sal-lum fuq it-Triq ta' Burmarrad? Kemm hu l-ħlas li sar lill-kuntrattur sa issa? Kemm hu stmat li hu l-valur tax-xogħol kollu u meta hu previst li se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi s'issa hu stmat illi l-kuntrattur wettaq kemm jammonta għal Lm800,000 valur ta' xogħol li minnhom tħallsu Lm737,000. Il-kuntratt hu stmat li ser jswa Lm1,640,000 u għalhekk jirriżulta illi sa lum tlesta 48% tax-xogħol fuq dan il-kuntratt. Id-direttorat għat-Toroq u l-kuntrattur qed jiddiskutu l-qagħda preżenti tal-kuntratt u l-kuntrattur qiegħed jieħu passi biex iżid in-numru tal-ħaddiema li hemm fuq dan il-proġett.

Pubblikazzjonijiet

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija 35793, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-pubblikazzjonijiet: Residential property market recommedations (2001) Report in public private partnerships (2002) Recycling building materials working party report (2002) Condition of contract for common civil works guidelines (2002) Standard methods of measurements guidelines (2002) Energy efficiency in building design guidelines (2002)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-publikazzjonijiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36513 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba li saret lill-kummissarju ta' l-artijiet minn persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament sabiex jitrasferixxu l-kera ta' garage f'Ħ'Attard minn fuqhom għax fuq binthom (L827/98)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi permezz ta` ittra li ġġib id-data tas-6 ta` Ottubru 1999, l-Uffiċċju Konġunt kien informa lil persuna konċernata li t-talba tagħha ma setgħatx tiġi milqugħa, peress li kienet tmur kontra l-provvedimenti tal-Att dwar it-Trasferimenti ta` Artijiet tal-Gvern.
Leg 9 PQ #36527 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Każijiet Reġistrati — Breakdown

Question

Jista' l-Ministru jagħtini breakdown tan-numru ta' każi/żjarat reġistrati li użaw is-servizzi taċ-ċentri tas-saħħa fil-Mosta, Rabat, B'Kara, Bormla, Qormi u Floriana mill-1995 'l hawn sena b'sena.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. (N.B. fis-sena 1995 ma kienitx tinżamm statistika).
Leg 9 PQ #36529 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Rabat — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'apparat modern nġieb fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat matul dawn l-aħħar erba' snin sena b'sena u għaliex l-x-ray machine ma nbidlitx meta ilha wieqfa sa minn Jannar ta' din is-sena u kienet ilha suġġett ta' ħsarat għal dawn l-aħħar tliet snin.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f'dawn l-aħħar erba` snin ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal apparat speċifiku ħlief għal "monitored cold-storage" għal vaċċini li ġiet fornuta s-sena l-oħra. Rigward l-X-Ray machine nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija numru 36530.
Leg 9 PQ #36530 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

X-Ray Machine — Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat

Question

B'referenza għall-x-ray machine, fiċ-ċentru ta-saħħa tar-Rabat, jista' l-Ministru jinfurmani bil-progress ta' l-ittra tiegħi ta' nhar l-1 ta' Ottubru 2002 li tagħha qed nibgħat kopja separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-proposta ta` l-Onor Interpellant qed tiġi ikkunsidrata fid-dawl tal-prijoritajiet għall-apparat ta` l-X-Ray fis-servizzi tas-saħħa.
Leg 9 PQ #36532 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ton Mejjet — Dipartiment tas-Sanita

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-każ riċenti li ġie rapurtat lid-Dipartiment tas-Sanita` li fil-Pixkerija ddaħħal ton li nstab mejjet f'San Pawl il-Baħar? X'konsultazzjonijiet jew investigazzjonijiet saru sabiex ikun stabilit minn ħeba t-ton fil-Pixkerija sabiex ma jinstabx mill-uffiċjali tas-sanita` wara li dawn marru fuq il-post sabiex isegwu r-rapport li sarilhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm xi ilment lid-dipartiment tas-Saħħa Pubblika dwar xi ton mejjet. Għaldaqstant, peress li l-Pixkerija taqa` taħt responsabbilta` ta` Ministeru ieħor, ikun aktar opportun jekk tali Mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #36533 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Purse Seine Nets

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-użu tal-purse seine nets (xbiki tat-ton)? Saru applikazzjonijiet u jekk saru, meta saru u kemm saru f'isem sajjieda Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li, is-sena l-oħra, saru numru ta' talbiet minn sajjieda individwali, Maltin u Għawdxin, biex jarmaw għall-qbid tat-tonn bix-xibka. Fid-dawl tal-kwota limitata allokata lil Malta mill-ICCAT, fuq dikjarazzjonijiet tas-sajd tagħna, u l-fatt li għandna responsabbiltajiet internazzjonali li rridu nħarsu biex inżommu s-suq tat-tonn miftuh, it-Taqsima tas-Sajd ma tistax toħrog liċenzji għas-sajd għat-tonn bix-xibka bla rażan. In-numru tal-liċenzji jridu jkunu relattivi mal-qabda tat-tonn allokata lil Malta u jħarsu d-drittijiet ta' dawk li kienu jaħdmu għat-tonn. Fil-preżent jeżisti grupp ta' sajjieda li normalment jistadu għat-tonn bil-konzijiet, li ġie iffurmat mill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd, li ltaqa' mad-Direttur Generali tat-Taqsima tas-Sajd biex jiddiskuti din il-materja.
Leg 9 PQ #36534 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Supple Measure

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra liema huma s-sorsi tal-materja prima ta' l-ikel u tunnellaġġ tagħhom li Malta qed titlob supply measure għall-fini ta' importazzjoni wara sħubija ta' Malta fl-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant jista' jiksibha mill-pożizzjoni ta' Malta (Position Paper) dwar in-negozjati tal-kapitlu ta' l-Agrikoltura. Dan id-dokument jista' jinkiseb jew direttament mingħand il-MIC jew mill-website tal-MIC (www.mic.org.mt).
Leg 9 PQ #36570 Sitting 810 2002-11-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department

Question

Peress li f'risposta parlamentari għal mistoqsija 36369, il-Ministru qal li l-fond 7 Blk A Triq ix-Xatt Bormla ħareġ għall-kiri bl-offerta fil-gazzetta tal-gvern tat-28 ta' Diċembru 2001 u wara, u peress li dan il-fond b'dan l-indirizz ma jidher imkien fejn qal il-ministru jiżda minflok f'din id-data deher il-fond bl-indirizz 7 Blk A, Parish Church Area, Triq il-Pellegrinaġġ Bormla, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux l-istess fond? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'inhi r-raġuni wara dan it-tibdil, u jserraħ ras min għal snin twal kien interessat f'dan il-fond, li ma kienx hemm raġuni ulterjuri biex jibbenefika xi ħadd partikulari? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal dan il-fond?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond deskritt bħala '7 Blk A, Triq ix-Xatt, Bormla' jew '7 Blk A, Parish Church Area, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla' huwa l-istess. Qabel, din it-triq kienet magħrufa bħala 'Triq ix-Xatt', imma skond il-pjanti din it-Triq tidher bħala 'Triq il-Pellegrinaġġ' u għalhekk fl-avviż li deher fuq il-Gazzetta tal-Gvern, il-fond ġie deskritt bħala '7 Blk A, Parish Church Area, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla'. Nixtieq inżid li l-offerti kellhom magħhom pjanta fejn turi dan il-fond. Infurmat ukoll li kien hemm b`kollox erba` offerti.