Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm parking attendants bil-permess jaħdmu f'Malta u f'Għawdex?
Fejn huma ppustjati, bl-isem tal-post fejn jaħdem kull parker u n-numru tal-basge?
F'liema minn dawn il-postijiet hemm żewġ parkers jew iktar li jaħdmu bir-roster (post indikat)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li n-numru ta'Car PArk Attendants f'Malta u Għawdex li għandhom permess biex jagħmlu dan ix-xogħol hu:
50 - (49 f'Malta u 1 f'Għawdex).
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jiena nfurmat li dawn huma l-postijiet fejn hemm żewġ parkers jew aktar li jaħdmu b'roster:
Palace Square - Valletta
Central Bank, Castille Square, Valletta
St. Andrew's Bastion, Valletta
Lascaris Ditch, Valletta
Part of Independence Arena (asphalt side), Floriana
The Ferries (ex-Alambra theatre and end of Bisazza Street, Sliema)
Għajn Tuffieħa.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li ssir l-ewwel fażi ta' Triq il-Gardiel, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mal-pajjiż kollu u x-xogħlijiet f'dan il-programm isiru skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi taħdidiet bejn Malta u l-Libja, jew xi pajjiż ieħor fl-Afrika ta' Fuq kif ukoll ma' l-Italja, dwar il-possibbilta` li l-pipe tal-gas li se jiġi stallat fil-Mediterran, Malta tkun tista' tagħmel użu minnu?
Fiex kienu jikkonsistu dawn it-taħdidiet u x'riżultati kien hemm?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tiegħi ma kienx direttament involut f'taħdidiet mal-Libja jew pajjiżi oħra qrib dwar il-possibilita' li Malta tagħmel użu mill-gas pipe li se jiġi nstallat fil-Mediterran.
Peress li dan is-suġġett huwa ta' natura altament teknika, nissuġġerixxi li d-domanda tiġi ndirizzata lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36458 u jgħid x'talbiet għandu d-dipartiment tad-drenaġġ għand l-uffiċjal/i tal-utilities mid-dipartiment tat-toroq (awtorita' tat-trasport) għar-rigward ta' toroq f'Ħaż-Żebbuġ? Liema huma t-toroq f'Ħaż-Żebbuġ li qegħdin jistennew ir-rapport mill-utilities section tad-dipartiment tad-drenaġġ? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet? Meta hemm il-ħsieb li r-rapport dettaljat fuq dawn it-toroq jasal għand id-dipartiment tat-toroq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-7 ta' Novembru 2002 intbagħtet informazzjoni rigward Floriana u Żebbuġ, direttament lill-konsulent konċernat b'kopja lid-Dipartment tat-Toroq.
Direttorat ta' Toroq — Flus imħallsa fuq expropriation
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus bħala expropriation għal bini ta' toroq mid-direttorat ta' toroq matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
X'inhu l-valur ta' commitments li saru għal ħlas ta' expropriation matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Kemm kien il-valur ta' expropriation li sar għall-bini tal-Mosta ring road u kemm fil-fatt tħallsu minn dan il-valur sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u tieni parti tal-mistoqsija ser tinġabar u tingħata aktar il-quddiem peress li din trid tittieħed mill-files ta' kull proġett.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-valur ta' l-artijiet li kellhom jittieħdu għal-bini tal-Mosta Ring Road s'issa hu stmat li jlaħħaq l-LM410,000.
Dawn il-fondi ġew mogħddija lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex eventwalment ikunu jistgħu isiru l-kuntratti għat-trasferiment ta' l-artijiet imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid minn min intrebaħ il-kuntratt għall-kiri ta' jetting bowsers maħruġ mid-dipartiment tax-xogħlijiet, skond avviż 23 tat-8 ta' Frar 2002?
Kemm kienet ir-rata li permezz tagħha intrebaħ dan il-kuntratt?
Din ir-rata kienet l-orħos waħda mitfugħa? Kermm hu l-valur ta' xogħol li tħallas s'issa skond dan il-kuntratt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt li ġie ppubblikat skond Avviż Numru 23 tat-8 ta' Frar 2002, kien ingħata l-ewwel darba fil-25 ta' Mejju lis-Sur John Bugeja bir-rati ta' Lm3.95 u Lm4.45 kull siegħa, normali u sahra rispettivament. Din kienet l-orħos offerta mitfugħa. Ftit jiem wara, ġara li s-Sur Bugeja nforma lid-Dipartiment li ma kienx jista' jipprovdi l-bowser peress li kien biegħu. Id-Dipartiment ġibed l-attenzjoni tas-Sur Bugeja li l-azzjoni tiegħu se tkun immultata skond il-kundizzjonijiet ta' l-offerta. Minħabba li x-xogħol kien urġenti, it-tieni orħos kuntrattur, Bugeja & Bugeja ġew avviċinati pero' dawn irrifjutaw. Għalhekk ma kienx hemm triq oħra ħlief li tintgħażel it-tielet irħas offerta ta' Greenlines Environment Services. Fil-31 ta' Mejju 2002 ġiet aċċettata l-offerta tagħhom bir-rati ta' Lm6.90 u Lm8.50 rispettivament għal kull siegħa normali u bis-sahra. L-ammont ta' penali li s-Sur Bugeja ġie mmultat kien ta' Lm5,305. Il-pagamenti li tħallsu s'issa lill-Greenlines jammontaw għal Lm2,692.30.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk f'każ ta' tiġdid jew tibdil ta' servizzi (utilities) li huma taħt wiċċ it-triq u li jkun hemm bżonn li jsiru xogħlijiet fuqhom qabel il-bini tat-triq, f'każ li d-dipartiment jew il-korporazzjoni konċernata tirrifjuta li tagħmel ix-xogħol, id-direttorat tat-toroq qiegħed iħallas għal dan ix-xogħol?
Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' xoglijiet li saru fuq il-utilities matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermativ.
Peress li l-informazzjoni mitluba trid tinġabar mill-files tal-proġetti ndividwalment, id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant jingħataw aktar il-quddiem.
Tista' il-korporazzjoni Enemalta tieħu ħsieb li tinbidel bozza fi Triq ir-Repubblika, Valletta, biswit nru. 225a? Jista' jiġi mdawwal aħjar xatt Lascaris ukoll fil-Belt biswit nru. 51?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ titieħed l-azzjoni relattiva. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, it-talba ġiet riferuta lill-Korporazzjoni sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Tista' il-water services corporation tara li tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta' ilma li kien qed jiżbroffa fi Triq Melita, kantuniera ma' Triq id-Dejqa, il-Belt?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36511 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u jgħid jekk id-detox hiex se tiġi trasferita f'post ieħor? Jekk fl-affermattiv, fejn? Jikkunsidra l-Viċi Prim Ministru li d-detox m'għandhiex tiġi trasferita f'area residenzjali oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma hemmx il-ħsieb li ċ-Ċentru tad-Detox jiġi trasferit għal xi post ieħor.
Jista' il-Ministru jara li ssir letter box mill-iktar fis fi Triq Xintill, Tarxien, peress li l-eqreb żewġ letter boxes huma f'Raħal Ġdid u ħdejn il-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien, ferm 'il bogħod mill-area ta' toroq biswit Triq Xintill?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li bħalissa l-Maltapost qed tirrevedi l-qagħda fuq il-kaxxi ta' l-ittri kollha biex tirranġa s-sitwazzjoni ġenerali. Probabbli xi kaxxi ser jitressqu aktar lejn fejn hemm aktar ħtieġa minħabba binjiet ġodda.
Jiena nfurmat li l-post indikat se jiġi kkunsidrat.
Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li kien għamel il-gvern li kien qed jevelwa screening fuq bażi nazzjonali għall-cancer tas-sider fin-nisa, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent, id-Diviżjoni tas-Saħħa qed tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ is-servizz multidixxiplinarju li qed jiġi offrut fil-Klinika tas-Sider fl-iSptar San Luqa. Qed isir aktar taħriġ f'diversi oqsma professjonali sabiex dawn ikunu speċjalizzati fil-kura tas-sider. Bħala bażi ta` informazzjoni, qegħda tinbena database ta` pazjenti li jbatu mill-kanċer tas-sider bil-għan li screening jiġi pprovdut għal dawk in-nisa li jitqiesu li għandhom riskju ferm akbar li jiżviluppaw il-marda tal-kanċer fis-sider.
Il-pożizzjoni tad-Diviżjoni tas-Saħħa fuq screening fuq bażi nazzjonali għandha terġa` tiġi evalwata fis-sena 2005.
Jogħġbu l-Ministru jara li jintlaħaq xi forma ta' arranġament sabiex it-tfal tas-soċjeta` tal-mużew f'Raħal Ġdid ikunu jistgħu jużaw il-ground tal-football f'Santa Luċija, stante li meta jmorru biex jilgħabu l-football nhar ta' Ħadd wara nofsinhar dan il-ground ikun dejjem magħluq?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva. Ser nitkellem ma' min hu involut biex nara l-arranġament dwar l-użu tal-ground tal-football f'Santa Luċija mit-tfal tas-soċjeta` tal-mużew f'Raħal Ġdid.
Jogħġbu l-Ministru jara li titwaħħal bozza mill-iktar fis possibbli fi Triq Moira Mintoff, Tarxien, peress li d-dlam ċappa li hemm jista' jagħti lok għal inċidenti jew abbużi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' il-Ministru jinvestiga r-raġuni għaliex residenti fil-blocks li nbnew fl-area ta' Sta Liena, Bormla, minkejja li dan il-bini issa ilu s-snin li tela', ta' spiss għadhom qed isofru inkonvenjent ta' żbroff ta' drenaġġ? Min kien responsabbli mix-xogħol tas-sistema tad-drenaġġ ta' dawn l-appartamenti, u min għamel xogħol ta' superviżjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-problema tal-flats fl-'area' ta' Santa Liena, Bormla hija nterna u mhux minħabba l-'main' tad-drenaġġ tal-gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.