Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq ġodda li huma ppjanati li jinbnew f’Ħal Luqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba jkunu ffurmati mill-izviluppaturi jew residenti, skont l-obligi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-culverts ippjanati li jinbnew f’Ħal Qormi biex itaffu l- problema tal-għargħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li wara li tlesta x-xogħol marbut mal-Proġett għat-Taffija tal-Għargħar f’Ħal Qormi b’fondi Ewropej, m’hemmx ħsieb li jinbnew iżjed culverts f’din il-lokalità minn dawn il-fondi. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura xorta waħda qed janaliżża s-sitwazzjoni fi Triq Dun Marju u l-Isqaqien li hemm fiha, u l-parti ta’ Triq il-Ħammieri li tiġi kantuniera ma’ Triq ix-Xitwa biex jekk jirriżulta li hemm problema ta’ għargħar, il-culverts li jkun hemm bżonn jiddaħħlu fil-programm ta’ xogħlijiet tad-Dipartiment biex isiru minn fondi Nazzjonali.
MEUSAC – Core Group – laqgħat – membri Maltin tal-Parlament Ewropew
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, ġew mistiedna membri Maltin tal-Parlament Ewropew għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u kemm attendew?
Response (DALLI, HELENA)
Mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, Membri Maltin tal-Parlament Ewropew (MPE) ġew mistiedna għaxar (10) darbiet għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u n-numru ta’ laqgħat li attendew huwa:
MPE
Attendenza
Onor. Miriam Dalli
2
Onor. Alfred Sant
2
Onor. Marlene Mizzi
3
Onor. David Casa
1
Onor. Roberta Metsola
1
Onor. Therese Comodini Cachia
2
Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsilli
Question
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux se jsiru laqgħat informali li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill? Jekk iva, liema se jkunu dawn il-laqgħat? X’suġġetti se jittrattaw? Kemm huma mistennija li jattendu parteċipanti?
Response (DALLI, HELENA)
Ser ikunu organiżżati żewġ laqgħat informali li jittrattaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-laqgħat huma:
i. Konferenza tripartitika dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ gruppi vulnerabbli fuq il-post tax-xogħol. Din il-konferenza ser tinkludi wkoll il- ‘Good Practice Awards Ceremony’ organiżżata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. L-għan ta’ din il-konferenza huwa li titqajjem kuxjenza ikbar dwar il-ħtieġa li gruppi vulnerabbli jingħataw protezzjoni adekwata fuq il-post tax-xogħol billi jiddaħħlu miżuri speċifiċi għall-vulnerabbiltà li tkun teżisti. Ser ikunu kkunsidrati diversi gruppi vulnerabbli, fosthom ħaddiema żgħażagħ jew anzjani, nisa tqal, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam marittimu, ħaddiema barranin, ħaddiema li jistgħu jsofru diskriminazzjoni fuq ix-xogħol, ħaddiema b’kuntratti atipiċi u dawk li jaħdmu għal rashom, u ħaddiema b’diżabbiltà. Huwa mistenni li għal din il-konferenza jattendu 220 parteċipant.
ii. Laqgħa Plenarja tas-‘Senior Labour Inspectors Committee’ (SLIC) u Ġurnata Tematika. Il-Ġurnata Tematika ser tittratta s-suġġett tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi li jaħdmu f’dan il-qasam, u fost affarijiet oħra ser ikunu analiżżati l-miżuri li jittieħdu mid-diversi spettorati minn madwar l-Ewropa kollha biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi waqt li jissemmew eżempji ta’ prattika tajba. L-aġenda tal-Laqgħa Plenarja tas-SLIC hija organiżżata mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa mistenni li għal din il-laqgħa jattenda mal-65 delegat u parteċipant ieħor.
Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – rwol ta’ Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid apparti l-laqgħat informali li se jsiru Malta, f’liema laqgħat oħra li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol se tkun rappreżentata Malta? F’liema kumitati li jittrattaw l-istess suġġett se jkollha rappreżentanza Malta? F’dawn il-laqgħat, Malta se jkollha xi rwol partikolari?
Response (DALLI, HELENA)
Fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, Malta ser ikollha rwol, in rappreżentanza tal-Presidenza, f’dawn il-kumitati u, jew laqgħat:
i. Advisory Committee for Safety and Health (ACSH) – Malta ser tkun rappreżentata fil-kapaċità ta’ President tal-Government Interest Group;
ii. Government Interest Group (laqgħat separati) – President tal-grupp;
iii. ACSH Bureau – membru;
iv. Senior Labour Inspectors Committee (SLIC) – membru;
v. SLIC Bureau – membru;
vi. Atomic Questions Group – Rappreżentanza tal-Presidenza;
vii. ACSH Working Party ‘Actions resulting from ex-post evaluation of OSH acquis’ – Rappreżentanza tal-Presidenza;
viii. Social Questions Working Party – Rappreżentanza tal-Presidenza.
Dokumenti maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’pożizzjoni se tkun qed tieħu Malta fir-rigward tad-dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea f’nofs Jannar ta’ din is-sena li jikkonċerna l-evalwazzjoni tad-Direttivi li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol? Malta taqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-Direttivi dwar dan is-suġġett m’għandhomx bżonn ta’ tibdil sostanzjali?
Response (DALLI, HELENA)
Il-konklużjoni prinċipali kif espressa f’dan id-dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea hija li d-Direttivi dwar saħħa u sigurtà huma effettivi u ‘fit for purpose’ u m’għandhomx bżonn reviżjonijiet prinċipali. Fil-fatt il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm aġġornar tekniku ta’ sitt Direttivi u ta’ numru ta’ Annessi fid-Direttivi. Il-kummissjoni qed tipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ numru ikbar ta’ dokumenti gwida ntenzjonati għall-intrapriżi żgħar, waqt li ser tippromwovi l-użu ta’ għodda elettroniċi interattivi.
Miżuri oħra li qed tipproponi l-Kummissjoni jikkonċernaw l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ħaddiema domestiċi, u problemi psikosoċjali, muskuloskeletali, u dawk relatati mad-diversità fuq ix-xogħol.
B’mod ġenerali, Malta taqbel ma’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari tinnota b’sodisfazzjon li ser jittieħdu wkoll miżuri mill-Kummissjoni intiżi li jnaqqsu piżijiet burokratiċi żejda fuq l-iStati Membri relatati mal-implementazzjoni tad-Direttivi.
NGOs u entitajiet pubbliċi – settur ta’ ħidma kontra l-vjolenza domestika
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li qegħdin jittieħdu biex jissaħħaħ il-kordinament bejn id-diversi entitajiet pubbliċi u NGOs fis-settur tal-ħidma kontra l-vjolenza domestika?
Response (DALLI, HELENA)
Qed isiru diversi inizjattivi biex jitjieb il-kordinament fosthom;
1 Twaqqaf network ta’ NGOs li jaħdmu fis-settur li jiltaqa’ regolari u jitrattaw hwejjeg komuni li jghinu it-tishih tas-servizzi. Dawn ukoll jiltaqghu ma’ ufficjali minn entitajiet pubblici biex jiddiskutu u jwittu hwejjeg biex ghin it-titjieb ta’ l-operat.
2 Il-kummissarju jiltaqgħa regolarment ta’ ufficjali anzjani minn diversi entitajiet biex ukoll jitjieb l-operat u l-kordinament. Irrid nghid li qed ikun hemm hafna koperazzjoni minn dawn l-ufficjali pubblici.
3 Qed isiru preparazzjonijiet biex titwaqqaf task force bejn diversi operaturi pubblici biex flimkien jikkordinaw l-inizjattivi li johorgu mill- progett ta’ l-UE li applika ghalih id-direttorat ghad-drittijiet umani. Din it-task force tohrog minn dan il-progett imma sa tkun strument ghal aktar kordinament u zvillup fis-settur.
4 Fil 25 u 26 ta’ Mejju il-kummissjoni sa torganizza zewg seminars dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul ghal diversi professjonisti u dan sa jsir bil-ghajnuna ta’ esperti barranin u Maltin. Hawn ukoll irid nghid li il-partecipazzjoni tas-settur pubbliku kif ukoll mill-NGOs huwa nkoragganti hafna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Development and Continuity?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Business Development and Continuity, ħames impriżi ibbenifikaw minn meta l-iskema reġgħet ġiet imnedija fl-2016.
Skema Investment Aid for High Efficiency Cogeneration — intrapriżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Investment Aid for High-Efficiency Cogeneration?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema Investment Aid for High Efficiency Cogeneration ġiet imnedija f’Settembru 2016 u sa issa l-ebda impriża ma bbenifikat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Start bejn is-sena 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min mindu ġiet imnedija l-iskema tal-Business Start mil-2015 sal-aħħar ta' Jannar 2017 in-numru ta' mpriżi li bbenifikaw min din l-iskema kien ta' 55.
Pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq – Memoranda of Understanding
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Memoranda of Understanding pendenti mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu)?
Response (VELLA, GEORGE)
Hemm tmien Memoranda of Understanding pendenti mal-pajjiżi indikati mill-Onorevoli Interpellant.
Erbgħa minnhom, tlieta mal-Alġerija u ieħor mat-Tuneżija, huma maqbulin u se jiġu ffirmati meta tiltaqa’ l-Kummisjoni Konġunta mal-pajjiżi rispettivi fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Memoranda of Understanding pendenti mal-pajjiżi tas-Sahel (is-Senegal, il-Mawritanja, il-Mali, Burkina Faso, in-Niġer, in-Niġerja, iċ-Chad, is-Sudan u l-Eritrea)?
Response (VELLA, GEORGE)
Hemm żewg Memoranda of Understanding pendenti mal-pajjiżi indikati mill-Onorevoli Interpellant.