Jista' il-Ministru jgħid x'vakanzi jeżistu bħalissa fil-livell ta' subject co-ordinators fil-primarji u fis-sekondarji ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-livell ta' Subject Co-ordinator fil-primarji hemm 20 post vakant. Fil-livell ta' Subject Co-ordinator fis-sekondarji hemm 6 postijiet vakanti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA minn skejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti biex:
1 tinbena estensjoni għall-iskola eżistenti
2 isir tibdil strutturali lil xi skola jew xi bini li jappartieni lill-iskola?
3 Minn min saret kull applikazzjoni? Meta saret?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar għandha 30 applikazzjoni pendenti għal dan it-tip ta` żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi id-dettalji mitluba dwar dawn l-applikazzjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid il-MEPA x'applikazzjonijiet pendenti għandha għall-:
1 bini ta' lukandi ġodda
2 bini ta' estensjoni ta' lukandi
3 tibdil fl-istruttura ta' lukandi eżistenti
F'kull każ jista' jgħid meta saret kull applikazzjoni, minn min u f'liema lokalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar għandha 46 applikazzjoni pendenti għal dan it-tip ta` żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi id-dettalji mitluba dwar dawn l-applikazzjonijiet.
Sptarijiet Maltin — Asserzjoni ta' Ġurnal Fillandiż
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'verita' hemm fl-asserzjoni tal-ġurnal Fillandiż Helsingin Sanomat (14 ta' Ottubru 2002) dwar l-isptarijiet Maltin li kkwota studji li jikkonkludu:
Staphylococcus infections that are resistant to treatment by the most common antibiotics have been spreading rapidly in Finnish hospitals. Reported cases of infection with MRSA bacteria were three times more frequent last year that they were in 1996, and the trend seems to be continuing. In Janruary-July this year MRSA was found in twice as many people as at the same time last year.
By European standards the situation in Finland is still quite good. Only 0.4% of Finland's staph infections last year were resistant to antibiotics. In Britian the corresponding figure was 40% and in Malta more than 50%.
Jirriżulta li dawn l-infezzjonijiet ġejjin min-nuqqas ta' ħasil sew ta' l-idejn ta' min jaħdem fl-isptarijiet? X'passi qed jittieħdu biex fl-isptarijiet lokali jidħlu prattiċi stretti ta' iġjene għall-ġid tal-pazjenti u ta' min jaħdem fihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istatistika li semma l-Onor Bartolo tikkorrispondi ma` statistika simili li ħareġ id-Dipartiment tas-Saħħa ta` Malta f'diversi pubblikazzjonijiet xjentifiċi kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Kif jidher mill-aħħar rapport tal-"European Antimicrobial Resistance Surveillance System", proġett tal-Komunita` Ewropeja li Malta tagħmel parti minnu, il-pożizzjoni ta` Malta f'dak li huwa methicillin resistant Staphylococcus aureus (MRSA) hija simili għal dik fir-Renju Unit, Irlanda, Greċja, Spanja, Iżrael u Croatzja. Irid jingħad iżda li fejn għandu x'jaqsam ma` każijiet oħrajn ta` "multi-resistant organisms" inkluż penicillin-resistant Streptococcus pneumoniae, non-susceptible Enterococci u ESBL E. coli il-pożizzjoni f'Malta hija ħafna aħjar minn dik f'pajjiżi oħrajn Ewropej, inkluż il-Finlandja.
L-Onorevoli membru huwa korrett li jsemmi l-iġjene ta` l-idejn bħala mezz importanti ta` kontroll tat-tixrid kemm ta` l-MRSA kif ukoll tal-maġġoranza ta` l-infezzjonijiet fl-isptarijiet. Għaldaqstant, l-Infection Control Unit ta` l-Isptar San Luqa ilha għal dawn l-aħħar snin teduka lil kull min huwa responsabbli għall-kura tal-pazjenti fuq l-importanza tal-ħasil ta` l-idejn. Fost dawn wieħed jista` jsemmi post-qualification kors fl-infection control ta` 28 siegħa li jsir għall-infermiera, Infection Control Conference li ilha tiġi organizzata kull sena mill-1999, leaflets u posters li jitqassmu fis-swali, materjal informattiv fil-webpage li l-Unit niediet fil-website ta` l-Isptar San Luqa kif ukoll ix-xiri ta` ammonti kbar ta` l-"alcoholic hand rub" sabiex jikkompensa għan-nuqqas ta` sinkijiet li sptarijiet qodma bħal San Luqa dejjem ikollhom.
Irid jingħad madankollu li n-numru ta` każijiet ta` MRSA mhuwiex wieħed stabbli. Fil-fatt riċerka li saret mill-Infection Control Unit turi l-każijiet ta` din l-infezzjoni jiġru l-aktar fix-xhur meta l-"bed occupancy" fl-isptar tkun qawwija.
Fl-aħħarnett, għandu wkoll jingħad li prevalenza ta` l-MRSA hija wkoll relatata ma` użu qawwi u bla bżonn ta` l-antibijotiċi. Id-Dipartiment tas-Saħħa diġa ħa passi f'dan ir-rigward. Twaqqaf working group li lesta rapport li wkoll jinsab fil-webpage tal-Unit. Fuq dan ir-rapport id-Dipartiment waqqaf kumitat nazzjonali kif ukoll Antibiotic Team ġewwa l-Isptar San Luqa sabiex jara kif l-użu ta` l-antibijotiċi jibda jsir b'mod aħjar għal ġid tal-pazjenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema complementary fl-iskejjel primarji, lokalita' b'lokalita'? B'liema kriterji jitqassmu l-għalliema complementary fl-iskejjel primarji? Kif jispjega li skejjel primarji f'inħawi bi tradizzjoni ta' problemi fil-litteriżmu u ta' tfal li jaqgħu lura għandhom inqas għalliema complementary minn skejjel f'inħawi oħra? X'inhuma l-kwalifiki ta' l-għalliema complementary li hawn fl-iskejjel primarji u x'esperjenza ta' xogħol għandhom fil-klassijiet tal-primarji? Kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji statali ta' Malta? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom? X'inhuma l-etajiet tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema complimentary fl-iskejjel primarji huwa ta' 90. Lista lokalita` b' lokalita` kif mitluba mill-Onor. Membru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-għalliema jitqassmu skond il-ħtiġijiet ta' l-istudenti in kwistjoni u fil-limiti tar-riżorsi umani li jkun hemm.
Filwaqt li hemm inħawi li tradizzjonalment huma magħrufa għall-problemi fil-litteriżmu u ta' tfal li jaqgħu lura, madanakollu hemm inħawi oħra li għandhom huma wkoll il-problemi tagħhom li ma joħorġux daqshekk fid-deher. Għaldaqstant it-tqassim isir mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni skond ir-riżorsi umani u l-bżonnijiet partikolari ta' kull lokal.
Dwar il-kwalifiki u l-esperjenzi tal-għalliema complimentary fil-livell primarju nirreferi lill-Onor. Membru għaċ-ċirkolari relevanti li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li hemm 989 għalliem fl-iskejjel primarji. Tagħrif dwar il-kwalifiki u l-etajiet tagħhom għad irid jinġabar.
Jista' il-Ministru jivverifika li x-xogħol ta' tqattiegħ ta' blat sabiex issir fossa fil-bajja ta' Lapsi, s-Siġġiewi hux kopert bil-permessi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar? Jafu li għal dan ix-xogħol propost kienet saret oġġezzjoni mill-persuni kważi kollha li għandhom proprjeta' f'din il-bajja (PA 1419/00)? Jista' il-Ministru jispjega kif tista' titbattal din il-fossa meta vetturi kbar ma jistħgux jinżlu f'din il-bajja? Japprezzax li allura din il-fossa se twassal għat-tniġġiż tal-baħar ta din il-bajja b'effett serju fuq il-feedwater ta' l-impjant tar-reverse osmosis?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta` tħaffir ta` fossa li preżentament qed isir ġewwa Għar Lapsi, limiti tas-Siġġiewi huwa kopert bil-permess meħtieġ ta` żvilupp PA 1419/00 maħruġ fit-18 ta`Ottubru 2001. L-oġġezzjonijiet li saru minn terzi waqt il-proċess ta` l-applikazzjoni ġew ikkunsidrati mill-Awtorita`. Saret ukoll konsultazzjoni ma` l-entitajiet konċernati fuq dan is-suġġett, fosthom dawk ta` l-Ambjent illi ma sabux oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp. L-applikant intrabat li l-fossa titbattal għas-spejjeż tiegħu permezz ta` pompa konnessa ma` bowser li jiġi pparkjat fit-triq Għar Lapsi. Il-fossa hija suġġetta għal ċertifikazzjoni u permessi mid-Dipartiment tad-Drenaġġ u minn dak tas-Sanita`, fejn dan ta` l-aħħar jirriserva d-dritt li jordna t-twaqqif ta` l-użu tal-fossa u/jew jordna sistemi ulterjuri ta` drenaġġ jekk iħoss in-neċessita` li jagħmel hekk.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, kemm huma n-numru ta' special safeguards għas-settur tal-Biedja li pajjiżna se jonora sabiex ikun konformi mal-CAP. Kemm minn dawn l-ispecial safeguards diġa` huma reġistrati mal-WTO minn rata ta' l-UE u kemm minnhom fil-fatt jiproteġġu l-Biedja lokali.
Response (ZAMMIT, NINU)
Hu minnu li bi sħubija fl-Unjoni Ewropea Malta trid tikkonforma ma' l-acquis communitaire li jinkludi l-obligazzjonijiet mal-WTO.
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li, bi sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-biedja Maltija tikkonforma mal-CAP f'dawk il-prodotti li nipproduċu lokalment. Biss dan isir fuq il-kundizzjonijiet li qegħdin ninnegozjaw. L-Onor. Interpellant għandu jibqa' ċert li Malta qegħda tinnegozja l-aħjar qafas.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mis-sitwazzjoni ta' l-Għalqa ta' Kola fir-Rabat? Kemm fil-fatt kien il-kumpens li l-Gvern ħallas sabiex jirrimedja l-kwistjonijiet li hemm dwar l-għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta?
Għaliex minkejja li sar dan il-ħlas, din ma ġietx mogħtija kisja tarmac? Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni mmedjatament ħalli sal-Milied li ġej ix-xogħlijiet ikunu tlestew?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern offra s-somma globali ta` ħames mija, wieħed u ħamsin elf sebgħa mija u ħamsin Liri Maltin (Lm551,750.00) għall-akkwist tal-proprjeta` fir-Rabat li irrefera għaliha l-Onorevoli Membru. Din il-proprjeta` tappartjeni għal diversi persuni u x-xiri ġie konkluż fil-konfront ta` persuna waħda biss. Sitt proprjetarji oħra ikkontestaw l-offerta li saret lilhom.
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi t-tieni parti tad-domanda lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jinformani kemm hija l-ispiża meħtieġa sabiex pajjiżna jintegra mal-IACS? Kemm mill-ispiża se joħroġhom il-Gvern Malti u kemm l-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-1 ta' Marzu 2001 sal-lum intefqu Lm65,924 mill-Gvern Malti, iżda 'l biċċa l-kbira ta' l-ispejjeż qed jiġu ffinanzjati mill-UE. Skond il-ftehim mal Kumissjoni Ewropea, Malta ingħatat miljun Ewro (Lm400,000) biex titwaqqaf l-Integrated Administration and Control System'.
B'riferenza għall-istudju li sar matul dawn l-aħħar 4 snin u xogħol sabiex nintegraw l-amministrazzjoni u s-sistemi tal-kontrolli tal-CAP, jista' l-Ministru jinfurmani kemm huma kalkulat li trid tiżdied in-nefqa rekurrenti tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd sabiex effettivament issostni dan il-commitment.
Response (ZAMMIT, NINU)
Għadu prematur biex wieħed jgħid kemm se tkun l-ispiża biex titwaqqaf il-IACS. Nitlob, iżda, lill-Onor. Membru jirriferi għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija numru 36541 għal aktar dettalji.
B'referenza għall-familji f'Malta u Għawdex li jinsabu jgħixu f'bini kundannat bħad-dettalji tal-każ li qed jintbagħat separatament, jista' l-Ministru jinfurmani kemm huma n-numru ta' każijiet simili li fil-mument huma nformat bihom id-dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali? Kemm minn dawn il-każijiet ġew rimedjati u/jew saru xogħlijiet fil-bini sabiex jitneħħa l-periklu li jkunu qed jgħixu qed jgħixu fiħ ir-residenti in kwestjoni.
Meta se jkun rimedjat il-każ li d-dettalji dwar qed jitbagħtu separatament sabiex ikun evitat l-periklu in kwistjoni nkluż xi aċċident fatali.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi għad baqa 219 applikazzjoni fejn l-applikanti ddikjaraw li għandhom periklu. L-applikanti mhux soltu jinfurmaw lid-Dipartiment jekk ikunu neħħew il-periklu. Il-każ speċifiku li rrefera għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi proċessat.
Jista' il-Ministru jara li l-Enemalta tilqa' d-diversi talbiet li sarilha, inkluż mill-kunsill lokali tas-Siggiewi, sabiex it-triq li tagħti għall-bajja ta' Lapsi tiġi imdawla, b'mod partikolari l-parti bejn id-dar tal-providenza u r-roundabout li hemm fejn il-barriera peress li din il-parti tat-triq bil-mod kif iddur hi perikoluża u tista' toħloq konfużjoni għal dawk is-sewwieqa li mhumiex familjari ma' din l-area?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36417, cioe`: B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 36185, jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tax-xogħlijiet li ngħataw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada lill-kumpannija Kalaxlokk Co. Ltd.?
Response (GALEA, LOUIS)
Minħabba l-interess li l-Onor. Membru, u ditti li fihom jista' jkollu interess, għandhom, u minħabba xogħolijiet li fihom huwa involut in konnessjoni ma' proġetti ta' skejjel, mogħti l-parir li l-informazzjoni ta' natura kummerċjali li qed jitlob l-Onor. Membru dwar kuntratti ta' xogħolijiet mogħtija lil ditta partikolari m'għandhiex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36408, cioe`jwieġeb mistoqsija parlamentari 36187 u jgħid x'inhu l-ammont li ntnefaq fuq il-bini tat-toroq mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum, kull sena separatament? Jista' jagħti dettalji dwar in-nefqa li saret f'kull triq, inkluż l-isem tat-triq u l-lokalita`?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36187.
Jista` l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi tal-Gvern jew ta' entitajiet parastatali li ma għaddewx mill-VRT din is-sena? Minn liema dipartiment jew entita` kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10100.
Jista` l-Ministru jgħid kemm ġew importati bil-liċenzji neċċessarji:
a) għasafar
b) rettili (x'tip huma)
c) ħlejjaq oħra (x'tip huma)
Kemm minn dawn huma annimali velenużi u ta' liema tip
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li mill-bidu tas-sena kienu impurtati biss, bil-liċenzja meħtieġa, 13,902 għasafar. Ma kinux impurtati rettili jew annimali eżotiċi oħra. Annimali velenużi ma jitħallewx jidħlu Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom is-servizz tat-telefon maqtugħ illum, għax għandhom kontijiet mhux imħallsa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sas-7 ta' dan ix-xahar kien hemm 1,438 telefon residenzjali u 593 telefon għal skopijiet ta' negozju li kienu ristretti u 442 telefon residenzjali u 222 telefon għal skopijiet ta' negozju li kienu maqtugħin. Dawn ir-restrizzjonijiet u qtugħ kienu dovuti għall-fatt li hemm numru ta' kontijiet mhux imħallsa.