Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31015 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex

Question

Billi f'iktar minn okkażjoni waħda ngħad li l-Gvern qed jikkunsidra servizz ta' fast ferry bejn Malta u Għawdex, almenu sakemm jiġi deċiż x'ser isir mill-proġett tal-mina/pont, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet it-tender biex ikun jista' jibda jopera dan is-servizz ta' fast ferry bejn il-gżejjer?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent, kumitat tekniku qed jieħu ħsieb l-abbozzar ta’ tali tender li se tiġi ppubblikata fil-futur qarib.

Korp tal-Pulizija – sejħa għal ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġa' jkun hemm sejħa għall-ingaġġ ta' persuni fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan l-ingaġġ hux ser ikun fil-livell ta' pulizija jew f'ranks iktar għoljin fl-istess korp?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — Membri tal-korp li qed isegwu korsijiet fl-Università

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-Korp li għandhom permess biex isegwu korsijiet fl-Università? Liema korsijiet qed isegwu (f'numru għal kull kors differenti), u jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-persuni humiex marbuta li jagħmlu xi żmien ta' servizz wara li jtemmu l-korsijiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li membri tal-Korp li jridu jsegwu kors fl-Universita`, qegħdin jagħmlu dan fil-ħin liberu tagħhom. Bħalissa m’hemmx scholarships miftuħa għall-membri tal-Korp biex isegwu xi kors fl-Universita`.

Heritage Malta – direct orders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27811, jista' l-Ministru jispjega għaliex fl-2015, inħarġet direct order għall-Provision of Turnstiles and Data Barcode Readers - Fort St Elmo għall-kumpanija waħda filwaqt li fl-2016, inħarġet direct order oħra għall-Provision of Supply of Turnstiles for Various HM Sites lill-kumpanija oħra? Jista' jgħid għaliex għaż-żewġ direct orders, ingħata r-raġuni ta' Sole supplier - compatibility with ticketing software?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2015 Heritage Malta għamlet market research u testing estensiv li minnu rriżulta li kien hemm kumpanija waħda li setgħet tipprovdi turnstiles li huma kumpatibbli mas-sistema tal-biljetti ta’ Heritage Malta u li tista’ taqdi l-bżonnijiet partikolari tal-aġenzija f’dan ir-rigward. Dawn inxtraw għal Sant’Iermu biss. Fl-2016 Heritage Malta kompliet bl-investiment tagħha f’dan il-qasam, u ġew ordnati oħrajn simili għall-bqija tas-siti. Dawn ġew ordnati u pprovduti mill-istess kumpanija li sadanittant kienet biddlet isimha.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn April 2013 sa Diċembru 2016, l-ispiża fuq mobile phones u fuel tal-uffiċjali (Segretarjat) fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, kienet kif ġejja: Mobile Phones: €34,104.04 Fuel: € 7,183.34

Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Il- Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi ġie kkostitwit fid- 29 ta’ April 2016, allura ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni relatata ma din id-domanda hija bejn id-data min meta gie kkostitwit Il- Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima sa Dicembru 2016. L-ispejjeż li saru minn uffiċjali fis-segretarjat ta’ l-imsemmi Ministeru huma kif gej:- Mobile phones - € 3,724.30 Fuel - €2,420.00

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tagħha matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #29702 Sitting 483 2017-02-15 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Konsulenti - remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ konsulenti ngaġġati mill-2014 ‘l hawn u x’kienet ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — Konsulenti - remunerazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti lista ta’ konsulenti ngaġġati mill-2014 ‘l hawn u x’kienet ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li ġie ngaġġat konsulent wieħed fil-perjodu kkonċernat u li din il-persuna m'għadhiex tokkupa din il-pożizzjoni. Ir-remunerazzjoni tiegħu f'dan il-perjodu kienet dik ta' Skala 3 fis-Servizz Pubbliku.
Leg 12 PQ #29704 Sitting 483 2017-02-15 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Konsulenti - remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ konsulenti ngaġġati mill-2014 ‘l hawn u x’kienet ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ġewx ingaġġati konsulenti mill-2014 ’l hawn.

Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' stupru matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Kmamar tan-nar — inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex fl-2016? Jista jgħid kemm mietu u ndarbu persuni f’dawn l-inċidenti xahar b’xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, kien hemm żewġ inċidenti fi kmamar tan-nar u t-tnejn li huma ġraw f’Malta. F’kull inċident indarbet persuna waħda u ma kien hemm l-ebda persuna li tilfet ħajjitha. Dawn l-inċidenti ġraw f’Marzu u Ottubru.

Rapporti ta’ persuni li għerqu fl-ibħra Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni li għerqu fl-ibħra Maltin fl-2016? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, in-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom fl-ibħra Maltin kien jammonta għal tnax il-persuna.L-informazzjoni relatata ma’ kull inċident tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li tilfu ħajjithom minħabba aċċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha minħabba aċċident tat-traffiku fl-2016? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu irġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, 23 persuna kienu vittmi li tilfu ħajjithom kawża ta’ inċidenti tat-traffiku matul is-sena 2016. Informazzjoni addizzjonali kif mitluba fil-mistoqsija tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni mressqa l-Qorti fuq drink driving

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq drink driving , f’Malta u f’Għawdex fl-2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Kumpanija — sitwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi u kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'interventi qed jikkontempla l-Gvern biex isalva l-futur ta’ dan l-investiment f'Malta u l-impjieg tal-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninstab nfurmat li Jobsplus offriet l-għajnuna lill-ħamsa u għoxrin ħaddiem/a li se jispiċċaw fl-immedjat. Madanakollu, jidher li dawn il-ħaddiema għandom pjanijiet lesti hekk kif s’issa ħadd minnhom ma’ rrikorra għall-assistenza.
Leg 12 PQ #30525 Sitting 483 2017-02-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kumpanija – sitwazzjoni tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'interventi qed jikkontempla l-Gvern biex isalva l-futur tal-impieg ta’ dawn il-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom? Kemm hemm ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa pperikolat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li wara diskussjonijiet mal-kumpanija msemmija, Jobsplus offriet l-għajnuna lill-ħamsa u għoxrin ħaddiem/a li se jispiċċaw fl-immedjat. Madankollu, huwa mifhum li dawn il-ħaddiema għandhom pjanijiet lesti hekk kif s’issa ħadd minnhom ma rrikorra għall-assistenza.

Ħal Luqa – Triq il-Karmnu – proġett ta’ culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta’ culverts biex itaffi l-problema tal-għargħar li jkun hemm fi Triq il-Karmnu Ħal Luqa u l-isqaqien li hemm f’din it-triq b’mod partikolari fi Sqaq Nru 4?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, u fondi pubbliċi.

Ħal Luqa — Culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-culverts ippjanati li jinbnew f’Ħal Luqa biex itaffu l-problema tal-għargħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, u fondi pubbliċi.