Bħala Ministru responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u responsabbli wkoll minn nisa, jista' il-Ministru jidħol fil-każ tal-grupp żgħir ta' pulizija nisa li ġew infurmati li ma jistgħux ikomplu jaħdmu fuq sistema ta' sigħat imnaqqsa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. interpellanti li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma regolati bl-Ordinanza dwar il-Pulizija ta' Malta u mhux bil-Att li Jirregola l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg.
Ninsab infurmat li b'dan kollu d-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' għamel rappreżentazzjonijiet dwar il-każ ma' l-awtoritajiet tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jidħol fil-każ ta' numru żgħir ta' pulizija nisa li qegħdin jaħdmu fuq sistema ta' sigħat imnaqqsa minħabba responsabiltajiet familjali u li ġew infurmati li se jkollhom jibdew jaħdmu s-sigħat kollha? Jista' l-Ministru jara li dawn in-nisa jibqgħu jagħmlu użu minn din il-kundizzjoni ta' xogħol family-friendly?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li saru talbiet minn diversi membri tal-Korp, kif ukoll mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, is-sistema ta` sigħat imnaqqsa qed terġa` tiġi ikkunsidrata sabiex jinstab l-aħjar mod kif din tista` tkun implementata għall-benefiċċju tal-membri, li jixtiequ jaħdmu sigħat imnaqqsa, u dan sabiex ma tkunx ta` detriment kemm għall-membri sħabhom l-oħra kif ukoll għal l-eżiġenzi tal-Korp. Dan dejjem fl-aħjar interess tal-kommunita in ġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' swat fid-dar irrappurtati din is-sena? Jista' jagħti l-informazzjoni maqsuma skond l-etajiet tal-vittmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet ta' swat fid-dar rappurtati lill-Aġenzija Appoġġ, din is-sena sa l-aħħar ta' Ottubru, kien ta' 301.
L-istatistika mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tfajliet attendew id-diviżjoni ta' l-ommijiet minn kemm din ilha mwaqqfa fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet tat-tfajliet u l-lokalitajiet li ġejjin minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari numri 3948, 5094, 7657, 16459, 21858, 25509, 31914 u 35885.
Jista' l-Ministru jispeċifika jekk dak li qal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nmru 36290 u cioe' li l-insinwazzjoni ta' sentenzi mogħtija mill-prim' awla tal-qorti ċivili fir-riġward ta' separazzjonijiet kontenzjużi hija l-għażla tal-partijiet fil-kawża jgħoddx ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 36604?
Jekk fl-affermattiv, jiġifieri li l-insinwazzjoni ta' l-assenjazzjoni ta' proprjeta' immobiljari wara separazzjoni kontenzjuża hija wkoll l-għażla tal-partijiet fil-kawża, allura ma jaħsibx il-Ministru li dan huwa ta' dannu għas-soċjeta'?
Ma jaħsibx il-Ministru li ladarba l-liġi ċivili tagħna timponi fuq in-natura li jinsinwaw it-trasferimenti ta' immobili li joħorġu minn atti notarili, allura għandu jsir l-istess għat-trasferimenti ta' immobli li joħorġu mil-likwidazzjonijiet ta' separazzjonijiet kontenzjużi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex diġa' qed isir? Jekk dan ma huwiex qed isir, ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir kordinazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jibda jiġi impost li assenjazzjonijiet ta' immobbli wara separazzjoni kontenzjuża jiġu insinwati?
Response (BORG, TONIO)
Iva, l-insinwazzjoni ta` separazzjonijiet kontenzjużi ma hija qatt rikjesta mill-liġi u dan lanqas jekk hemm assenjazzjoni ta` proprjeta` immobiljarja bħala konsegwenza.
Wieħed irid jinnota li hi l-liġi innifisha li, sa mis-seklu dsatax, tagħmel din id-distinzjoni bejn, fuq naħa waħda insinwa t`atti notarili, u fuq in-naħa l-oħra l-insinwa ta` sentenzi li jġibu trasferiment ta` proprjeta` immobiljarja.
Fil-fatt m`hemmx liġi speċifika li tirregola l-insinwazzjonijiet ta` separazzjonijiet. Li jiġri f`dan il-każ hu li jiġi applikat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi t`Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili liema artikolu jirregola kull insinwazzjoni ta` sentenza li għandha x`taqsam ma` proprjeta` immobiljarja kemm jekk hi waħda ta` separazzjoni kemm jekk le.
Għalkemm teżisti koordinazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent, u dak tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, din il-koordinazzjoni qatt ma tista` twassal għat-tneħħija tad-distinzjoni fuq imsemmija ġaladarba il-liġi hekk tirrekjedi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 31173 datata 23-01-02, jista' l-Ministru jagħtini nformazzjoni kemm kienet is-somma li tħallset s'issa b'riżultat ta' inġustizzji li kienu saru?
Kemm il-każ ġie deċiż sal-ġurnata ta' llum barra 32 li jissemmew fil-mistoqsija oriġinali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s'issa tħallset is-somma ta' Lm259,992 bħala kumpens fir-rigward ta' ħamsa u sebgħin każ minn tnejn u tmenin li s'issa ġew deċiżi kontra l-Maltacom. Fis-seba' każi l-oħra l-kumpens għadu qed jinħadem
Għar-rigward tal-units li ħarġu għall-bejgħ mill-Awtorita' tad-Djar permezz tal-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Ottubru 2002, u cioe' appartamenti f'Bugibba, Fgura, Kirkop, Imqabba, Msida, Naxxar, Pembroke, Qawra, Qrendi, Safi, San Pawl il-Baħar, Tarxien, Żebbuġ, Żurrieq; Djar f'Birżebbugia, Fgura, Imqabba; Maisonettes f'Għawdex fil-Qala, Victora, Xewkija; Maisonettes f'B'Kara, Kirkop, Mellieħa, Mosta, Imqabba, Pembroke, Qrendi, Safi, Żabbar; u dan fil-konfront tad-diversi units mibnija fuq diversi siti f'diversi toroq, jista' l-Ministru jgħid a) meta nħarġet il-letter to start work fuq l-istess siti hemm indikati, u b) kemm kien l-ammont individwali fuq kull sit attwalment imħallas sabiex inbnew l-istess (mhux dak li bih ġew awarded it-tenders)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kanna ta' l-ilma mifqugħa fi Triq San Franġisk c/w triq Ċensu Galea San Ġwann li ilha tiġi rrapportata tlett xhur għadha ma ġietx irranġata?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċumnija fl-isptar il-ġdid f' Tal-Qroqq? Fejn inħadmet? Kemm tħallas is-sid tal-crane li tella f'posta ċ-ċumnija msemmija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li ċ-ċumnija ta` l-iSptar Mater Dei inbniet minn Steelcon fid-Danimarka u ġiet tiswa LM131,174 (VAT eskluż).
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ma nħossx li għandi nagħti nformazzjoni peress li hija ta` natura kummerċjali.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ rapporti tal-konsulenti SECTAR mqabbda mill-FSM biex jevalwaw l-offerti mitfugħa għas-sejħa għall-offerti ta' apparat mediku, għamara u affarijiet relatati magħhom għall-isptar il-ġdid f' tal-Qroqq?
Jista' i-Ministru jgħid min kienu u mill-liema pajjiż ġejjin il-kuntratturi li ħadu ħsieb sub-contracting mill-konsortium Skanska għal xogħol ta' disinjar, bini u kull xogħol ieħor relatat mal-bini ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-detail design ta` l-isptar Mater Dei ġie magħmul mill-impjegati tal-konsurzju Skanska Malta J.V.
Is-subcontractors li ġew imqabbda sabiex jaħdmu xogħlijiet diversi ġejjin minn dawn il-pajjiżi: Malta, Rejnu Unit, Italja, Danimarka, Svezja u Ungerija.
Jista' l-Ministru jieħu passi mmedjati biex jitwaqqaf id-drenaġġ li qed jiskula fil-ħofra li tħalliet għal proġett ta' bini fil-kantuniera bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl fin-Naxxar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qatt ma daħal rapport fid-Dipartiment tad-Drenaġġ ta' xi ħofra mimlija bid-drenaġġ fit-toroq imsemmija.
Madankollu, d-Dipartiment se jinvestiga l-każ u jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-insetti riżultat ta' fawran ta' drenaġġ li hemm fil-plot li qed tinbena fil-kantuniera bejn triq il-Parroċċa u triq San Pawl in-Naxxar jiġu kkontollati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-investigazzjonijiet neċessarji għadhom qegħdin isiru. Risposta tingħata f'xi seduta aktar tard.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet li bħalissa għandhom skemi ta' irtirar kmieni? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li għamlu użu minn din l-iskema u f'liema entita' kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista` l-Ministru jgħid jekk xi vetturi tal-protezzjoni ċivili kinux din is-sena involuti f'inċidenti tat-traffiku? Jekk iva, kemm-il darba u kemm swew biex ittranġaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 8 vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kienu involuti f`inċidenti tat-traffiku. Fi 3 każi il-ħsara kienet negliġibbli, f`2 każi id-danni ġew imħallsa minn terzi, filwaqt li fit-3 każi l-oħra l-ispejjeż biex jissewwew huma ta` Lm30, Lm300 u Lm6,000 rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm teaching staff fl-universita'? Xi grad għandhom? Kemm minn dawn huma nisa u minn liema pajjiż ġejjin dawk li huma barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Universita` hemm:
Teaching Staff: 531 full-time
316 part-time
Il-gradi tagħhom huma: Professuri, Professuri Assoċjati, Letturi Anzjani,
Letturi, Assistenti Letturi, Assistenti Riċerkaturi,
Teaching Assistant.
Nisa hemm: 149 full-time
71 part-time
Il-pajjiżi minn fejn huma ġejjin: 2 mill-Irlanda, 1 mill-Belġju,
Il-barranin huma dawn: 1 minn New Zealand, 1 minn Franza,
1 miċ-Cekoslovakkja, 1 mill-Polonja,
1 mill-Ingilterra, 1 minn Singapor.
Kollha huma miżżewġin Maltin.
Jista` l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każi ta' overdosage lill-pulizija din is-sena? Kemm minn dawn kienu aċċidentali? Kemm kienu kawża ta' ectasy u kemm ta' drogi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 143 każ ta` xi tip ta` overdose. Minn dawn, dawk li jistgħu jitqiesu bħala aċċidentali kienu 30 peress li kienu riżultat ta` droga ta` abbuż, fosthom 2 kawża ta` ecstacy.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom is-servizzi ta' l-ilma u/jew tad-dawl maqtugħ għax ma ħallsux il-kontijiet dovuti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa hemm mija u wieħed konsumaturi li għandhom il-provvista ta' l-elettriku sospiża minħabba li għandhom numru ta' kontijiet li għadhom ma tħallsux. Dawn huma maqsumin kif ġej:
Domestiku 60
Ristoranti 19
Industrijali u Kummerċjali 22
Tajjeb jingħad li l-provvista ta' l-ilma ma tiġix sospiża.
Jista' il-Ministru jgħid x'vakanzi jeżistu bħalissa fil-livell ta' assistenti kapijiet ta' skejjel, kapijiet ta' skejjel, uffiċjali edukattivi, assistenti diretturi u diretturi mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kemm f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.