Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – sistema ta’ skills cards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif miexja s-sistema tal-iskills cards tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini u jekk hemmx snajja ġodda għal din is-sena?

Response (DALLI, HELENA)

S’issa ġa ġew introdotti 4 snajja b’diversi kategoriji u livelli b’success u għal din is-sena hemm ippjanat li nibdew dawn li ġejjin. · Project Manager · Construction site manager · Carpenter/shutter form worker · Scaffolding certifiers / installers · Lift installation / certification · Demolition · Brick Layers u Bennejja.

Awtorità dwar il-Mediċini – laqgħat u konferenzi tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema laqgħat u konferenzi se tkun qiegħda tospita l-Awtorità dwar il-Mediċini fil-kuntest tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30127 u ċjoè: Peress li wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), il-Ministru kienet qalet li hemm diversi liġijiet li jridu jiġu emendati, tista’ l-Ministru telenka dawn il-liġijiet u għal kull liġi tgħid liema huma dawk l-artikoli li se jiġu emendati? Tista’ tgħid meta se jiġi ppubblikat l-abbozz ta' liġi f'din ir-rigward?

Response (DALLI, HELENA)

F'dak li jaqa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru li mmexxi jien, l-emendi ser jiġu proposti fl-Att Dwar il-Kompetizzjoni, l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u r-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Skont il-parir tal-AG id-deċiżjoni tal-Qorti għandha impatt fuq liġijiet oħra li ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru. Bħalissa ghaddej ix-xoghol fuq l-amendi li jikkoncernaw dak li jaqa taht l-MCESD, u meta jitlestew kollha, jgħaddu mill-proċess normali u jiġu ppubblikati.

Koperattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ koperattivi sena b'sena bejn l-2013 u l-2016?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n numru ta’ koperattivi ġodda sena b’sena bejn l-2013 u l-2016 kien ta’: 2013- 6 koperattivi 2014- 2 koperattivi 2015- 2 koperattivi 2016- 6 koperattivi

Skema Business Advisory Services — intrapriżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services bejn is-sena 2014 u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2014 sa' Jannar 2017, kien hemm 153 impriża li bbenifikaw mill-iskema tal-Business Advisory Services.

Skema Gozo Transport Grant Scheme — intrapriżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Gozo Transport Grant Scheme fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sa Jannar 2017 kien hemm 71 impriża li bbenifikaw mill-iskema tal-Gozo Transport Grant.

Park Nazzjonali tal-Inwadar – ġbir ta’ skart u radam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart u radam illegali fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fuq inizjattiva li ħa l-Bord tal-Governanza flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kkalkulat li fuq 15-il ġurnata ta' xogħol, wara inizzjattiva tal-Bord tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fi ħdan il-Ministeru tiegħi u flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, inġabru madwar 400 tunnellata skart u radam illegali li jikkonsisti f'materjal tal-kostruzzjoni, kif ukoll fi skart domestiku.

Park Nazzjonali tal-Inwadar – rimi ta’ skart u radam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u x’kontrolli ser jittieħdu biex jiġi kkontrollat ir-rimi ta’ skart u radam milli jibqa' jseħħ fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Kif forsi jaf l-Onor Interpellant jiena ħtart Bord ta’ Governanza sabiex jara li titwettaq l-istrategija tal-Gvern għal park in kwistjoni. Dan il-bord beda jaħdem u fil-fatt sal-lum twaħħlu tliet kameras CCTV li jaħdmu lejl u nhar u joperaw b'sistema ta' iffukar 360 degrees. Il-ħsieb huwa li fil-futur jitwaħħlu iktar minn dawn il-cameras ta’ sorveljanza sabiex jiġi mrażżan ir-rimi ta' skart u radam u jinqabdu dawk li jiksru l-liġi. Il-ħsieb huwa wkoll li jkunu impjegati numru ta’ ħaddiema sabiex jissorveljaw il-konfini tal-park. Barra minn hekk permezz tal-media diġitali u ta’ tabelli mifruxin fuq il-post il-viżitaturi tal-park ser ikunu mgħarrfa dwar il-preġji naturali u storiċi li fiħ il-park, apparti li dawn ser iservu wkoll sabiex il-pubbliku jkun imfakkar dwar il-protezzjoni legali li għandu bħala park nazzjonali.

Pajjiżi tal-Amerika Ċentrali – Memorandum of Understanding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Memoranda of Understanding pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika Ċentrali?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ Memoranda of Understanding pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika Ċentrali. Il-Memoranda of Understanding mall-Messiku fuq Konsultazzjonijiet Bilaterali huwa ffinaliżżat u se jkun iffirmat meta tinstab data għall-iffirmar.

Pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq – ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu)?

Response (VELLA, GEORGE)

Hemm għaxar ftehim pendenti mal-pajjiżi indikati mill-Onorevoli Interpellant. Tnejn minn dawn, mal-Marokk, huma maqbulin u se jkunu ffirmati fl-ewwel okkażjoni possibli.

Pajjiżi tas-Sahel – ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti mal-pajjiżi tas-Sahel (is-Senegal, il-Mawritanja, il-Mali, il-Burkina Faso, in-Niġer, in-Niġerja, iċ-Chad, is-Sudan u l-Eritrea)?

Response (VELLA, GEORGE)

Hemm tliet ftehim pendenti mal-pajiżi indikati mill-Onorevoli Interpellant.

Stati Uniti tal-Amerika – ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti mal-Istati Uniti tal-Amerika?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda ftehim pendenti mal-Istati Uniti tal-Amerika.
Leg 12 PQ #30976 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet tal-Gvern – mediċini li jintużaw fil-kura tal-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-mediċini li qed jintużaw fil-kura tal-kanċer fl-Isptarijiet tal-Gvern? F’liema sena ġiet introdotta kull mediċina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-formularju tal-gvern hemm għexieren ta’ mediċini li jintużaw għal-kura tal-kanċer. Tajjeb li nghid illi fl-2012 taħt gvern preċidenti ma ddaħħlet l-ebda mediċina tal-kanċer ġdida fil-formularju tal-gvern, filwaqt li mil-2013 sal-lum iddaħħlu 7 mediċini b’dożi ġodda biex jittrattaw diversi tipi ta’ kanċer.
Leg 12 PQ #30977 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei –studju u suġġerimenti fir-rigward tal-waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30779 u 30378 li oriġinarjament saru lill-Prim Ministru u li issa qed isiru lilu, u jgħid lil min ingħata l-inkarigu li jagħmel studju u suġġerimenti dwar il-waiting lists fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar dwar il-waiting lists f'Mater Dei? Jista’ jagħti l-ammont li tħallas għal dan ir-rapport?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28714.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq it-Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f'San Pawl il-Baħar u li għaliha suppost li diġà ngħatat it-tender tax-xogħol meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #31013 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn – bini mill-ġdid tal-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna l-bini mill-ġdid tal-breakwater ta' Marsalforn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn xi inżid mat-twegiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 28672.
Leg 12 PQ #31014 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna t-tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex? Meta hu mistenni li tinħareġ it-tender għat-tqegħid ta' dan l-istess cable?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 30254. Ninforma wkoll li hu mistenni li t-tender in kwistjoni tinħareġ aktar tard din is-sena.