Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36298 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom direttur fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni qed teħel multi regolarment b'disprezz tal-qorti għax mhix titla' quddiem it-tribunali dwar assenteiżmu skolasitku? Għaliex din id-direttur mhix titla' quddiem dawn it-tribunali? X'sar min-naħa tal-ministeru ta' l-edukazzjoni mal-kollega ministerjali tiegħu fil-qasam tal-ġustizzja u tal-gvern lokali biex tissolva din il-problema?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-fehma tiegħi fil-każijiet ġudizzjarji dwar assentejiżmu huma s-social workers inkarigati mill-każijiet konċernati li jiġu mħarrka biex jagħtu x-xhieda tagħhom u mhux id-Direttur li jmexxi d-Dipartiment responsabbli minn dawn is-servizzi. Is-Social Workers għandhom direttiva mill-Union tagħhom sabiex ma jattendu ebda seduta qabel ma jkun hemm ftehim dwar l-ilmenti mressqa mill-Union f'isimhom. Id-direttur konċernata qed teħel multi għax il-ħaddiema ma hux qed jitilgħu f'isimha, taħt direttiva tal-Union tagħhom. Qed isiru laqgħat bejn il-Ministeri konċernati biex tinstab soluzzjoni għall-problema kurrenti. Il-każijiet ġudizzjarji dwar l-assenteiżmu ser jingħataw il-konsiderazzjoni li tixirqilhom fi struttura u ambjent addattat. Bħalissa qed jitħejjew xi eżiġenzi amministrattivi biex tkun tista' titwettaq id-deċiżjoni meħuda.
Leg 9 PQ #36307 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Mater Dei

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti miktuba biex jattendu l-iskola Mater Dei? X'etajiet għandhom? Kemm fil-fatt jattendu regolarment minn dawn l-istudenti? Kemm hemm klassijiet f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa fl-iSkola Mater Dei hemm 9 studenti li jattendu l-iskola regolarment. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 10 u 16-il sena.
Leg 9 PQ #36308 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Mater Dei

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fl-iskola Mater Dei? Xi staff ieħor hemm f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola Mater Dei bħalissa hemm żewġ għalliema. Wieħed minnhom iservi wkoll bħala "teacher in charge". Hemm ukoll:- 4 Għalliema peripatetiċi 1 Skrivan (Part-Time) 1 General Hand
Leg 9 PQ #36548 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Sajjieda Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-konsiderazzjonijet tal-Ministeru għall-ittra tiegħi mibgħuta fit-30 ta' Settembru 2002 dwar is-sitwazzjoni tas-sajjieda Maltin u li tagħha qed nibgħat kopja separatament.

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, filwaqt li nikkonferma li rċevejt l-ittra tiegħu li kopja tagħha bagħathili separatament mal-mistoqsija tiegħu, il-Gvern, qabel id-data ta' din l-ittra, kien diga' ħa passi dwar is-sitwazzjoni tas-sajjieda Maltin fir-rigward tal-problemi rinfaċċati minnhom mas-sajjieda Tuneżini. Inoltre, fl-okkażżjoni tal-laqgħa tal-Kummissjoni mista Malta-Tuneżija li saret bejn l-24 u l-25 ta' Ottubru 2002, din il-materja ġiet trattata direttament bejn rappreżentanti governattivi taż-żewġ pajjiżi sabiex Malta u t-Tuneżija jikkollaboraw biex is-sajjieda Maltin u Tuneżini jkunu jistgħu jistadu fl-ordni u mingħajr ma jkunu ta' xkiel għal xulxin. L-awtoritajiet Tuneżini tennew li qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji u qed jinvestigaw il-provi kollha li qed jingħatawlhom mill-awtoritajiet Maltin dwar il-ħsarat li qed isofru s-sajjieda Maltin fl-ibħra internazzjonali. Huma wkoll qed iwissu lis-sajjieda Tuneżini b'miżuri iebsa f'każ li jigi determinat min qed jikkaguna danni u ħsarat lis-sajjieda Maltin. Malta u t-Tuniżija wkoll qablu sabiex jikkollaboraw mill-qrib fil-qasam tas-sajd u ftehmu li jittieħdu inizjattivi sabiex titkattar il-ħbiberija bejn is-sajjieda Maltin u Tuneżini.

Baħrija — Fawran tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex reġat tħalliet tfur il-fossa tad-drenaġġ fil-Baħrija għall-ġimgħat sħaħ. Xi spezzjonijiet saru sabiex tiġi studjata l-ħsara kawżata fuq l-ambjent rurali nkluż l-uċuħ tar-raba u l-mezzi ta' l-ilma tat-tisqija li hemm fl-inħawi? Jista' l-Ministru jara li jiġi mnaddaf il-wied li rċeva dan id-drenaġġ qabel il-festa ta' San Martin

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fossa tal-Baħrija tiġi mbattla kuljum. Biex tingħata aktar attenzjoni għat-tbattil aktar spiss ta' din il-fossa, illi kull ma jmur qiegħda tiżdied il-load fuqha, ħarġet tender speċifikament għat-tbattil ta' din il-fossa weħidha. B'hekk ikun jista' jsir tbattil tagħha aktar spiss biex jiġi żgurat illi fl-ebda ħin tal-ġurnata ma tfur. Minn spezzjonijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ ma jirriżultax illi saret xi ħsara fuq l-ambjent rurali u ma jidhirx illi hemm bżonn ta' tindif tal-wied minħabba xi żbroff tad-drenaġġ.

Persuni b'Diżabilita` — Impjiegi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni b'diżabilita` li ngħataw xogħol/impjieg mas-settur privat u/jew il-gvern u l-korporazzjonijiet jew entitajiet oħra tiegħu matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Kemm minnhom kienu għomja u x'etajiet kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba, skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għax-Xogħol uTaħriġ.

Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol f'Malta u Għawdex separatament? Kemm mill-każi kienu rapportati mill-ħaddiema taċ-ċivil u kemm mis-settur privat? Kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' korrimenti fuq il-post tax-xogħol rappurtati bejn Jannar u Settembru 2002. Rigward il-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 34935 u 35257 f'Seduta Numru 738 u 790 rispettivament.
Leg 9 PQ #36623 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Hands on fishing

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mill-programm tal-hands on fishing? Kemm-il darba saru matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena, dawn il-programmi u kemm kien in-numru ta' studenti preżenti? Min huma l-membri tal-bord li jieħdu ħsieb dawn il-programmi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li f'dawn l-aħħar erba' snin ma tnieda l-ebda programm ta' din ix-xorta.
Leg 9 PQ #36624 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ambjent/MEPA — Panewijiet tal-Konkos

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 36363, jista' il-Ministru jinformana jekk il-MEPA investigatx il-każ imqajjem u jekk iva x'passi ħadet u x'inhija l-pożizzjoni llum? Jekk le, jista' jara li l-MEPA tinvestiga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi rigward il-każ tat-triq ta` Burmarrad, fit-28 ta` Ottubru 2002, inħareġ mill-MEPA Ordni ta` Waqfien skond l-Att ta` l-Ambjent 2001 fuq id-Dipartiment tat-Toroq talli ġew imwaqqgħin ħitan tas-sejjieħ u minflok ġew mibnija ħitan bil-kantun. Saret ukoll laqgħa mal-Perit inkarigat mix-xogħlijiet fejn ġie diskuss l-Avviż Legali 160 maħruġ fl-1997. Il-Perit ġie ordnat li ma jistax isir iżjed xogħol fuq ħitan tas-sejjieħ qabel ma il-MEPA tkun tista` tagħmel 'full assessment' tad-dannu li sar. Aktar minn hekk, dawn ix-xogħlijiet qegħdin jiġu diskussi f`kumitat konġunt bejn il-MEPA u d-Dipartiment tax-Xogħolijiet.
Leg 9 PQ #36633 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Imsida — Residenti Anzjani - Mediċini

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex residenti anzjani mill-Imsida li jkollhom bżonn il-mediċini ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jmorru ċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira biex jinqdew? Ma jistax isir dan mill-berġa ta' l-Imsida?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li anzjani u pazjenti li joqgħodu l-Imsida jistgħu jġibu l-Mediċini mill-berġa ta` l-Imsida billi jużaw is-sistema tal-postal service li tintuża fil-bereġ ta` Malta kollha. Dawn ikunu jridu jieħdu l-kartuna tal-mediċini mar-riċetta tat-tabib ħmistax-il ġurnata qabel ma jispiċċawlhom il-mediċini. Ħmistax wara jistgħu jiġbru l-mediċini mill-berġa tal-lokalita` tagħhom.

Talba ta' persuna biex tiġi boarded-out — Swatar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex il-pesuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li sa ftit ilu kien jaħdem il-Libja, jibda proċeduri għall-boarding out?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħħa.

Santa Venera — Triq il-Kanun - Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir bozza fi Triq il-Kanun, Santa Venera, f'area li taqa' taħt ir-responsabbilta` tal-gvern ċentrali u li tiġi quddiem il-kulleġġ ta' St Michael's, minħabba nuqqas ta' dawl adegwat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kuntrarjament g]al dak li qed jingħad mill-Onorevoli Interpellant, ir-responsabbilta' tad-dawl fit-triq imsemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera.

Pulizija — Ex-membri tad-dejma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm, jew hemmx, membri tal-korp tal-pulizija li huma ex-membri tad-dejma? Is-servizz fi żmien li kienu fil-korp tad-dejma se jgħodd mal-25 sena servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 17-il membru tal-Korp tal-Pulizija li qabel kienu membri tad-Dejma. Infurmat ukoll illi dak il-perijodu ta` żmien li huma kienu qed iservu mal-Korp tal-Pulizija qabel ma ingaġġaw fil-Korp tal-Pulizija jgħodd mal-25 sena servizz.

Santa Venera — Triq tal-Palazz l-Aħmar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta Triq tal-Palazz l-Aħmar, Santa Venera se tiġi rranġata mill-istat ħażin li tinsab fih?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36453.

Djar — Units għall-bejgħ

Question

Jista' il-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm-il unit għal bejgħ ħarġet l-awtorita` tad-djar f'din l-aħħar issue u kemm minnhom kienu diġa` ħarġu fl-issue ta' qabel? Kemm kien hemm minn dawn li kienu allokati? X'inhija r-raġuni li dawk li jkunu applikaw, iżda ma jiġux allokati housing unit għax-xiri, ma jiġux imsejħa f'ordni ta' priorita` meta jiġi rifjutat xi unit li jkun ġie allokat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, taħt Avviż Legali Numru 67, l-Awtorita' tad-Djar ħarġet total ta' 195 unit f'Malta u Għawdex. Minn dawn il-units 79 kienu ħarġu qabel taħt Avviż Legali Numru 66 u 48 minnhom kienu ġew rifjutati wara l-allokazzjoni. Skond il-kondizzjonijiet elenkati fl-Avviż, l-Awtorita' iżżomm lista ta' riżerva għal perijodu ta' tlett xhur. F'dan il-perijodu l-Awtorita' tkompli talloka l-units skond l-ordni tal-punti miġjuba. Meta jiskadu dawn it-tlett xhur, tispiċċa l-validita' tal-lista ta' tiżerva u l-units li ma jkunux ġew allokati jinħarġu għall-bejgħ b'Avviż sussegwenti.

Allowance għal tfal ta' 16-il sena li għadhom l-iskola

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti li jagħmlu familja eliġibbli biex tfal ta' 16-il sena li għadhom l-iskola jieħdu l-allowance

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Allowance tat-Tfal tibqa' titħallas fil-każ ta' dawk it-tfal bejn is-sittax u l-wieħed u għoxrin sena, jekk dawn ikunu jattendu l-iskola full-time u ma jirċevux l-ebda forma ta' remunerazzjoni. Din l-Allowance titħallas ukoll lill-persuni li qegħdin jireġistraw għall-ewwel darba fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru ta' l-Impiegi u qatt ma kienu ħadmu qabel. F'dawn il-każi r-rata ta' l-Allowance tkun ta' 1.5% tad-differenza bejn id-dħul kollu tal-familja u l-ogħla dħul biex tikkwalifika għall-Allowance tat-Tfal, jiġifieri Lm10,270. Fejn id-dħul tal-familja tkun anqas minn Lm2,770, l-ammont li jitħallas jinħadem bl-istess persentaġġ daqs li kieku d-dħul tal-familja kien ta' Lm2,770. Fejn applikabbli kif imsemmi hawn fuq, l-anqas rata ta' Allowance li titħallas hija ta' Lm1 fil-ġimgħa jew Lm52 fis-sena.

Qormi — Triq ir-Riegnu - Qtugh tad-Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx saretx investigazzjoni dwar il-qtugħ tad-dawl li ta' spiss ikun hemm f'parti minn Triq ir-Riegnu, Qormi? Jekk iva, għaliex u x'azzjoni ttieħdet? Jekk le, meta se ssir investigazzjoni biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa ħalli jinqata' l-inkonvenjent għan-nies konċernati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn informazzjoni li għandi, jirriżulta li fit-triq imsemmija, matul dawn l-aħħar xahrejn, kien hemm żewġ interruzzjonijiet. Dawn kienu dovuti għal ħsara.
Leg 9 PQ #36651 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm klandestini ġew ripatrijati f'Settembru u Ottubru 2002? Jista' jgħid kemm minn dawn il-klandestini applikaw għall-istatus ta' refuġjati? Jista' jgħid jekk kienx hemm applikazzjonijiet minn dawn li ġew trattati bis-sistema tal-proċedura aċċellerata taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar ir-Refuġjati? Jekk kien hemm, x'kienet ir-raġuni prima facie li ġew trattati bil-proċedura aċċellerata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul ix-xhur ta` Settembru u Ottubru ta` din is-sena ġew ripatrijati 376 klandestin, li ħadd minnhom ma kellu xi applikazzjoni għal status ta` refuġjat pendenti.
Leg 9 PQ #36652 Sitting 812 2002-11-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Klandestini

Question

Billi l-kummissarju tal-pulizija ġie rrapportat li qal li l-allokazzjoni ta' fondi għall-klandestini ntnefqet b'xi sitt darbiet aktar minn dak oriġinarjament provdut, jista' il-Ministru jgħdi xi pjani għandu l-gvern biex jilqa' għall-problema finanzjarjament? Jista' jagħti dettalji speċifiċi tal-ħwejjeġ jew bżonnijiet bażiċi minimi li qiegħed jipprovdi lill-klandestini waqt li jinżammu f'pajjiżna, b'indikazzjoni ta' l-ispiża approssimattiva għal kull item li jiġi provdut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija għamel talba lill-Ministeru tal-Finanzi sabiex jingħata aktar fondi sabiex ikun jista` jkopri l-ispejjeż involuti sabiex jinżammu u jiġu mantnuti l-klandestini. Minbarra l-ikel, dawn qed jingħatawlhom l-affarijiet kollha meħtieġa sabiex tinżamm l-iġene personali ta` kull wieħed, kif ukoll il-materjal kollu meħtieġ għat-tindif tal-post. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa ta` dawn l-affarijiet għal dawn il-klandestini.